Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 364,64 Kb.
səhifə3/5
tarix09.01.2019
ölçüsü364,64 Kb.
#93938
1   2   3   4   5

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

RIŻOLUZZJONI DWAR ENFITEWSI TEMPORANJA TA' MOLLIJIET, BINI U DRITT TA' RMIĠĠ FIL-BIRGU U L-ISLA LIL PORT COTTONERA LIMITED



Tkompli mis-6 ta' Lulju, 1998.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dom Mintoff huwa in possession.
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, minn meta tkellimt il-bieraħ ġraw tliet affarijiet. U se nibda billi nikkwota fax li rċevejt mingħand sieħbi Joe Brincat fejn qalli hekk:
"Dear Dom,
Il-bieraħ semmejtni. Nixtieq li ċerti ħwejjeġ ikunu preċiżi.
Fuq l-Universita' m'għandi x'naqsam xejn mal-gvern. Kien Joe Sammut, l-Ombudsman, li skond il-liġi għażel hu. Ma kontx inkun lest li naċċetta "a government appointment".
It-tieni jien konsulent tal-P.M. fuq il-liġi tal-Pulizija, li għamilt prinċipalment id-draft tagħha. Dan għamiltu taħt żewġ kondizzjonijiet: a) li dak li nagħmel ikun bla ħlas; u b) li nżomm l-indipendenza assoluta tiegħi anke fuq l-istess kwestjoni. Jekk issib il-waqt nixtieq illi dan jiġi ċċarat.
Jiġri x'jiġri, erġajna ħdimna flimkien u minkejja kollox, xi ftit riżultat kien hemm.
Joe Brincat.”.
Madam Speaker, nitlob il-permess tal-Kamra biex inpoġġi dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)

Il-permess ingħata.
ONOR. DOM MINTOFF: Inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
Fax mibgħuta lili minn Dr. Joe Brincat fis-7 ta’ Lulju, 1998.
Jiddispjaċini jekk il-bieraħ tajt xi impressjoni li kien ikun xi diżunur - anke kieku kont korrett, għalkemm ma kontx eżatt għaliex ma kontx naf illi l-Ombudsman għamlu u ma kontx naf illi mhux qed jitħallas min-naħa tal-Gvern bħala konsulent .... Pero’ żgur illi dan m'għamiltux biex nitfa' xi dell ikrah fuqu imma biex ngħid illi dawn m’humiex nies li b'xi mod jiġu nfluwenzati mill-veduti tiegħi. Din hija l-ewwel ġrajja. Niġi għat-tieni ġrajja.
Jien irċevejt ittra mingħand l-ewwel consortium fejn talbu biex ikellmuni. Pero’ qabel ma nkellimhom, ridt illi jkun hemm żewġ affarijiet: L-ewwelnett ridt nara l-pjanti li kienu ssottomettew lill-Gvern, u t-tieni nett ridt prova jekk hux veru li kellhom il-flus warajhom. U hawnhekk irrid ngħid li l-pjanti għadhom ma waslulix u lanqas għadhom ma wasluli l-provi li dawn għandhom il-flus warajhom; jista' jkun illi jaslu aktar 'il quddiem imma s'issa għadhom ma waslux. Ir-rapport illi taw lill-Gvern bil-costings u l-affarijiet kollha wasalli. Qed ngħid dawn l-affarijiet għaliex intqal ħafna kliem li jiena qed nibbekkja l-ewwel consortium kontra t-tieni consortium. Issa fuq din l-istorja nitkellem ukoll għax jien m'hu qed nibbekkja lil ħadd. Niġi issa għat-tielet ġrajja.
Nixtieq ngħid - u din qed ngħidha għal kulħadd u forsi anke għalija nnifsi - illi r-rappreżentanti tal-poplu saru bħall-klieb ta’ l-imgħoddi - mhux illum għax illum kulħadd iżommuhom bil-lead u kultant ikollhom anke xi basket warajhom - fejn meta kienu jieqfu ma’ kull kantuniera, kienu jgħollu denbhom u jsaqquha! F'liema sens qed ngħid dan? Għaliex malli politikant jara camera tat-television qisu ra xi ħaġa ta' l-għaġeb, jaqbad jinnamra magħha u dak li ma jsirx fil-Parlament qed isir fuq it-television. Jiena skantajt kif il-Prim Ministru l-bieraħ kull darba li jien offrejtulu sabiex kull meta jkun irid, iqum jitkellem biex imerini, huwa ma rrisponda xejn u mbagħad kif spiċċajt nitkellem jien, niżel isfel u ta intervista lit-television, fejn suppost illi kien qed iwieġeb lili fil-Parlament. Jien m’iniex se ngħid lilek, Madam Speaker, illi dawn l-affarijiet ibaxxu lill-Parlament għaliex naf kif taħsibha s-Sinjorija Tiegħek, imma se ngħid lil kulħadd li wasal iż-żmien fejn jekk irridu li dan il-Parlament jiġi rispettat, hemm bżonn illi nibdew nirrispettawh aħna stess għaliex jekk ma nirrispettawhx aħna ħadd m'hu se jirrispettah. Huwa importanti li ngħid x'qal il-bieraħ il-Prim Ministru dwar dak kollu li tkellimt fuqu jien.
L-ewwel ħaġa li qal meta staqsewh jekk hux lest li jaċċetta li l-partit jagħtini l-istess faċilitajiet li ta lilu biex imur il-Birgu jkellem lin-nies dwar il-proġetti, ir-risposta tiegħu kienet: Le, għax dawk tal-partit u mhux ta' xi individwu. Jien nemmen illi l-faċilitajiet huma tal-partit u mhux ta' xi individwu, pero’ nistaqsi lill-Prim Ministru: Hu x’inhu fil-partit? Xi dittatur? Għaliex hu qabad u ħa l-faċilitajiet mingħajr ma qal lil ħadd u użahom għall-mass meeting mingħajr ma nforma lill-pulizija li se jagħmel mass meeting. Dawn il-faċilitajiet ma użahomx biss għall-mass meeting imma użahom biex lili jgħajjarni "traditur". Mhux imbilli jgħid "Viva Malta", għaliex lili l-Prim Ministru għajjarni "traditur ta' Malta" u qal lin-nies illi jien għandi nirriżenja. Issa meta jgħid illi l-partit m'għandu l-ebda obbligu li lili jagħtini l-istess faċilitajiet ikun qed jgħidli li lili l-partit ma jridnix. Il-partit jista' jgħid dan il-kliem l-ħin kollu u meta jrid għaliex jien ma nistax inżommu, pero’ jekk inhu hekk allura tkun prova oħra li dan il-partit ma baqax il-partit tal-ħaddiema u li ruħu spiċċat. Il-Prim Ministru li jitkellem fuq it-trasparenza fuq id-demokrazija u fuq li għandhom jingħataw faċilitajiet lil kulħadd, jaf li l-equipment li għandu l-partit sar bil-ħila ta' kulħadd? Naħseb illi jien xi ħaġa kkontribwejt ukoll għaliex jien ma ħallejtx dejn warajja, Madam Speaker. Il-Prim Ministru lanqas għandu d-diċenza li jgħid li lili insulentawni ... U hawnhekk irrid ngħid li lili insulentawni lkoll għaliex meta l-parliamentary group qagħad kwiet u m'għamel xejn dwar l-insulti li saru fil-konfront tiegħi, għamilhom min għamilhom, għalija huma responsabbli miegħu għal dawn l-affarijiet u jien ngħoddhom bħalu. Barra minn hekk ġraw ukoll affarijiet oħra importanti.
Meta l-Prim Ministru ġie mistoqsi x'jidhirlu wara li l-bieraħ jien urejt li dawk m'humiex pjanti denji biex jersqu quddiem dan il-Parlament, ir-risposta tiegħu kienet li huma m’humiex marbutin ma' pjanti u li l-pjanti jridu jgħaddu minn ħafna awtoritajiet qabel ma jiġu approvati. Jien bqajt skantat għax din hija waħda mill-ħrejjef li jfaqqsu f'moħħu iktar milli jfaqqas id-dubbien fis-sajf! Fil-kuntratt qed jingħad li fix-xatt ta' l-Isla trid titħalla faxxa ta' 10 piedi sax-xifer tax-xatt, li fiha ma jista' jsir xejn, u din issir tal-consortium għax irid jgħaddi pipe minn hemmhekk. La qiegħda fil-kuntratt, liema awtorita' se tneħħiha? Dik il-faxxa mat-tul tax-xatt, tal-consortium se tibqa' u ma jista' jsir xejn hemmhekk. Dan ifisser li aħna qed nintrabtu li lil dan il-consortium nagħtuh 10 piedi tul ix-xatt kollu li fihom ma jista' jsir xejn ħlief dan il-pipe u la tkun tiegħu jekk irid jista' jagħmel grada t-tul kollu u ħadd ma jkun jista’ jaqbiżha. La nkunu tajnihulu, ma nistgħu nagħmlu xejn u l-ebda awtorita' m’hi se tneħħihielu. Allura kif tista' temmen li l-Prim Ministru qiegħed jeħodna bis-serjeta' hawnhekk u qed jieħu lin-nies ta' l-Isla bis-serjeta' meta lanqas m'aħna kapaċi nneħħu din mill-kuntratt? Il-Prim Ministru qal li ma jistgħux isiru iktar emendi, qisu meta jitkellem hu jkun tkellem l-oraklu! Ħaġa oħra li nixtieq insemmi hija l-fairway li se ssir tmiss max-xatt.
Issa kif jaf kulħadd biex tipparkja f'highway irid ikun hemm xi provision fil-ġenb inkella ma tistax tipparkja għax kulħadd ġej u sejjer. Fairway tfisser l-istess ħaġa għall-opri tal-baħar. Din tfisser fairway. Fil-pjanta l-fairway għamluha tmiss max-xatt ta' l-Isla u kull min jaraha ma jistax jgħid li din m’hijiex ħneżrija. Issa la din il-klawsola qiegħda fil-kuntratt, liema hi dik l-awtorita' li se tgħid "le" lill-consortium? Jekk il-Gvern jgħid lill-Awtorita' Marittima li jrid li din il-faxxa tul ix-xatt ta’ l-Isla tingħalaq biex il-consortium jieħdu qisu tiegħu kollu kemm hu, liema awtorita' marittima se tirrifjuta? Għaliex qed indaħħlu dawn l-affarijiet fil-kuntratt? Jien ċert li malli n-nies ta' l-Isla jintebħu xi jfissru dawn l-affarijiet, mhux kontra tiegħi jduru imma kontra min irid iwikkihom b’dawn l-affarijiet. Qed ngħid “irid” għaliex issa naraw tgħaddix tiegħu! Issa se nsemmi klawsola oħra mill-kuntratt li faċilment jifhimha kulħadd.
Fil-kuntratt insibu li x-xatt tal-Birgu se jingħata b’ċens għal 99 sena u l-uniku dritt li għandu l-poplu huwa li jidħol jagħmel xi mixja, mentri l-consortium għandu dritt jagħmel affarijiet għall-qligħ tiegħu. Issa nixtieq inkun naf x'awtorita' oħra tista' tneħħi din il-klawsola mill-kuntratt. Il-Prim Ministru qiegħed hawn jismagħni u jekk irid jista’ jqum jirrispondi u m’għandux għalfejn joqgħod jistenna biex jitkellem fuq it-television! Għalfejn qegħdin nidħku bin-nies u ngħidu li dawn l-affarijiet kienu hemmhekk, ma tajniex kashom u ħallejnihom għax issa jridu jġibu l-permessi mingħand ħaddieħor? Min hu dan il-”ħaddieħor” u x'permessi jridu jġibu? Għalfejn kellna nagħmlu ħneżrijiet ta’ din il-kwalita'? Għad m’hawn l-ebda marina fid-dinja li m'hijiex miftuħa biex jieħu pjaċir biha kulħadd u mhux sempliċement għal min irid jagħmel xi erba’ soldi! Kellna nkunu aħna li nagħmlu biċċa xogħol bħal din? Jiena darba ħlomt li se nagħmlu xi ħaġa serja fil-Birgu, pero’ kif telgħu n-Nazzjonalisti kienu neħħew id-dwana għaliex qalu li kienet degradanti li tniżżel il-passiġġieri f'post storiku. Kien hemm ukoll restaurant imma ma ħallewhx għaliex qalu li kien degradanti ukoll u kienet qiegħda tiġi żviluppata hotel li spiċċat minn hemm ukoll. Dak inhar il-Ministru tat-Turiżmu bilkemm ma għajjarniex għax wieħed mill-partners tilef il-flus. Qisu kien se jmut bil-ġuħ! Imma meta mbagħad dan il-partner qala' l-flus għaliex daħal f'joint venture mal-gvern ma tkellem xejn. Jien qed ngħid għal Mose', dak li semma l-aħħar darba l-Perit Vella. Darba kien hemm ukoll teatru żgħir minn ta’ żmien is-Servizzi Ingliżi li l-partit kien ħadu bi tpartit ma’ proprjeta' oħra li kellu mal-gvern, li kien iservi ta’ rikreazzjoni għan-nies tal-Birgu, pero’ dan spiċċa minn hemm ukoll. U hawnhekk nixtieq insemmi xi ħaġa li hija wkoll rilevanti ħafna għall-Kottonera.
Sal-ġurnata tal-lum għadu jinqala’ ħafna nkwiet bejn Bormla u l-Birgu minħabba l-fatt li n-nies tal-Birgu fil-festa tal-lokal ikunu jridu joħorġu l-vara ddur daqsxejn barra s-sur li jagħlaqhom ġewwa u jisseparahom minn ma’ Bormla. Jien ħlomt li fl-aħħar dawn se jirranġaw għax se jinfetaħ ix-xatt tal-Birgu u se tinfetaħ ukoll it-triq li minn hemmhekk tagħti għal ħdejn il-monasteru tas-sorijiet - bl-Ingliż huma maqlubin dawn, għax jekk tgħid monasteru għas-sorijiet bl-ingliż jibda jidħak kulħadd, u jekk tgħid kunvent għall-patrijiet jibda jidħak kulħadd, imma bit-Taljan huma maqlubin u aħna neħduhom mit-Taljan - u allura l-purċissjoni ta' San Lawrenz tkun tista’ tibda ddur minn max-xatt u jkun hemm festa fix-xatt bħalma jkun hemm fl-Isla. Ħlomt ukoll li fis-sajf jibda jsir il-water carnival bil-parteċipazzjoni tal-Kottonera u jibda jsir ukoll xi Mediterranean music festival, li verament iqajjem lill-Kottonera b'dawn l-affarijiet ġodda. Imma għal xi raġuni li ma jifhimha ħadd, minflok għamilna dawn l-affarijiet, din it-triq li tant batejna biex ftaħna, li minn Bormla ddur max-xatt u tibqa’ sejra sal-Kalkara u tgħaddi minn taħt mina żgħira, f'daqqa waħda se tingħalaq għaliex se tingħata lil dan il-consortium! U jien nistaqsi: Kieku din għamilniha fil-kuntratt liema awtorita' se tneħħiha? Għalfejn qed jingħad dan il-ħafna gideb u jitpoġġew dawn il-ħafna stejjer quddiemna qisna xi tfal żgħar? Dawn huma difetti ikbar mill-fatt li lanqas ingħatat attenzjoni biex iċ-ċnus jibqgħu jiġu rinnovati għas-snin kollha u mhux għall-ewwel 30 sena biss.
Issa jekk il-Gvern ikun ta l-baħar li jmiss mal-Birgu b’ċens għal 99 sena, liema hi dik l-awtorita' li se tneħħihulhom biex terġa' tgħaddih lill-poplu? Dan ifisser li nafu x'qegħdin nagħmlu u nafu wkoll li allavolja ma ġabu l-ebda pjanti quddiemna xorta qed nikkommettu ruħna li nagħtuhom dawn l-affarijiet. Il-ħneżrija hija li qed nikkommettu ruħna mingħajr ma nafu x'qed jipproponu li se jagħmlu. Mid-dehra lanqas qatt ħadd ma ndaħal biex ngħidulhom xi rriduhom jagħmlu u s-suġġerimenti qed isiru minnhom. F’dawn l-affarijiet is-soltu l-Gvern jgħid li se jagħti xi biċċa art jew xi ħaġa oħra bil-kondizzjoni li jsiru ċerti affarijiet. Pero’ f'dan il-każ aħna qed ngħidulhom: Għidulna intom xi tridu tagħmlu għax moħħna vojt, ma nafux xi rridu għax għandna x'nagħmlu, għax kull telecamera li tiġi quddiemna rridu nieqfu magħha u naraw li nidhru sbieħ! Pero’ sfortunament ma jkun hemm l-ebda sustanza f’dak li nkunu qed nagħmlu.
Madam Speaker, b’dan il-kuntratt qed nikkommettu ruħna li nagħtu bini li diġa’ jeżisti; m’aħniex qed nagħtu xi biċċa art vojta b’ċens biex tiġi żviluppata u nafu li xi darba se terġa’ tkun tagħna. Imma l-famuża Planning Authority qed tittratta l-postijiet ta' l-Ingliżi bħala historical relics, bħallikieku qishom ta’ Żmien il-Feniċi, u qed tgħid li dawn ma jistgħux jintmessu. Issa dawn se jeħodhom il-consortium u se jagħmilhom retail shops. Allura hemm għalfejn nagħtuhom b’ċens għal 99 sena? Għall-pontoons għandna bżonn nagħtu l-baħar b’ċens għal 99 sena? Liema hi dik l-awtorita' li se tneħħiha ladarba tkun għaddiet minn dan il-Parlament? Din hija r-risposta għal dak li ntqal il-bieraħ u inutli li joqgħod jgħid li dawn l-affarijiet iridu jarawhom awtoritajiet oħra. Jien nispera li dawn l-affarijiet jarawhom awtoritajiet oħra u jieħdu ħsieb li jekk se jkun hemm il-yachts, il-ħmieġ mhux se jintefa' l-baħar bħalma jsir fi bnadi oħra.

Dawn l-affarijiet iridu jarawhom il-ħin kollu! Wara kollox anke jekk dak li jkun fid-dar ikollu d-drenaġġ ħiereġ fit-triq - u issa qed inħallsu wkoll fuq is-servizz tad-drenaġġ - imorru tas-sanita' u jagħmlulu ċitazzjoni. Imma f’dan il-każ aħna qed ngħidu lill-consortium li jista’ jagħmel użu mill-baħar kif irid għaliex qed nagħtuhulu u m’aħna nagħmlulu l-ebda kondizzjoni.


Issa suppost illi l-consortium ressaq il-pjanti tiegħu biex juri x’għandu bżonn jagħmel u allura aħna suppost li nagħmlulu ċerti kondizzjonijiet. Pero’ bl-iskuża li dawn l-affarijiet se jkunu f’idejn il-Planning Authority m’hu qed nagħmlu xejn fil-kuntratt u m’aħniex nindaħlu fihom. Madam Speaker, dan il-kuntratt huwa oxxen, immorali u bażwi. Din għidtha kemm-il darba u ma jistax ikun li xi ħadd minna hawn ġew joqgħod jistaħba wara subgħajh u jgħid li hekk hemm bżonn isir. Min qal li hemm bżonn isir hekk? Sar test wieħed biss fejn tkellmu ma’ l-avukati tagħhom fuq il-kitba legali li semma l-bieraħ il-ħabib tiegħi l-Onor. Sceberras Trigona u sabu li dawk l-iżbalji saru minħabba l-għaġġla, pero’ ma tkellmux fuq is-sustanza ta’ l-affarijiet. Il-consortium ċeda għal ċerti affarijiet u allaħares ma ċedewx għax kieku konna ngħidulhom li huma briganti. Jien wasalt biex inkun naf illi kieku verament irridu li dan ikun kuntratt tajjeb, nistgħu naslu għax hawn domanda għalih u d-domanda kibret mindu dan il-Parlament għamel dan ir-reklam kollu.
Jien naħseb li qatt ma kien hawn proġett illi ġie reklamat daqs dan il-proġett! Lanqas kieku l-Gvern ħareġ Lm0.5 miljun ma kien ikollu reklami fuq dan il-proġett daqskemm kellu bid-diskussjoni li saret hawn ġew. Jien konvint li kieku dan il-kuntratt jitneħħa minn hawn bis-serjeta' u nerġgħu nħarsu lejh bħalma diġa' għamilna ... Hawnhekk ħadd m’hu se jgħajjar lill-Gvern jekk iressqu t-tieni darba għaliex aħna m’aħniex tfal żgħar. Huwa xi diżunur jekk dak li jkun jinduna li jista' jagħmel xi ħaġa aħjar? Madam Speaker, aħna kbirna biżżejjed hawn ġew u ma nagħmlux bħat-tfal iż-żgħar. Lanqas tista’ tgħid li qed timpika miegħi! Kif trid timpika miegħi? Lili tista' tgħajjarni li ma kontx qiegħed nieħu interess biżżejjed biex inkun naf l-affarijiet minn qabel; kulħadd jista' jgħajjarni fuq dawn l-affarijiet, imma żgur li ma tistax tgħajjarni li jien traditur ta' Malta u tgħidli biex nirriżenja minn dan il-Parlament. U dan kollu għaliex sirt naf li l-affarijiet qed isiru b’mod ħażin u qed nitkellem! Dawn l-affarijiet jagħmluhom it-tfal iż-żgħar. Issa ħalli naraw x’qal iktar il-bieraħ għax dawn l-affarijiet huma kollha marbutin mal-Birgu.
MADAM SPEAKER: Onor. Mintoff, skadielek il-ħin u għandek bżonn leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn permess għal leave of House? (Onor Membri: Iva).
Il-permess ingħata.
ONOR. DOM. MINTOFF: Nirringrazzja lil kulħadd u nispera li ma ndejjaq lil ħadd għax anke jien qiegħed nikkonfondi kemm se ndumu fuq din ir-riżoluzzjoni, imma bilfors ikollna nagħmlu hekk jekk se nkomplu mexjin b’dan il-mod. Jien se nkompli nirrispondi lill-Prim Ministru fuq dak li qal il-bieraħ barra minn din il-Kamra, liema diskors suppost qalu hawnhekk. Il-bieraħ qal li hu għadu jorbot il-vote of confidence ma’ din ir-riżoluzzjoni u qal ukoll li din se sservi ta’ preċedent għall-proġetti oħra li se jitressqu ‘l quddiem, bħalma huwa l-proġett ta’ Manoel Island, il-proġett ta’ Sant'Anġlu u l-proġett tad-dockyard li jien ma nafx x'inhu u x’m'huwiex. Allura jien nistaqsi: Possibbli li wara din il-kritika kollha li saret għadna nemmnu li prinċipji fundamentali li qegħdin jiġu diskussi hawn ġew jaqbdu u jsiru fuq proġetti oħrajn u jippretendi li għax ikun għadda ż-żmien u għax ikun ħalla l-poplu bil-għatx għax-xogħol nivvotaw favur dawn il-proġetti?
Il-Prim Ministru jaf ukoll li fuq l-Ewropa u fuq foreign affairs m'aħniex naqblu f'dan il-Parlament. Jien illum, per eżempju, kważi tkażajt li ħlejna 20 minuta biex noqogħdu naraw li artiklu nkiteb minn I.M. Beck u mhux minn ħaddieħor. Madam Speaker, jien ngħid li għandna niddiskutu affarijiet li jmissu lilna, bħalma huma s-sanzjonijiet kontra l-Libja. Nafu li l-Organisation of African Unity qed jagħtu notice lis-Security Council tal-United Nations illi sa Settembru jiksru s-sanzjonijiet jekk mhux se jħallu lil-Libja tmur f'third country biex ikun hemm it-trial ta’ l-alleged terrorists. Issa aħna x'parti se nieħdu f’dan kollu? Aħna m’aħniex nintlaqtu iktar mis-South Africa mis-sanzjonijiet imposti fuq il-Libja? Allura ma jagħmilx sens li ngħidu li se ningħaqdu ma’ dawn il-pajjiżi? Ma rridux li jkun hawn il-paċi fil-Mediterran jew se nibqgħu noqogħdu nagħmlu l-affarijiet taparsi u meta niġu għas-serjeta' lanqas biss niddiskutuhom f’dan il-Parlament? Jien sal-lum għadni ma nafx x'pożizzjoni qed nieħdu fuq dawn l-affarijiet u għadni ma rajt l-ebda statement min-naħa tal-Gvern Malti fejn qed jinsisti fuq din il-ħaġa u jgħid lis-Security Council li se jagħmlilhom il-kont u li jekk iriduna noqogħdu għas-sanzjonijiet, imbagħad ikunu jridu jħallsu l-kont. Qatt m'għamilnihom dawn l-affarijiet! Jista’ jkun li għandi żball, imma allura affarijiet bħal dawn m’għandniex dritt niddiskutuhom f'dan il-Parlament? Issa niġi għall-istorja l-oħra li hija wkoll fait accompli, u qed nirriferi għall-kwestjoni ta’ l-Ewropa.
Aħna nafu li fuq l-approach ma' l-Ewropa hemm tliet pożizzjonijiet differenti; dik tan-naħa tan-Nazzjonalisti, tan-naħa tal-Gvern u l-pożizzjoni tiegħi wkoll. Pero' nafu wkoll illi f'dawn it-tliet pożizzjonijiet hemm xi affarijiet komuni. Safejn naf jien in-naħa ta’ l-Oppożizzjoni temmen li f’dak li jsir ma' l-Ewropa - u jien m'għandix għalfejn niddubita minn dan għaliex dan qalitu kemm-il darba - għandna nżommu n-newtralita' ta’ pajjiżna, m'għandniex nagħmlu Customs Union u m'għandniex inħallu stranġieri jixtru proprjeta' f’Malta bl-addoċċ u jokkupaw postijiet tal-Maltin bl-addoċċ. Fuq dawn il-punti naqblu u huma komuni għal kulħadd. Għalhekk jien ngħid li fuq din il-bażi għandna nagħmlu competition. Għaliex? Sinċerament ngħid li l-pożizzjoni tal-Gvern fuq l-issue ta’ l-Ewropa hija storduta u ma ddiskutewhiex. Issa l-pożizzjoni tiegħi hija li la aħna qegħdin fil-Mediterran għandu jkollna the best of both worlds, ta' fuq u t'isfel, għaliex aħna qed naħdmu għall-paċi ta' fuq u t'isfel u qed nissagrifikaw ħafna affarijiet għax irridu s-sliem għalina u għalihom. Jiġifieri dan m’aħniex nagħmluh b’kapriċċ u għalhekk għandna nduru fuqhom it-tnejn u ngħidulhom li aħna qed nikkontribwixxu b’dan il-mod u għalhekk mingħandhom ma rridux karita' imma rridu economic space.
Madam Speaker, waħda mid-diffikultajiet kbar li jien kelli ma’ l-Italja - u nibqa' nsemmiha għal dejjem - kienet li t-Taljani ma tawniex economic space. Huwa veru li t-Taljani tawna l-flus u jien niftakar lil Craxi - li kien ħabib tiegħi u nispera li għadu għaliex għalija kien wieħed mill-iktar nies onesti; jekk huwiex ħalliel jew le affari tagħhom, imma kien bniedem illi lil Malta għamlilha l-ġid, bħalma kien hemm politicians u statesmen oħrajn Taljani li għamlu ġid lil Malta u li issa qegħdin taħt inkjesta, imma dik affari tagħhom - jgħidli: Kif se nagħmlu biex nagħtukom economic space meta dak li tipproduċu intom nagħmluh aħna? U jien kont ngħidlu li jrid jaħdem bil-kontra, cioe’ x’kienu lesti li ma jagħmlux huma biex naħdmuh aħna. Imbagħad kien jgħidli li dan kien diffiċli biex isir u għalhekk kienu jagħtuna l-flus u abbażi ta’ dan għadna nieħdu l-flus mingħand l-Italja sal-lum. Jiġifieri l-flus ma jagħtuhomlniex ta' xejn. Allura jekk aħna nixtru dak kollu mingħandhom u huma ma jixtru xejn mingħandna, m'għandhomx id-dmir illi b'xi mod ipattuhulna? Dan ifisser l-economic space, Madam Speaker. Issa jew jagħtuna l-economic space jew inkella sakemm insibu economic space jridu jgħinuna ħalli aħna ngħixu bħalhom. Dan irridu ngħiduh lil ta' fuq u lil ta' isfel, pero’ jiddispjaċini ngħid li iktar għandna ċans li ningħataw economic space min-naħa ta' isfel milli min-naħa ta' fuq mhux għax ta' isfel iktar sbieħ jew iktar ħanina minn ta' fuq imma għax iċ-ċirkostanzi tagħhom huma differenti minn ta' fuq. Allura jekk ta' fuq jistgħu jagħtuna flus biss, dawn iridu jgħinuna biex insibu spazju banda oħra ħalli n-nies tagħna jkunu jistgħu jgħixu bħalhom. Din hija sempliċi daqshekk. Issa jien qed ngħid l-affarijiet kif narahom jien u mhux kif jarahom il-Gvern għaliex sal-lum għadni ma nafx x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern.
In-naħa l-oħra għandhom il-fama - il-fama ngħid jien - li huma ħbieb ta' l-Ewropa. Għaliex qed ngħid il-fama? Għaliex kieku ma kenitx biss fama, f'disa' snin konna naslu x’imkien! Issa jien m’iniex qed ngħid dawn l-affarijiet biex inweġġa' lil xi ħadd imma għaliex nixtieq li nipprovaw naslu x'imkien u għalhekk naħseb li għandna nibdew nużaw din il-fama sabiex nibdew nikkompetu. Jien lest li ngħin - għaliex jien anke lix-xitan ngħin! - ħalli nkunu nistgħu ntellqu biex in-naħa l-oħra tagħtina xi affarijiet, imma ma jridux ikunu conflicting mal-prinċipji li semmejt qabel. Għalhekk għandna nużaw din il-fama li għandna ma’ l-Ewropa u ngħidu lill-pajjiżi Għarab li qegħdin fl-Arab League .... Basta ma joqogħdux jgħadduna biż-żmien, għaliex jafu li jekk aħna mmorru ma' l-Ewropa se jkun hemm it-tentazzjoni li xi darba l-Ewropa tużana kontra tagħhom. Pero’ aħna ma rridu lil ħadd jużana u qed nagħmlu dan b’sagrifiċċju għalina, għalihom u għall-Ewropa wkoll għax mill-ġlied l-Ewropa m'hi se tieħu xejn lanqas. Għalhekk il-pajjiżi Għarab għandu jkollhom l-obbligu issa li lilna almenu jaslu biex jagħtuna l-faċilitajiet li lesta tagħtina l-Ewropa, għax l-Ewropa spazju ekonomiku ma tagħtiniex ... F’pajjiżna għandna liġi li tgħid li jekk irridu, aħna nistgħu mmorru l-Italja u niġu trattati bħat-Taljani. Per eżempju, avukat Malti jista’ faċilment imur Ruma għada u jieħu sehem f’xi kawża għaliex għandu l-faċilita' li jagħmel dan. Pero’ rridu nifhmu li hemm differenza bejn li tingħata l-faċilitajiet u tingħata spazju ekonomiku għaliex inkella qatt ma nkunu nafu x'qed ngħidu. Aħna għandna l-vantaġġ li għandna l-għeruq fondi fil-Mediterran u għandna kultura li hija iktar Ewropea milli hija Għarbija. Aħna għandna nisfruttawhom dawn l-affarijiet u mhux noqogħdu ngħajru lil xulxin u ngħidu li m’għandniex għeruq differenti. Aħna qegħdin f’nofs il-Mediterran u l-għeruq tagħna qegħdin fil-Mediterran u mn'alla qegħdin fin-nofs għax kieku fi żminijiet bħal dawn nsiru bħal Lampedusa u postijiet oħrajn li qegħdin fl-Ewropa. Sqallija wkoll qiegħda fl-Ewropa, imma allura għaliex qiegħda fl-Ewropa tista’ tgħid li hi bħall-Ġermanja? Għaliex kull darba noqogħdu nibilgħu dawn il-ħmerijiet?! Dawn l-affarijiet irridu niddiskutuhom bis-serjeta' f’dan il-Parlament. X’qed isir min-naħa tal-Gvern?
In-naħa tal-Gvern qed tgħid li trid free trade. Imma trid free trade ma' l-Ewropa biss jew anke mal-pajjiżi Għarab? Jekk se tagħmel free trade ma' l-Ewropa biss u taċċetta l-customs union dan ifisser li għandek free trade ma' l-Ewropa, imma mbagħad l-affarijiet kollha li se ġġib mill-pajjiżi Għarab u mill-pajjiżi l-oħra li m'humiex fl-Unjoni Ewropea trid tagħmlilhom id-dazju li timponi hi. Allura din m’hija free trade xejn! Għadna ma għamilna l-ebda debate fuq dan is-suġġett, qisna nibżgħu nitkellmu fuq dawn l-affarijiet, imbagħad għaliex jien nitkellem fuq dawn l-affarijiet jittimbrawni bħala traditur tal-partit! Għaliex? Jien ma naqbilx ma' dak li qed isir għaliex naf li m'hu qed iwassalna mkien u għaliex għadni konsistenti mal-programm li għandhom huma stess illum. Joqogħdu jiftaħru li huma moderni u qalbu l-programm meta l-programm għadu jgħid li ma jridx għaqda ma' l-Ewropa li b'xi mod tirfes in-newtralita' ta’ pajjiżna. Issa qed norbtu kollox mal-proġett tal-Kottonera biex inkunu nistgħu niġu hawn u mmorru ngħidu barra li l-Perit Mintoff ittradina għax ivvota man-Nazzjonalisti. Għal dan il-għan waqqafna l-partit tagħna? Sabiex jien niġi ostracised, għalaqtli l-bibien kollha, imbagħad meta pprovajt niċċaqlaq għaliex bdejt nara li dan il-partit m'għadux iktar partit tal-ħaddiema u m'għadux iktar jagħmel dak li jwiegħed, tiġi tgħajjarni traditur! Qabel ma nkompli fuq dak li qal il-bieraħ il-Prim Ministru, nixtieq li jinqata’ l-ħafna kliem fil-vojt u hawn qed nindirizza lill-Ministru tal-Finanzi.
Madam Speaker, biex nidhru kemm sirna moderni, il-Ministru tal-Finanzi qed jiftaħar li spiċċa ż-żmien meta aħna rridu noħorġu l-flus biex isiru xi proġetti u sibna l-mezzi kif inqajmu l-ekonomija ta' pajjiżna mingħajr ma l-Gvern joħroġ il-flus. Jien nitkaża meta nisma' dawn l-affarijiet. Għaliex? Għaliex meta Thatcher kienet qed tbigħ - bħalma qed inbigħu aħna llum - ix-shares ta' l-affarijiet li kellu n-nazzjon, kulħadd kien jgħajjarha, inklużi il-Membri li qegħdin fuq din in-naħa tal-Kamra - għax dawn ma tweldux il-bieraħ, allavolja taparsi joqogħdu jippretenduha li twieldu l-bieraħ - li qed tbigħ il-family jewels. Ma jagħmilx sens li biex tgħix tbigħ il-ġojjelli li jkunu ħallewlek tal-familja biex iżżommhom sa l-aħħar biex jekk tinqalagħlek xi diżgrazzja mhux tbigħhom imma tirhanhom ħalli jerġgħu jiġu lura għandek. Allura issa se ngħajru lilna nfusna? Jew se nġibu l-iskuża li dawn l-affarijiet qed tagħmilhom id-dinja moderna kullimkien? Dan m'hu veru xejn għaliex, per eżempju, fl-Amerika ma jbigħux il-jewels tagħhom imma jbigħu ta' ħaddieħor u jissellfu flus minn barra u jaħdmu bi flus ħaddieħor. Allaħares l-Amerikani kellhom iħallsu d-dejn kollu għaliex kieku tieqaf l-ekonomija tad-dinja f'daqqa! Imma issa ħalli naraw x'qed nagħmlu aħna.
Madam Speaker, imissna nistħu niftaħru li qegħdin inbigħu l-baħar - jien naf li Thatcher ma biegħet l-ebda baħar - il-mollijiet u l-art għal 99 sena. Dawn m’humiex flus ukoll? Kif tista’ tiftaħar li m'aħniex noħorġu flus meta qed nagħtu dawn l-affarijiet? Huwa għalhekk li ma nistgħux naqblu u hemm bżonn li dan il-Gvern ibiddel ir-rotta li qabad. Meta l-Partit Laburista mar għall-elezzjoni, ma qalx lill-elettorat li s-sitwazzjoni finanzjarja tant kienet ħażina għaliex ta' qabilna tant fdaw li se ssalvana l-Ewropa - li ma salvatna xejn - li issa biex nidħlu għaliha jridu jsiru sagrifiċċji minn kulħadd. Is-sagrifiċċji ma jistgħux isiru miż-żgħir biss. Iż-żgħir jagħmilhom is-sagrifiċċji imma jrid jara li l-kbir ikun qed jagħmilhom ukoll. Iż-żgħir se jħoss iż-żidiet li saru fuq it-tariffi tad-drenaġġ u ta’ l-elettriku iktar mill-kbir għaliex billi lill-kbir tintaxxah fuq id-drenaġġ ma tantx se taffettwah daqstant għaliex jiflaħ għal dawn it-taxxi. Allura kif tista’ tiġbed liż-żgħir lejk jekk lanqas trid tagħmel right about turn? Nammetti li n-naħa l-oħra għamlu żbalji ikbar minn tagħna, pero’ qabel ma l-Partit Laburista tela’ fil-gvern qagħad iwiegħed ħafna affarijiet u issa ta’ rġiel li aħna rridu niffaċċjawha din is-sitwazzjoni, inkella ma jistax ikun li tibqa' tiggverna għaliex ma nkunu qed nagħmlu ġid lil ħadd. Dawn huma l-fatti tal-ħajja. U x'għamilna issa? Mal-proġett tal-Kottonera l-Prim Ministru qed jorbot il-vote of confidence u qalilna li din se jorbotha ma' kollox f'daqqa. Għalfejn qed isir dan? Dan qed isir biex ma nkunux nistgħu nbiddlu dan il-kuntratt, biex ma nkunux nistgħu nitkellmu fuq l-Ewropa u biex meta niġu għall-proġett ta’ Sant’Anġlu u affarijiet oħra nerġgħu niġu koppi bħal-lum. Jien ngħidlu li kellu vantaġġ u ħadu meta qabad u mar għal għarrieda Bormla u qagħad jigdeb fuqi u jinsulentani, pero’ jien għadni hawn u se nibqa’ nagħmel id-dmir tiegħi bħala Membru tal-Parlament skond il-kuxjenza tiegħi.

Niġi issa għall-aħħar risposta li ta l-Prim Ministru l-bieraħ meta staqsewh x'se jiġri. Il-Prim Ministru rrisponda li l-vote of confidence għadu marbut ma’ din ir-riżoluzzjoni, il-kuntratt m’huwiex se jinbidel minn kif inhu u l-Gvern se jibqa' miexi għax ikollu l-vot ta' Madam Speaker. Jien bqajt skantat u għidt: Kif jaf x'se tagħmel Madam Speaker u x'se nagħmel jien? Min tah dawn il-garanziji? Possibbli qed jaħseb li għax għamel dak it-theddid kollu u għaliex għandu l-makna tat-television f'idejh



se nitwerwer u se nitlaq 'il barra? Jien bdejt f'Malta bħala soċjalista meta s-soċjalisti kont tgħoddhom fuq il-ponot ta' subgħajk u kontinwament immodernizzajt fl-idejat tiegħi. Anke llejla bdilt minn dawk l-affarijiet li kont għidt qabel, imma t-twemmin tiegħi dejjem żammejtu. Jien qed nara li llum il-partit qed jitlaq it-twemmin tiegħu għall-konvenjenza. U hawnhekk se nsemmi wieħed mill-membri ta’ din in-naħa tal-Kamra, l-Onor. Vassallo, li dan l-aħħar tgħidx kemm kiteb kontra tiegħi, saħansitra reġa' kiteb ukoll illum. Dan l-ewwel kiteb patafjun fuq id-dixxiplina u qal li partit mingħajr dixxiplina ma jistax jimxi, imbagħad ma semma xejn dwar jekk il-partit għadux b'xi mod isostni l-prinċipji soċjali tiegħu u ma qalx li l-ewwel dixxiplina trid tkun fil-partit stess jekk irid ikun partit progressiv li jkollu politika soċjali. X'se jgħaqqad lil dan il-partit flimkien? X’se jgħaqqad lili u lill-Onor. Vassallo, li qegħdin fuq din in-naħa tal-Kamra, jekk mhux it-twemmin soċjali? Kif tista’ titkellem fuq dixxiplina meta m’hemm xejn x'jgħaqqadna? Il-Partit Laburista għadda minn dawn l-affarijiet fejn l-aħjar nies li kellu ma kenux jaqblu bejniethom fuq policies u se nsemmi dawn l-affarijiet apposta llum. Min-naħa l-oħra forsi hawn min jiftakarhom, pero’ minn din in-naħa naħseb li ma jiftakarhom ħadd.
Wieħed mill-ikbar ħbieb li kelli u li kien wieħed minn dawk il-persuni li l-aktar kont ngħożż bħala onesti, integri u intelliġenti kien Ġużè Flores. Niftakar li wara ġurnata xogħol kien jiġi għandi filgħaxija u qabel is-1.00 a.m. ma kienx jitlaq lejn id-dar. Dan il-bniedem kien jaqbel mal-prinċipji soċjalisti, kien soċjalista f'qalbu u f'għemilu, imma fuq l-integration ma kienx jaqbel. Għalkemm kien aċċetta l-politika tal-partit, kien jitkellem kontra l-integration minn fuq il-palk tal-partit u jien qatt ma għalaqtlu ħalqu. Qed ngħid dawn l-affarijiet biex nuri li anke dak iż-żmien, mhux illum biss, il-partit kien jagħti l-liberta' lil dak li jkun sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu. Issa dan kien id-deputy leader tal-partit u meta ġejna għas-si u n-no u ra li bil-pożizzjoni li ħa ma jistax imexxi iktar fil-partit għamilnih Speaker u aċċetta li jkun Speaker, allavolja kien jixraqlu ferm iktar milli jkun Speaker. Imbagħad laħaq imħallef u meta bdilna l-politika u morna għall-indipendenza, kien too late għalih biex jieħu parti. Qed insemmi dawn l-affarijiet biex nuri li aħna tajna spazju lil kulħadd fil-