Malta debates tal-kamra tad-deputati


TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



Yüklə 401,19 Kb.
səhifə2/6
tarix08.01.2019
ölçüsü401,19 Kb.
#93110
1   2   3   4   5   6

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA




ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' stqarrija għall-istampa maħruġa fil-25 ta' Lulju, 1997 dwar l-esportazzjoni ta' patata matul l-1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7970.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN GRECH: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Kopja ta' Critical Analysis of Customer Perception Survey maħruġ mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ f'Lulju 1997.
Din hi l-korporazzjoni li tant ikkritika l-Onor. Joe Cassar fl-aġġornament li għamel il-ġimgħa l-oħra!
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, jien ma nafx għalfejn il-Ministru meta jpoġġi dokument hawn joqgħod isemmi affarijiet li għamel fl-14 ta' Lulju. (Interruzzjonijiet) Niftakarha bl-amment id-data għax hija l-ġurnata tal-waqgħa tal-Bastilja!
MADAM SPEAKER: Grazzi, stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet. Il-Ministru Karmenu Vella.

MOZZJONIJIET

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SERVIZZI TAT-TURIŻMU GĦAL MALTA



ONOR. KARMENU VELLA (Ministru tat-Turiżmu): Nipproponi l-Ewwel Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att ta' l-1997 dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta".

MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE FARRUGIA: Nissekonda.

MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjah "Att ta' l-1997 dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta" jkun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ORDINANZA DWAR IL-PROTEZZJONI TA' PROPRJETA' INDUSTRIJALI

INDUSTRIAL PROPERTY (PROTECTION) ORDINANCE (AMENDMENT) BILL



MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, nipproponi t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Protezzjoni ta' Proprjeta' Industrijali.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CHARLES MANGION (Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali" jkun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi nqara t-Tielet Darba u għadda.

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-IPPJANAR TA' L-IŻVILUPP

DEVELOPMENT PLANNING (AMENDMENT) BILL



It-Tieni Qari ġie moqri

Ikompli mit-22 ta' Lulju, 1997

Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea huwa in possession. Onor. qabel ma tkompli għandek bżonn Leave of House.
Qed nara li hawn talba biex l-Onor. Galea jkompli bid-diskors tiegħu. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. CENSU GALEA: Nirringrazzja lill-Kamra kollha għall-permess li kkonċedietli.
Madam Speaker, meta nhar it-Tlieta li għaddew kont qed nitkellem dwar din il-liġi kont qiegħed ngħid li hemm ċerti affarijiet li wieħed jista' jgħid li fl-andament ta' kuljum ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar hemm bżonn li wieħed jagħti kashom, anke to the extent li nieħdu l-miżuri neċessarji biex nibdluhom, pero' kont qed ngħid li l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna m'huwiex wieħed li jittratta dawn il-problemi u m'huwiex wieħed li jara kif dawn id-diffikultajiet t'amministrazzjoni ta' kuljum jiġu megħluba imma huwa abbozz li permezz tiegħu l-Gvern qed ireġġa l-arloġġ lura għax lill-ministru qed inpoġġuh bħala ċ-ċentru ta' l-attivita' ta' l-ippjanar. Minflok li lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar se nħallulha liberta' ta' azzjoni sabiex f'dawk l-aspetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp tara l-mod globali ta' kif tħares lejn l-affarijiet, wara li jidħol fis-seħħ dan l-abbozz ta' liġi se niġu f'pożizzjoni fejn il-ministru jingħatawlu mill-ġdid bosta poteri ġodda li kienu tneħħew minn idejh. L-aħħar darba kont qed ngħid li b'dak li qed nagħmlu se nkunu qed nistiednu l-inkwiet b'idejna għax se mmorru lura għall-pożizzjoni ta' indħil politiku u ta' indħil mill-gvern fejn jidħol l-ippjanar. Hawnhekk forsi tajjeb li naraw x'kienu jgħidu ż-żewġ partiti politiċi qabel Ottubru tas-sena l-oħra.
Jekk wieħed jara x'kien jgħid il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni jsib li, kuntrarju għal dak li ingħad minn diversi kelliema tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni f'dawn l-aħħar ġimgħat, mill-ewwel ikollna naslu għall-konklużjoni li l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna assolutament ma jirriflettix dak li suppost kellu jagħmel Gvern Labursita ġdid. Meta mbagħad nhar it-Tlieta għamilt riferenza għall-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi Prim Ministru minn taħt l-ilsien qal li din kienet "tqarbina tax-xewqa". Jekk irid jarah hekk jarah hekk imma hawnhekk tajjeb li nenfasizzaw li aħna konna qed nistqarru b'mod mill-iktar ċar ir-rieda soda tagħna li at all costs l-awtonomija ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar m'għandhiex titnaqqar waqt li l-gvern jiggarantixxi mhux biss proċess fair u trasparenti, kif inhu, iżda anke effiċjenza fil-ħidma.
Din hi responsabbilta' li ma nistgħux naħarbuha. Kull ċittadin għandu dritt għal servizz trasparenti u effiċjenti. M'għandux ikun hemm lok għal dewmien għax id-dewmien jgħolli l-ispejjeż ta' kull investiment, jekk ma jisfrattahx. Fil-programm elettorali tiegħu, il-Partit Laburista kien qal li kien se jsaħħaħ il-poteri ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Kien qal ukoll li:
"Il-proċeduri li tistħarreġ l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp jkunu msaħħa u mtejba. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar tkun magħmula minn firxa ta' membri li jkunu iktar rappreżentattivi".
Madam Speaker, naħseb li dan l-abbozz ta' liġi jmur għal kollox kontra ta' dak li ngħad f'dan il-programm. Għandna pożizzjoni għal kollox kuntrarja mil-lat ta' attwazzjoni ta' programm. Minflok li nieħdu l-passi biex insaħħu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u nagħmluha aktar indipendenti, qed nintroduċu ħafna indħil politiku f'suġġett, nerġa' ngħid, li l-esperjenza tal-passat urietna li anqas ma jindaħal il-politiku aktar ikun aħjar.

Il-kelliema tan-naħa l-oħra bdew igħidu l-ħin kollu li l-poplu jrid jieħu dak li hu tiegħu bi dritt u fl-iqsar żmien possibbli. Jekk wieħed jara l-essenza ta' dan l-abbozz malajr jinduna li, f'diversi aspetti tiegħu, minflok li qed nagħmlu dan qed nagħmlu proprju bil-maqlub. Minflok qed nagħtu iktar poter u aktar possibbilta' ta' trasparenza biex kulħadd ikun jaf x'qed jiġri, il-ħin kollu qegħdin nagħtu aktar poteri lill-ministru. Fl-opinjoni tiegħi, inqas ma jindaħal il-ministru iktar ikun aħjar. Dan mhux qed ngħidu b'riferenza għall-Onor. George Vella imma għal kull persuna li tista' tokkupa din il-kariga. L-indħil tal-gvern se jkun indħil ferm iktar minn qatt qabel. Mhux biss se jkun hemm indħil fuq xi policy ġenerali imma se jkun indħil fuq ċerti dettalji. Nista' nagħti lista ta' ndħil ġdid li se jkollu dritt jagħmel il-gvern. B'dan l-indħil li qed nintroduċu se jkollna bilfors nagħtu definizzjoni ġdida ta' "ppjanar".


Ma ninsewx li l-pjan ta' struttura li għandna huwa l-ewwel pjan ta' struttura li qatt kellna f'pajjiżna. Dan ġie mfassal b'ħafna xogħol min-naħa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fih hemm ħafna punti li jibqgħu validi minn żmien għal ieħor. Il-gvern għandu dritt li jbiddel il-pjan ta' struttura? Il-fatt li kull dokumentazzjoni li għandha x'taqsam mal-pjan ta' struttura mhijiex se tkun approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar imma jrid ikun il-gvern li jagħti din l-approvazzjoni, huwa l-ewwel pass fid-direzzjoni żbaljata. Anke fil-policies ta' kuljum se nkunu fil-pożizzjoni li l-Gvern jiddeċiedi u jiddetta hu mbagħad, kuntrarju għal dak li jsir illum, tkun l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li tesegwixxi dawk l-ordnijiet tal-Gvern. Hawnhekk allura wieħed jistaqsi: X'se tkun il-funzjoni ta' l-awtorita' issa li se nkunu fil-pożizzjoni li l-Gvern imexxi u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ssegwi. Imma kif qed tirraġunaw li l-Gvern irid jagħmel hekk? Minn fejn qed tivvintaw li l-Gvern irid jimxi b'din is-sistema?
Madam Speaker, minn domandi parlamentari li saru dan l-aħħar kellna indikazzjoni ta' x'irid jasal għalih il-Gvern . Diversi drabi kellna domandi parlamentari fuq xogħlijiet li beda l-Gvern mingħajr ma mexa mal-proċedura - mhux xogħlijiet li fihom infushom huma ħżiena - li normalment għandu jimxi biha, jiġifieri dik li jissottometti l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. F'dawn id-disa xhur li għaddew rajna lill-Gvern imexxi kif ifettillu mingħajr ma jagħti kas ta' x'inhi l-policy uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. U dan fiż-żmien meta l-liġi kienet għadha tagħti ċerti poteri lill-awtorita'. Jiġifieri l-awtorita' ma baqgħetx teżerċita l-poteri tagħha bl-istess mod li kienet tagħmel qabel.
Per eżempju, quddiemna għandna emenda li tgħid li l-ministru jinforma lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar x'inhuma l-policies tal-Gvern f'dak li huwa żvilupp u l-ministru mbagħad jissorvelja l-operat ta' l-awtorita' fl-eżekuzzjoni ta' dawn il-policies. Dan huwa attakk mill-iktar qawwi fuq l-awtonomija ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Lin-nies li qegħdin jisimgħuna qed nagħtuhom impressjoni żbaljata. Se jkollna l-idea li jekk il-Gvern jista' jagħmel dak li jfettilu, allura ċ-ċittadin, li suppost jiġi l-ewwel, jagħmel li jrid hu wkoll! Nafu li kien hemm diversi lmenti pero' biex wieħed isolvihom ma kienx hemm għalfejn nagħtu poteri ferm kbar lill-ministru. Imbagħad hemm ukoll fatturi oħrajn.
Qegħdin għal darba oħra nbiddlu bosta mill-funzjonijiet kemm tad-development control commission, li hija l-kummissjoni li tara l-applikazzjoni ta' kull individwu, kif ukoll ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Diversi drabi, anke fil-programm elettorali, kellna l-impressjoni li se jkun hemm awtorita' b'firxa ta' membri li jkunu "iktar rappreżentattivi". U x'għandna fil-proposta li għandna llum? Għandna proposta li d-DCC tkun jiddependi ħafna fuq iċ-chairman u fuq il-membri li jirrappreżentaw lill-Gvern. Bid-difetti kollha u l-problemi kollha fid-DCC, anke jekk wieħed seta' ma qabilx ma' ċerti deċiżjonijiet, għallinqas kellna nies li jaħsbu, jeddeċiedu u fl-aħħar mill-aħħar jagħtu deċiżjoni finali mingħajr ma jibżgħu mill-indħil tal-ministru.
Qed ngħidu li d-DCC tista' tiltaqa' fil-magħluq fuq talba ta' xi ħadd. Dan m'huwiex punt li jagħti aktar awtonomija u trasparenza. Jekk dan il-punt jiġi fis-seħħ inkunu fil-pożizzjoni li minflok niftħu iktar inkunu qed nagħlqu. Meta ningħalqu wara l-bibien inkunu qed nagħlqu l-possibbilta' ta' diskussjoni valida min-naħa ta' l-applikanti u ta' min ikun qed joġġezzjona. Il-membri tal-bord tad-DCC, se jiġu f'pożizzjoni li minflok ma jaġixxu b'mod liberu, jieħdu deċiżjonijiet imġebbda minħabba raġunijiet oħrajn. Hawnhekk nagħmel parentesi żgħira.
Meta l-Onor. Michael Bonnici kien qed jitkellem, il-Viċi Prim Ministru ntervjena biex jgħid li l-istruttura ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u tal-bord se tibqa' hemm imma b'daqshekk ma kienx ifisser li l-membri bilfors ikunu l-istess. S'hawnhekk naturalment il-Viċi Prim Ministru għandu d-dritt kollu li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu li jbiddel il-persuni kif iridhom hu. Imma nagħmillu appell biex jara bis-serjeta' li l-membri jkunu nies validi li jistgħu jagħtu kontribut. Iridu jkunu nies li bis-serjeta' jerfgħu r-responsabbilitajiet tagħhom u jaraw li d-deċiżjonijiet li jieħdu jeħduhom għax ikunu jemmnu fihom. Il-Viċi Prim Ministru għandu jevita li jiġri bħalma ġara fil-passat, li jkun hemm persuni li iktar iħossuhom leali lejn nies oħrajn u mhux lejn ix-xogħol li jkunu qed jagħmlu.
Anke fejn jidħol l-appointment taċ-chairman ta' l-appeals board, qed ngħidu li dan se jkun maħtur mill-ministru. Din hija wkoll pożizzjoni fejn m'għandux ikun hemm indħil tal-Gvern. Se nerġgħu nirritornaw għall-pożizzjoni fejn ikollok persuni li jħossu li s-sigurta' ta' xogħolhom tiddependi fuq kemm jogħġbu jew ma jogħġbux lill-ministru.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, il-kollega tiegħi, biex ikun onest, irid jgħid li fil-liġi kif inhi llum, iċ-chairman tal-bord għall-kontroll ta' l-iżvilupp huwa nnominat mill-Prim Ministru. X'hemm ġdid fiha dik? Ma nimmislidjawx lill-Kamra. Qisna qed nagħmlu xi ħaġa ġdida! Iċ-chairman tad-development control commission illum huwa nominat mill-Prim Ministru u m'aħna se nbiddlu xejn.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Censu Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Għar-rigward taċ-chairman tad-DCC iva, imma għar-rigward taċ-chairman ta' l-appeals board m'huwiex il-każ. (Interruzzjonijiet) L-istess ħaġa wieħed jista' jgħid għal dak li jirrigwarda s-segretarju tal-bord ta' l-appell. Jiġifieri kemm iċ-chairman u kemm il-komponenti l-oħra ta' l-appeals board iridu jinħatru b'mod dirett mill-ministru. Barra din, hemm emendi oħrajn li jwasslu għall-pożizzjoni ta' iktar poter f'idejn il-ministru u allura għandek aktar persuni li jħossuhom leali lejn il-ministru.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, il-kollega tiegħi kien beda diskors interessanti u kont qed nieħu pjaċir nisimgħu, imma issa qed jimmislidja lill-Kamra. Il-membri tal-bord ta' l-appell sal-lum, bil-liġi preżenti li għandna, huma kollha nnominati mill-President fuq il-parir tal-ministru. Mhux hekk se nibqgħu? X'inti tgħid li se nagħmlu affarijiet ġodda! Trid tgħid lill-pubbliku li qed jisma' li f'dan il-kontest, il-membri tal-bord ta' l-appell illum huma nnominati mill-President tar-Repubblika li dejjem ikun qed jaġixxi fuq il-parir tal-ministru. U hekk se jibqgħu l-affarijiet.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, safejn naf jien f'dak li għandu x'jaqsam mal-bord ta' l-appell se jkun hemm ċertu tibdil. (Interruzzjonijiet) Jien qed nitkellem fuq il-bord ta' l-appell. Iva, hemm tibdil li, fl-opinjoni tiegħi, se jwassal biex f'diversi aspetti ta' din il-liġi se jkollna intervent dejjem akbar min-naħa tal-Gvern.
Qed ngħidu wkoll li l-ministru se jkun jista' jintervjeni f'dak li huwa l-pjan ta' struttura u jbiddel partijiet. Qed ngħidu wkoll li jista' jkollna l-ħin kollu - jew kważi l-ħin kollu - tibdil f'dawk li huma policies ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bl-azzjoni diretta min-naħa tal-ministru. Dan huwa pass li sfortunatament jista' jwassalna lura għal dawk iż-żminijiet meta l-intervent tal-ministru kien ferm iktar b'saħħtu.
Madam Speaker, minflok li se niftħu għal iktar trasparenza u għal possibbilta' li kulħadd ikun jaf x'inhu għaddej fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, se nirritornaw għall-pożizzjoni fejn il-ministru jkollu wisq poteri f'idejh. Il-ministru se jkun jista' jintervjeni f'affarijiet li aktar ma' l-politiku jitbiegħed minnhom iktar ikun qed jagħmel ġid lis-soċjeta'. Nagħlaq hawnhekk u nispera li meta niġu biex inħaddmu din il-liġi ma nispiċċawx biex ikollna wisq iktar indħil mill-Gvern. Ma rridux li nerġgħu niġu għall-pożizzjoni fejn il-ministru jibda jiddeċiedi mhux biss il-policy imma jibda jiddeċiedi wkoll min u kif jista' jieħu l-permessi. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) La m'hawnx aktar rimarki, nistieden lill-Viċi Prim Ministru biex jgħaddi għall-winding up.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nibda billi nserrah moħħ l-Onor Censu Galea li qegħdin ħafna 'l bogħod mill-idea li l-ministru jibda jagħmel il-policies jew li jibda jagħti l-permessi. Jien naf min kien jagħti l-permessi - u m' hemmx bżonn immorru ħafna 'l bogħod - imma għalissa aħjar ma nibdewx insemmu każijiet u ismijiet. Verament għadu kemm kellna dibattitu twil fuq l-emendi għall-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Din hija liġi twila u kkomplikata u huwa mpossibbli li temendaha kollha f'daqqa. Fil-ħames snin li ilha topera u li ilha tiġi applikata jidher li hemm ħafna konsenturi u ħafna xquq li wieħed irid jirranġa. Fil-bidu forsi kien hemm l-iskop li wieħed jagħmel bidla sħiħa, imma ċ-ċirkostanzi kienu tali li parti minn din il-liġi riedet immedjatament tiġi emendata ħalli l-affarijiet ma jibqgħux jagħtu r-riżultati li kienu qed jagħtu. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex ħassejna li qabel ma jagħlaq dan il-Parlament kellna nagħmlu dawn l-emendi. Ma ridniex inħallu l-affarijiet ikarkru matul is-sajf. F'Ottubru, bħalma jaf kulħadd, nagħmlu seduti twal fuq l-estimi ġenerali tal-korporazzjonijiet u ta' l-awtoritajiet u dawn l-emendi, li fl-opinjoni tiegħi huma urġenti, kien ikollhom jistennew għall-aħħar tas-sena jew addirittura għall-bidu tas-sena d-dieħla. Dan kien ikun sagrifiċċju kbir għal ħafna nies li qed igergru fuq kif qed jinqdew mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Il-piż tat-tmexxija u l-funzjonament effiċjenti pero' professjonali, trasparenti u ġust tal-Planning Authority inħossu fuq spallejja. Nerfa' r-responsabbilita' kollha ta' dan it-tibdil. Jien qed nissuġġerixxi li dan it-tibdil isir bi qbil ma' din il-Kamra ħalli jkollna riżultati pożittivi.
Jien għidt fil-bidu, Madam Speaker, li ġejt hawnhekk mhux b'xi liġi li niżlet mis-Sinai imma ġejt b'abbozz ta' liġi b'moħħi miftuħ, lest biex nisma' l-kritika u lest biex jekk hemm bżonn inbiddel anke dawn l-istess emendi li hawn inkorporati f'dan l-abbozz ta' liġi. Fil-fatt għandi f'moħħi li nagħmel ċerti emendi għall-emendi għax nista' ngħid li sa nhar is-Sibt u nhar it-Tlieta stess, waqt li d-dibattitu kien għadu għaddej, kont qed niltaqa' ma' organizzazzjonijiet oħra, u dan in vista, b'mod speċjali, ta' l-allegazzjonijiet kbar li qed isiru min-naħa l-oħra, li qisna rridu nibilgħu l-Planning Authority fi ħdanna u nikkmandawha u nżommuha bl-ispaga. Sabiex nurukom li m'għandniex dan l-iskop lesti li ntajru xi affarijiet biex jekk kemm-il darba qegħdin iqanqlu dawn il-ħafna suspetti, nuru li veru m'għandna l-ebda skop li dawn l-affarijiet nagħmluhom.
Madam Speaker, jekk nanalizza l-interventi li saru mill-bankijiet ta' l-Oppożizzjoni u nagħsarhom kollha flimkien - fil-fatt in-naħa l-oħra bejniethom ħadu aktar minn tmien siegħat fuq dan is-suġġett - insib li kien hawn reazzjoni esaġerata għal dak illi n-naħa l-oħra kienet taf li kien hemm bżonn li jsir fil-Planning Authority imma li għal diversi snin m'għamlet xejn dwaru. Jien ngħid li kellna din ir-reazzjoni esaġerata biex, kif jgħid il-Malti, jgħattu xturhom. Jien ngħid ukoll li kien hawn reazzjoni partiġjana ħafna għall-istess raġuni għal min kellu ċ-ċans jagħmel dan it-tibdil fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar - u baqa' m'għamlux - li iva, kien irregalaha lill-poplu l-Partit Nazzjonalista. Kienet istituzzjoni tajba, għadha tajba u rridu ntejbuha għax kieku ma naqblux magħha niġu hawn bil-kuraġġ kollu u ngħidu: Isma' din se nneħħuha. Jien ngħid li seħħet din ir-reazzjoni partiġjana biex jiskużaw ruħhom ma' l-elettorat illi qallhom u għadu qed jgħidilhom: Konna ġbajna nħabbtulkom, niktbulkom, inċemplulkom u nkellmukom biex tbiddlu l-liġi u tirranġaw l-affarijiet iżda bqajtu m'għamiltu xejn! Aħna minn din in-naħa bilfors ikollna naslu għal din il-konklużjoni li kien hawn din ir-reazzjoni hekk qawwija għax il-partit l-ieħor meta kien fil-gvern kellu ċ-ċans jirranġa l-affarijiet kieku ried u dan iċ-ċans tilfu. Pero' mbagħad interessanti wkoll illi wieħed jinnota li din ir-reazzjoni ma kenitx konsistenti, anzi kienet reazzjoni mħallta, għax stajna ninnotaw differenzi kbar bejn il-kelliema u din fl-opinjoni tiegħi tirrifletti t-taħwid li għad hemm f'dan il-partit, tmien xhur wara t-telfa elettorali.
Madam Speaker, kellna taħlita ta' diskorsi li kienu fl-opinjoni tiegħi bbilanċjati u kostruttivi u mingħajr ma nagħmel kumplimenti lil ħadd ngħid li ħadt pjaċir nisma' d-diskorsi ta' l-Onor. Mugliett - ovvjament nistenna wkoll ċerta kritika; mhux ovvja din! - u ta' sieħbi l-Onor. Michael Bonnici, li b'frott ta' l-esperjenza li kellu fuq il-bord, bħalma kelli jien, tkellem b'mod realistiku u tkellem b'mod prammatiku ħafna. L-istess ngħid għall-kollega tiegħi l-Onor. Tonio Borg, li again huwa bniedem t'esperjenza fuq il-bord, li bħas-soltu tkellem b'mod serju, b'mod prattiku, b'mod kostruttiv u nasal biex ngħid, anke b'mod pjaċevoli, għaliex hemm kritika magħmula b'mod pulit, b'mod intelliġenti u bbażata fuq argumenti li ta' min jirrispettahom. Kellna anke diskors mill-Onor. Ninu Zammit, li fl-istil tiegħu nista' ngħid li kien diskors pakat u realistiku, b'ħafna suġġerimenti prattiċi, għax wara kollox l-Onor. Membru huwa perit u għandu l-esperjenza. L-istess japplika għall-kollega tiegħi, l-Onor. Ċensu Galea, ħlief għall-aħħar żewġ żgarraturi fejn inġarr daqsxejn mill-emozzjoni imma altrimenti ħadt pjaċir nisma' ċerta kritika li kienet ħierġa.
Pero' mbagħad, b'kuntrast li jaqta' b'sikkina, kellna diskorsi bħal ta' l-Onor. George Pullicino, li għalija kien negattiv għall-aħħar għax kien repetittiv u bl-ebda suġġeriment prattiku; sempliċement kollox ħażin, kollox ħażin u kollox ħażin. Fl-opinjoni tiegħi, l-Onor. Membru huwa rappreżentant tal-branka ultra konservattiva, biex ma ngħidx ultra leminija, tal-Partit Nazzjonalista. Dan li qed ngħid għad-diskors ta' l-Onor. Pullicino jgħodd imbagħad għad-diskorsi agressivi kważi, b'ton ta' xi meeting, ta' l-Onor. Austin Gatt u ta' l-Onor. Francis Zammit Dimech. Fil-każ ta' l-aħħar nista' nifhem għax l-Onor. Zammit Dimech, bl-ebda mistħija ta' xejn, ma fakkarx lill-Kamra li kien hu li kien responsabbli għal xi żmien mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Hu kien responsabbli, Madam Speaker, u suppost jaf ħafna aktar għax kien ikun spiss f'kuntatt ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ħalla kollox kif kien u ħalla t-tgergir tan-nies għaddej mingħajr m'għamel xejn fuqu. Pero' l-aqwa li l-ħbieb tal-partit kellhom il-mezzi kif jaħdmu fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar u jakkwistaw dawk il-permessi li kellhom bżonn! L-Onor. Zammit Dimech jaf x'qed ngħid.
Mhux l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet ħażina imma l-mod kif kienet tiġi użata, bin-nies jidħlu hemmhekk, jiġru wara l-files, jimbuttaw il-każ tagħhom u jaraw li jakkwistaw l-permess malajr kemm jista' jkun. L-Onor. Zammit Dimech kien responsabbli dak iż-żmien u kien hu li meta kellu dan kollu quddiemu kien jagħlaq għajnejh kemm irid u kien iwassal il-messaġġi u l-ordnijiet li ried, meta ried u bl-idejn twal li kellu fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Nixtieq li kieku l-Onor. Membru qiegħed hawn ħalli jirrispondini. (Interruzzjonijiet) Bħalma kien jagħmel ta' qablu wara kollox, l-ex-Ministru Michael Falzon, li kien juża l-istess tattika għax kellu l-mezzi u n-nies kif mill-Planning Authority jakkwista u jieħu l-permessi li għandu bżonn għall-ħbieb u ħaddieħor jibqa' jittewweb barra u jistenna. X'nirranġaw l-istruttura! Aħna konna moqdijin! Kien hemm il-mezzi kif l-affarijiet jimxu meta rridu mmexxuhom, altrimenti ma kienx ikollna għalfejn li xi raġel ta' xi membru parlamentari jkun hemm minn filgħodu sa filgħaxija jippassiġġa fil-kuriduri u jiġri bil-files f'idejh ma' l-iskrivani, mal-case officers, bl-uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jiġru miegħu!
Dan kollu kienu jafuh l-Onor. Zammit Dimech u l-ministru ta' qablu imma issa l-Perit Michael Falzon ntefa' għall-ġurnaliżmu. Mhux ovvju li ma jkollux grazzja ma' wiċċi! Imma hemm l-id moħbija wara ċertu ġurnaliżmu ta' min ħa d-disfatta tal-pubbliku, għaliex għamel dak li għamel fil-Planning Authority, u ħalla lil Malta tiċċappas bi skandli oxxeni bħal ta' Busietta għax kien hu wieħed milli ddeċieda bla ebda sens li l-permess jingħata. U permezz ta' l-idejn twal li kellu anke ħammeġ lil dan il-pajjiż u l-ambjent ta' dan il-pajjiż bi proġetti li ġew mogħtija l-permess u llum kulħadd iħares lejn xulxin u jgħid: Imma dan il-permess kif ħareġ? Imma dan il-permess kif ingħata? Imbagħad tistaqsi bil-mod u tkun taf kif ingħata u tkun taf l-id twila tal-Perit Michael Falzon fejn kienet. U mhux jien biss ngħidu dan, Madam Speaker. Mur barra fit-triq - jien niċċalinġja lil kulħadd hawnhekk - u jgħidulek min kienu n-nies li kienu jfittxu ħalli jmexxulhom il-files. U jiena ngħid li mhux ta' b'xejn l-istess partit meta kien fil-gvern biddel in-nies minn fuq id-DCC.
Ara aħna wara tmien xhur, in-nies li kien hemm fid-DCC li appunta l-Gvern ta' qabilna hemm għadhom u ma biddilna lil ħadd minnhom. (Interruzzjonijiet) Dażgur li s'issa! Kieku kellna l-għatx tal-poter li attakkajtuna bih u li rridu nikkontrollaw kollox konna nagħmlu bħalma għamiltu intom fl-1987, b'xi Evarist Saliba jmur il-Foreign Affairs u jqaċċat 'il barra lil kulħadd mill-għada. (Interruzzjonijiet) Onor. Mugliett, forsi l-istorja ma tafhiex imma aħjar taqraha. Min irid il-poter f'idejh hekk jagħmel mhux iħalli jgħaddu tmien xhur. Hawnhekk niċċalinġja lil kull min irid ikun jaf illi lil min qed jippreżentani fid-dipartiment tiegħi, fid-DCC u fil-Planning Authority, jien qatt ma kellimtu f'dawn it-tmien xhur biex ngħidlu kif jivvota jew ma jivvotax, dik affari tiegħu u responsabbilta' tiegħu. Sal-bieraħ stess fejn kien hemm żewġ deċiżjonijiet serji quddiem il-Planning Authority, jiena nista' naħlef hawn li min qed jirrappreżenta d-dipartiment tiegħi fuq id-DCC ħallejtu fil-liberta' - dan jista' jixhdu hu - u bl-ebda mod ma wassaltlu messaġġi jew bgħatt inkellmu ħalli jiddeċiedi mod ieħor minn kif iħoss li għandu jiddeċiedi. Dik tkun is-serjeta' mela din l-ipokrezija kollha! Smajna dan il-kor kollu hawnhekk li dan il-Gvern se jaħtaf l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, se jiekolha u se jikkontrollaha. Nafu kif kien isir il-kontroll, mela ma nafux!
Kellna mbagħad lill-Onor. Austin Gatt jitkellem bi stil pedantiku, ripetittiv u bl-akbar ipokrisija għaliex bla dubju ta' xejn dan kollu li qed ngħid jien kollu jafu. Mela biex riedu f'dawn it-tmien siegħat dibattitu isalvaw wiċċhom quddiem in-nies dawn, Madam Speaker? L-Onor. Membri tan-naħa l-oħra kollha qamu qishom akkolti f'kor wieħed jikkwotaw mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u bdew jgħidulna x'kellhom f'rashom li jagħmlu. U din ta' x'kellhom f'rashom li jagħmlu u x'kien beħsiebhom jagħmlu, min verament jaf kif jaħdem il-Partit Nazzjonalista ... Per eżempju, jiena niftakar li kien ilhom jgħidu xi disa' snin - u kienet tidher bħala item sena wara oħra f'kull budget - li kienu se jagħmlu sptar tat-tfal. Darba, jekk m'inix sejjer żball, kienu vvotaw xi Lm60 jew Lm100 għalih u dejjem kienu jgħidu li se jagħmluh! Anke meta konna daħħalna c-childrens allowance kienu jgħidu li dejjem kellhom f'rashom li xi darba jagħmluha. Issa anke dan it-tibdil kontu se tagħmlu? Għamiltu disa' snin fil-gvern, b'żewġ ministri mustaċċuni in charge tal-Planning Authority - li issa ilha topera għal kważi ħames snin - u mbagħad tiġu tgħidu lill-poplu li dawn it-tibdiliet kontu se tagħmluhom. U ejja! Mhux ta' b'xejn il-poplu ma fdakhomx. (Interruzzjonijiet) Jien għidt li għamiltu xi ħaġa tajba għax jien inħobb nitħaddet b'mod oġġettiv, Onor. Censu Galea. Għadni kemm ikkumplimentajtkom għax għamiltu xi ħaġa li jien naqbel magħha, li jien nemmen li hi bżonnjuża, għidt li hi bżonnjuża u se niġġieled bis-saħħa tiegħi kollha biex naraha tibqa' taħdem, pero' ssir aktar effiċjenti u aktar tajba għal dawk il-funzjonijiet li għandha tagħmel. Dan jien nassigurah. Pero' mhux li tiġi hawnhekk u lill-poplu tgħidlu: Isma', dan li qed jgħidu tal-Partit Laburista ħafna minnu kont se nagħmlu jien. Jaħassra donnu li l-Partit Nazzjonalista għadu ma fehemx li t-telfa fl-aħħar elezzjoni li għaddiet hija l-vot tal-poplu li qalilhom: Isma', jiena m'għadnix nemminkom għax kontu tgħidu ħaġa u tagħmlu oħra, kontu twegħdu mod u tagħmlu ieħor. (Interruzzjonijiet) Issa niġi għal dak li qegħdin jgħidu li jien wegħedt u m'għamiltx. Kollu se ngħidu dak.
Madam Speaker, dawn bħas-soltu nfexxew fil-gideb u fil-ħolqien tad-dubji. Din hi l-politika li dejjem ibbaża fuqha l-Onor. Eddie Fenech Adami, kemm ilu li daħal hu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jiżra' d-dubju, kelma jitfagħha hekk u mbagħad iħalli l-oġġett jikber; imbagħad ikollu xi ħadd b'moħħu tajjeb ħafna, jorganizza l-media u jċappas artiklu 'l hawn, artiklu 'l hemm u juża l-influwenza fuq dak u fuq l-ieħor ħalli dawn jiktbu l-artikli u jibda ħiereġ il-gideb u l-poplu jibla'. Din hija t-tattika li, nerġa' ngħid, minkejja kollox ma ħadmitx. Imma hawn qegħdin naraw a repeat performance ta' din it-tattika li ġiet użata ad nauseam. Xbajna nużawha issa! Jekk ngħidu x'qalu u d-dubji li żergħu nsibu li ntqal li hemm "il-biża' ta' xi cover-up" - qisu se jaqa' is-saqaf fuqna! Semmew anke "l-idejn moħbija" wara dawn it-tibdiliet li qed nagħmlu - isma' daqsxejn, Madam Speaker! - u "l-id twila tal-ministru". Dawn huma l-espressjonijiet li l-kollegi tagħna tan-naħa l-oħra użaw biex lill-poplu li qed jismagħna, illi xeba' jiktbilna, xeba' jċemplilna, xeba' jkellimna u ġej u sejjer jagħmel l-appuntamenti magħna biex nagħmlu xi ħaġa u nirranġaw l-affarijiet fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jgħidulu: Qed tara x'ġibt b'idejk inti! Qed tara x'ġibt fuq saqajk inti! Dawn issa ara x'se jagħmlulna!
L-Onor. Zammit Dimech anke wasal biex qal li għandi xi "vested interests" u li xi ħadd impona fuqi biex nagħmel dan it-tibdil. Kellna wkoll lil xi ħadd li qal li se jkun hemm "poter politiku inkontrollabbli" Forsi min kien, kien qed jaħseb f'RCC, li kien iċ-ċentru nevralġiku f'Kastilja tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, li kien jikkmanda u li s-swaba tiegħu kienu jwasslu sa kull dipartiment u sa kull ministeru li kellu l-Gvern ta' qabilna. Naħseb li fih kien qed jaħseb u mhux fija meta kien qed jitkellem fuq "poter politiku inkontrollabbli". U Alla lliberana minn dik ix-xibka u minn dik il-qarnita li ma komplietx tikber għax kienet qed tifga ħafna nies. Intqal ukoll li dan kien "bżar mitfugħ fl-għajnejn". Ovvjament imbagħad, for good measure, bis-soltu arroganza ntqal - din tant saret kelma komuni li kważi lanqas biss nagħti kasha - li hemm il-biża' li "se nreġġgħu l-arloġġ lura" u li din il-liġi hija "skiżofrenika".
L-Onor. Zammit Dimech ukoll qal li dan huwa "sintomu li wara disa' xhur il-Gvern qed jibża' mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar". Li kieku qed nibżgħu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar faċli nagħmlu liġi biex nabolixxuha u nneħħu lil dawk li għad hemm jirrappreżentaw lill-ministeri ta' qabel fuq l-awtorita'. Fil-fatt dawn in-nies għadhom hemm sal-lum. U biex ikollna prova tal-konfużjoni li għandhom sħabna tan-naħa l-oħra, nisimgħu lill-Onor. Zammit Dimech jgħidilna li din il-liġi qed tagħti "poteri drakonjani" u mbagħad jaqbeż l-Onor. George Pullicino u jgħid li dan li qed nagħmlu m'huwa xejn ħlief "taparsi tibdil". Jew poteri drakonjani jew taparsi tibdil! Qegħdin nagħmlu tibdil jew m'aħniex nagħmlu tibdil! Jew moħħna biss biex inbiegħu l-propaganda, biex ngħajru, niżirgħu d-dubji u xejn aktar!
Imbagħad l-isbaħ waħda għoġbitni kienet tal-kollega ta' Ħaż-Żebbuġ, l-Onor. Michael Bonnici meta qal: Dan huwa "komplott kontra Ċesri." Skond l-Onor. Membru jien se nkun Brutus! Se nkun ħafna affarijiet jien, wiċċ Laskri u affarijiet oħra imma Brutus s'issa għadni ma kontx u din tagħtini idea għall-kostum tal-karnival! Pero' aktar interessanti mbagħad kien l-Onor. Ninu Zammit li dan spiċċa biex anke jagħtina lezzjoni kif taħmi l-pizza u din kienet l-aktar ħaġa li qgħadt nisma' b'attenzjoni u għoġbitni! (Interruzzjonijiet) Imħawra immens! Għalhekk għidt jien fil-bidu li m'hemmx fil konduttur imma hemm taħwida kbira ta' ħsebijiet li turi l-konfużjoni li hemm f'moħħ in-Nazzjonalisti, l-aqwa li jikkritikaw dak li qed jagħmel il-Gvern.

Issa l-media, li segwiet u rrapportat dan li qed jiġri hawnhekk - dan diġa' għidnih fil-Kumitat Permanenti tal-Kamra għall-Affarijiet Barranin - uriet bias politiku tremend u nerġa' ngħid li dan kollu huwa orkestrat biex jpoġġi lill-Gvern f'dawl ikrah. Ħafna mill-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni, b'nuqqas ta' servizz lill-poplu, ma semmew xejn minn dak it-tajjeb li hemm f'dan l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna u għalhekk huwa d-dover tiegħi li nsemmih għax kulma għamlu dawn kien li rripetew id-diska tan-nuqqas ta' trasparenza. Inċidentalment illum fil-gazzetti ġew irrapportati affarijiet li ma nafx minn fejn ivvintawhom għax m'għandhom x'jaqsmu xejn u qegħdin jgħidu li hemm affarijiet li addirittura lanqas jeżistu f'din il-liġi. Imma dan huwa l-mod kif inti ssib iċ-ċans ... Xi ħadd semma' lil Brutus u lil Ċesri imma jiena naħseb li Ċesri huwa l-Gvern għax donnu li hawn min ma' l-ewwel ċans li jsib jaqbad is-sikkina u jipprova jagħtih daqqa minn wara dahru bl-iskop li jeħles minnu għar-raġuni li ma' dan il-Gvern ma nxappux. Il-komplotti, ir-renji u l-prinċipalitajiet li kien hemm qabel illum sfortunatament tkissru. Jekk wieħed irid ikun jaf kemm qed jiekol propaganda u informazzjoni ħażina - misinformation jew disinformation, għidilha li trid - forsi jgħid: Imma possibbli dan il-Gvern huwa tant miġnun li skond l-Oppożizzjoni ressaq emendi quddiem il-Parlament li huma kollha ħżiena! Imma m'hemm xejn pożittiv! Lanqas redeeming feature wieħed! Lanqas ħaġa waħda m'hu se jagħmel dan il-Gvern li hi tajba! U min jaqra' u jisma' u mbagħad jinduna ngħid li għandu jdur fuq min ikun bellagħlu din l-informazzjoni u jgħidlu: Isma' inti lili xi ħsibtni mazzun! Kien hemm żmien meta konna nbellgħu l-affarijiet. Dak iż-żmien m'għadux. U b'hekk jinqabdu mbagħad u jidhru li qegħdin jagħtu informazzjoni ħażina.


Barra minn hekk, dawk l-eluf ta' nies li kellmuni kemm ili responsabbli mill-Planning Authority - u nista' ngħid li tliet kwarti mill-ħin fil-ministeru applikajtu għall-Planning Authority f'dawn it-tmien xhur li ili hemmhekk - u l-munzelli ta' ittri li nirċievu kuljum bħala complaints, dawn imbierek Alla ma dehrux fil-gazzetti! Ħadd minnhom ma tkellem u qal: Għall-erwieħ xi ħadd se jirranġaha s-sistema! Jiena ma rridx ngħid illi hemm għaddejja xi forma ta' xi ċensura biex dawn l-ittri, jekk jinkitbu, ma jidhrux fil-gazzetti, imma bilfors jidħluli d-dubji għax huwa mpossibbli - u nerġa' ngħid impossibbli - li minn dawk l-eluf ta' nies li avviċinawna u kitbulna - u meta kont membru fil-Planning Authority kienu jgħidulna biex inbidlu "hekk", nagħmlu "hekk" - imbierek Alla dawn f'daqqa waħda kollha jimmutaw. Imbierek Alla anke l-Kamra tal-Periti u l-Federation of Industry immutaw, meta nista' ngħid li dawn kienu l-ħin kollu magħna waqt id-diskussjonijiet u l-aħħar drafts u l-aħħar ħsebijiet ddiskutejnihom magħhom ħalli forsi nsalvaw ftit is-sitwazzjoni. Ma nafx għalfejn din il-kritika kollha li ħierġa, qisu l-Gvern waħdu ħareġ b'dawn l-emendi! Ejja nkunu rġiel u ejja nerfgħu r-responsabbilta' ta' dak li qbilna fuqu għax dawn l-emendi qbilna fuqhom, tħadditna flimkien u konna flimkien fiha din il-kwestjoni kollha. Illum il-ġurnata qegħdin jitbiegħdu, qishom ma kellhom x'jaqsmu xejn, u bilkemm ma nsibx lil xi perit, li forsi lanqas ikun informat b'dak li kien għaddej, u jikteb kontra. U rajna diġa' biċċiet minnhom.
Madam Speaker, jiena rrid nagħmel din il-mistoqsija: Irridu jew ma rridux tibdil fil-Planning Authority? Għax jekk ma rridux, jekk il-poplu issa f'daqqa waħda huwa kuntent u dak it-tgergir u dawk il-complaints kollha sparixxew, inħassar kollox, noqgħod bil-qegħda u mmur kwiet id-dar. Jekk il-poplu kuntent jgħidilna ħalli nħallu kollox kif inhu. Jiena konvint li l-poplu altru li m'huwiex kuntent! Il-poplu altru li m'huwiex kuntent u għalhekk qed nagħmlu dawn l-emendi. Dawn l-emendi qegħdin ħalli lill-poplu nagħtuh iċ-ċans li jinqeda aħjar. U nerġa' ngħid li l-Gvern ma jridx poteri u m'għandux x'jambi poteri. Kellu bżonn jiġu xi erba' awtoritajiet tajbin jeħdulna parti mir-responsabbiltajiet li għandna u jħaddmuhom tajjeb! Il-ministru ma jridx poteri u m'għandux x'iridhom il-poteri. Jiena sal-lum kull meta ġie jkellimni xi ħadd fuq xi ħaġa ngħidlu: Tkellimnix fuq permessi, tkellimnix fuq pjanti, kellimni fuq proċedura, kellimni jekk inqdejtx tajjeb, kellimni jekk inti tħossokx oltreġġat b'xi ħaġa imma tgħidlix fuq permessi, m'għandix x'naqsam. Pero' aħna konxji li għandna ċerti obbligi lejn iċ-ċittadin u dan id-dover qegħdin nagħmluh minkejja l-kritika tan-naħa l-oħra, minkejja t-tfigħ tat-tajn u minkejja l-akkużi. Dan huwa obbligu li se nagħmluh. U se nagħmluh b'kuntrast kbir ma' ħaddieħor li litteralment ħasel idejh mis-sitwazzjoni kollha u ħalliha tistagħġna.
Ngħid u nerġa' nirripeti dak li għidt li ta' qabli ħasel idejh b'mod illi meta dħalt fil-ministeru jien - din għidtha u nerġa' ngħidha - ma sibtx biċċa karta waħda li kienet turi li l-Onor. Zammit Dimech kien qiegħed bis-serjeta' jimpenja ruħu biex forsi jsiru xi tibdiliet. Ara mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sibt ħafna attentati ta' "nbidlu hekk" u "nagħmlu hekk" - ħalliha li forsi ma kenux effettivi - imma nassigura lil kulħadd li ma sibt l-ebda karta, l-ebda forma ta' xi rapport, l-ebda indikazzjoni li turi li l-ministru ta' qabli kien b'xi mod inkwetat. Ma kien inkwetat xejn għaliex, bħalma għidt fil-bidu, kienu moqdijin u ma kellhomx għalfejn jirranġaw l-affarijiet. Huwa ċ-ċittadin li ma kienx moqdi pero' min kellu l-ħbieb u l-mezzi kif jidħol u jdur hemm ġew, imexxi l-files u jgħaġġel u jagħmel il-konfoffi ma' ċerti nies, kien jinqeda u ma jimpurtahx minn dik il-koppja li qiegħda tistenna biex tieħu permess ħalli tibni maisonette u jkollha tistenna bħal ħaddieħor. Huwa dan li mbuttana biex nagħmlu dawn l-emendi ħalli kulħadd jieħu dak li hu fid-dritt tiegħu u dak li ħaqqu.
Madam Speaker, nixtieq li f'dan l-istadju npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-famuż rapport ta' Farrugia li min jaf kemm nibxuna fuqu min-naħa l-oħra, forsi għaliex ħasbu li fih xi mappa sigrieta fejn issib id-deheb! Dan ir-rapport ta' Farrugia kien għand il-membri tal-Planning Authority, tajtu lill-Kamra tal-Periti u tajt kopja tiegħu anke lill-Onor. George Pullicino u se npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra għaliex saret id-diskussjoni u ħadna xi ħaġa minnu. M'iniex qed ngħid li d-diskussjoni hija lesta għaliex din hija l-ewwel parti ta' l-emendi li se nagħmlu fil-Planning Authority - u din nirripetiha għall-miljun darba - pero' qed nagħmluha għaliex kienet urġenti. Nittama li bil-grazzja t'Alla nagħmlu gruppi oħra ta' emendi u nġibu lill-Planning Authority fejn nixtiequ sabiex tkun effiċjenti, trasparenti u accountable.
Madam Speaker, nixtieq inpoġġi wkoll rapport li jiena dejjem faħħartu u li għamel il-management team tad-Direttorat ta' l-Ippjanar b'reazzjoni għall-investigazzjoni li kien beda Carmelo Farrugia bl-isem "Improving the Planning Services". Nixtieq inpoġġi wkoll l-updating ta' l-istess rapport tad-19 ta' Ġunju bl-isem "Proposals for Improving the Planning Services", b'reazzjoni għal dak li kien qiegħed jingħad. Dawn se npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra biex min irid jara s-sigrieti jarahom!
Yüklə 401,19 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin