Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 364,64 Kb.
səhifə2/5
tarix09.01.2019
ölçüsü364,64 Kb.
#93938
1   2   3   4   5

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 164 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 dwar Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward ta' Sierra Leone.
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 166 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1996 tal-Kors għall-Grad ta’ Master of Science – M.Sc.;
Avviż Legali Nru. 167 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1998 tal-Kors għall-Grad ta’ Bachelor of Accountancy (Honours) – B.Accty (Hons);
Avviż Legali Nru. 168 ta’ l-1998 - Regolamenti ta’ l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1995 tal-Kors għad-Diploma in Health ScienceDip. Health Science; u
Avviż Legali Nru. 169 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1997 tal-Kors għall-Grad ta’ Bachelor of Science – B.Sc. – u Bachelor of Science (Honours) – B.Sc. (Hons) – in Informatics, Computer Science and Computer Systems Engineering.
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi n-numru ta' persuni reġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa maqsuma skond is-setturi diversi ta’ negozju, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15472.
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 170 ta’ l-1998 - Regoli ta’ l-1998 li jemendaw l-Iskedi li jinsabu ma’ l-Att dwar it-Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru. 2).
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 165 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 li jemendaw l-Iskema dwar Apprendistat Tekniku.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? L-Onor. Guido de Marco.

KSUR TA' PRIVILEĠĠ



ONOR. GUIDO de MARCO: Madam Speaker, nixtieq inqajjem każ ta’ ksur ta' privileġġ dwar dak li nqala’ l-bieraħ meta konna fil-House Business Committee.
Il-bieraħ jien kont qiegħed nistaqsi meta se titkompla l-mozzjoni ta' l-Oppożizzjoni dwar l-Ewropa li ilha pendenti minn Ottubru. Naħseb li dan huwa dover tiegħi bħala wieħed miż-żewġ membri li nirrappreżenta lill-Oppożizzjoni fil-House Business Committee. F'ħin minnhom meta konna qegħdin nitkellmu dwar iż-żmien li ttieħed fuq ir-riżoluzzjoni li għandna quddiemna llum, jien għidt li ma nafx għaliex l-Onor. George Vella kien qed jiskanta li l-Oppożizzjoni l-ewwel qalet li se topponi għall-extensions taż-żmien u mbagħad fil-fatt tat extensions. Jien komplejt ngħid li aħna għidna li ma nagħtux extensions meta d-diskors ma jkunx attinenti għall-kuntratt, pero' meta d-diskors ikun attinenti għall-kuntratt naturalment aħna nagħtu l-extensions; u hawnhekk konna qed nirriferu għall-extension li ngħatat lill-Onor. Alex Sceberras Trigona.
Imbagħad iktar tard qabeż il-kollega tiegħi, l-Onor. Vella, u qal illi kieku kien qed jitkellem il-Kap ta' l-Oppożizzjoni li diġa’ tkellem fuq ir-riżoluzzjoni, jifhem li jingħata extension pero’ pprova jagħti x’jifhem li jien il-bieraħ ma kontx qed nitkellem għall-Oppożizzjoni. Madam Speaker, irrid ngħid li jien qiegħed fuq dak il-kumitat bħala delegat ta' l-Oppożizzjoni u meta nitkellem inkun qed nitkellem għan-nom ta' l-Oppożizzjoni li jien nifforma parti minnha, naturalment fil-liberta' li aħna fl-oppożizzjon nafu nużaw biex nitkellmu u nqiegħdu l-veduti tagħna bl-aħjar mod possibbli ħalli nkunu nistgħu nfittxu soluzzjonijiet u mhux nipprovaw infixklu.
Imbagħad, b’riferenza għalija, l-Onor. Vella kompla jgħid hekk:
“Madam Speaker, beda fil-gazzetti jipprova jgħaddi ż-żmien bin-nies u jwaqqa' għaċ-ċajt mingħalih ....”.
Dak il-ħin is-Sinjorija Tiegħek talbitu jikkontrolla lilu nnifsu. Pero’ l-Onor. George Vella b'leħen pjuttost qawwi kompla jgħid:
“Aqla' ż-żarbuna u ibda ħabbat fuq il-mejda ħalli tkun ġustuż u ħalli nidħku bik! Aqla' ż-żarbuna u ibda ħabbat fuq il-mejda ħalli ddaħħakna!”.
Sinċerament dak il-ħin ma kontx naf u ma stajtx nifhem għalxiex kien qed jirriferi l-Onor. Vella. Nagħmilha ċara li dawn is-siltiet qed nikkwotahom mill-unofficial transcript tal-laqgħa tal-House Business Committee. Imbagħad qabeż l-Onor. Vella u qalli:
“Mela ma tafx xi ktibt? Ma naħsibx li kitbuhulek, ktibtu inti!”.
U għal darb'oħra ma stajtx naqbad art ta' x’kien qed jgħid l-Onor. Vella u għidtlu:

“Min qed iħabbat iż-żarbuna fuq il-mejda għadni ma ltqajtx miegħu. Jgħidu li għamilha Kruschev. Daqshekk naf għalxiex qed tgħid.”.


Reġa’ qabeż l-Onor. Vella u qalli: “Mela kitbuhulek u mhux ktibtu inti?”
Kien qed jirreferi għal xi artiklu fil-gazzetta. Jien għidtlu: “Ma nafx li xi ħadd kiteb fis-sens li se jħabbat biż-żarbuna fuq il-mejda.”.
L-Onor. Vella reġa’ qalli: “Ma tafx li ktibtha inti? Mela vera kitbuhielek?”.
Jien staqsejtu x’kien qed jgħid u l-Onor. Vella reġa’ tenna: “Mela veru kitbuhielek!”
Jiena għidtlu li allura bilfors li kien ra xi ħaġa li ma kontx ktibtha jien. Meta s-Sinjorija Tiegħek qalet li għandna naġġornaw il-kumitat għal nhar it-Tnejn, jien għidt li ma naċċettax u qabeż l-Onor. Vella u qal: "B'dak it-ton se taċċettah?".
Jiena komplejt ngħid li ma naċċetta lil ħadd jinsulentani u l-Onor. Vella talab biex tinġieb il-gazzetta ta' nhar il-Ħadd. Is-Sinjorija Tiegħek qalet li m'għandniex niddiskutu dak li jintqal fil-gazzetti u jien komplejt ngħid li ma naċċetta lil ħadd jinsulentani hemm ġew. L-Onor. Vella nsista li għandu dritt jiddiskutiha u s-Sinjorija Tiegħek qalet li dan ma jistax isir fil-preżenza tagħha għaliex m’hijiex fuq l-aġenda tal-Kumitat. Jien komplejt ngħid li jien qed nosserva biss meta se titkompla l-mozzjoni ta' l-Oppożizzjoni u dak il-ħin qabeż l-Onor. Joe Mizzi u qal li r-risposta kienet diġa' ngħatat. Jien għidtlu li għad m'għandix risposta u kont qed ninsisti għal din ir-risposta. Imbagħad qabeż l-Onor. Vella u qalli li r-risposta hija li għad m’hemmx data u li din qaluha miljun darba. Wara li s-Sinjorija Tiegħek aġġornat il-kumitat, l-Onor. Vella beda jgħajjat

u jgħidli li jien ridt inwaqqgħu għaċ-ċajt u għaż-żufjett għax ktibt illi bħal Kruschev se jmur New York biex iħabbat fuq il-mejda u affarijiet bħal dawn. Jien sinċerament għidtlu li fl-artiklu tiegħi - fl-aħħar imbagħad qalli li kienu l-"Block Notes" - ma ktibt xejn minn dan kollu.


Fil-fatt meta mort id-dar fittixt biex nara jekk kontx ktibt xi ħaġa fuq Kruschev u li l-Onor. Vella se jagħmel bħalu. Jiena bqajt skantat kif l-Onor. George Vella ġie b'dik is-saħna kollha fil-House Business Committee u beda jinsulentani li jien ridt nagħmilha tal-gustuż u li ridt indaħħak. X'għamel l-Onor. George Vella? Qara artiklu ta' I.M. Beck “Quote Unquote", li kien maġenb l-artiklu tiegħi, pero’ fi stanza għalih bil-parametri apposta maqsuma għalih li m'għandu x'jaqsam xejn ma' l-artiklu ta’ Guido de Marco "Block Notes". Dan kien qed jitkellem fuq l-inkjesta li jrid jagħmel l-Onor. George Vella dwar xi ħaġa li nqalgħet fis-sebgħinijiet u qal:
"Or, perchance, is he going to book a seat on Concorde (economy class, of course, no sense in digging a bigger hole) and jet off to the UN, shoe in hand, there to do an imitation of Kruschev and hammer the lectern to death while demanding an explanation?".
MADAM SPEAKER: Onor. de Marco, jekk jogħġbok, nitolbok tiġi għall-ksur ta' privileġġ.
ONOR. GUIDO de MARCO: Sinjura President, jien irrid ngħid illi nħossni offiż li Membru ta' din il-Kamra, li per di piu' għandu r-responsabbilta' ta' Leader of the House jiġi f'kumitat tal-Kamra u barra mill-istess kumitat u joqgħod jinsulentani billi joqgħod jgħidli biex nagħmilha tal-gustuż u li għandi naqla’ ż-żarbuna u nibda nħabbat fuq il-mejda ħalli jidħku bija u noqgħod indaħħak mingħajr għallinqas ma jkollu d-diċenza elementari li jinduna li l-artiklu li kkwota hu ma kienx l-artiklu tiegħi imma ta' ħaddieħor. L-unika ħaġa li qed nitlob huwa li l-Onor. Vella jirtira l-kliem li qal jiskuża ruħu li ħa żball billi l-artiklu ta’ I.M. Beck ħasbu ta’ Guido de Marco u li n-noti li verament ktibt jien forsi kien qed jaqrahom f'xi ħin illi fil-fantasija tiegħu spostaw ruħhom u marru hemm, bħal meta taħbat ma' siġra u tgħid illi s-siġra ċċaqalqet għax altrimenti dak li qal ma jagħmilx sens. Jiddispjaċini li qed inqajjem din il-kwestjoni bħala breach of privilege għaliex fit-32 sena li ilni f'dan il-Parlament qatt ma qajjimt breach of privilege fil-konfront ta' xi ħadd. Jien nittama li min ħa dan l-iżball inkredibbli għallinqas jiskuża ruħu. L-Onor. Vella ma kellux għalfejn jieħu dik is-saħna kollha biex ta saħna lili wkoll.
Sinjura President, nispera illi dawn l-affarijiet nagħmluhom b'daqsxejn iktar serjeta' u nattribwixxu dak li naqraw lil min ikun kitbu. Jien dejjem nikteb ismi bl-iktar mod ċar pero’ anke kieku l-Onor. Vella ħa żball ma kellux għalfejn jinsulentani biex mingħalih jiddieħak bija. Għalhekk nitlob illi jew is-Sinjorija Tiegħek tieħu l-passi meħtieġa jew inkella jekk il-kollega tiegħi jammetti li ħa żball għalija huwa biżżejjed u nirtira l-breach of privilege.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nibda biex ngħid illi d-deskrizzjoni tal-fatti li ta l-kollega tiegħi, l-Onor. de Marco, m’hijiex eżatta għaliex qabeż l-inċident meta s-Sinjorija Tiegħek kellha twaqqfu meta sar vjola u beda jheżżeż il-mejda u jgħajjat kemm jiflaħ meta aħna għidnielu li m’aħniex beħsiebna nagħtu data għalissa dwar meta se titkompla l-mozzjoni ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Ewropa għax ma kellniex.
Din hija t-tieni darba li ġara dan il-każ għaliex, bħalma taf is-Sinjorija Tiegħek, darba minnhom ġejt proprju speċifikament biex ngħidlek li jien ma kontx se nittollera li kull meta jfettillu jibda jgħajjat magħna bħal tfal żgħar u ma kontx se naċċetta li niġi ndirizzat iktar b’dak il-mod mill-Onor. kollega tiegħi. Jiddispjaċini li qed ngħid dawn l-affarijiet, imma dawn huwa fatti li ġraw. Il-bieraħ is-Sinjorija Tiegħek kienet preżenti u taf kif l-affarijiet splodew f'daqqa. Dan huwa l-mod kif beda l-inċident.

Rigward il-kwestjoni ta' l-artiklu, nammetti li kont żbaljat. Kif qal l-Onor. de Marco stess, l-artikli kienu ħdejn xulxin u jien ħadt l-impressjoni li t-tnejn kienu miktubin minnu. Jien ta’ raġel li jien nitolbu skuża li l-artiklu attribwejtu lilu. Pero' dak li ġara, skatta minħabba l-fatt li meta talabna d-data ta' meta se titkompla d-diskussjoni u għidnielhom illi m'hemmx data, sar vjola u beda jgħajjat kemm jiflaħ, tant li s-Sinjorija Tiegħek kellha ssikktu biex ma jagħmilx dik is-setta kollha. Din hi l-istorja kollha.


Nerġa' ngħid lill-Onor. de Marco li jekk kemm-il darba kont insulenti fil-konfront tiegħu, jiskużani.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Guido de Marco.
ONOR. GUIDO de MARCO: Sinjura President, naċċetta l-iskuża ta’ l-Onor. George Vella, pero' irrid ngħid li jien ma skattajtx għax qalli li d-diskussjoni dwar il-mozzjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma kenitx se titkompla, imma skattajt għaliex kien qed jattribwixxili - u għalhekk qrajt kelma b'kelma d-diskors kollu li ntqal waqt il-laqgħa tal-House Business Committee - xi ħaġa li jien sinċerament ma stajtx nifhem għalxiex kien qed jgħid. Jien għandi l-verbatim tas-seduta tal-bieraħ.
Jien naċċetta l-inċident bħala magħluq u nispera li żbalji bħal dawn ma nkomplux nagħmluhom.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Ordnijiet tal-Ġurnata.


Yüklə 364,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin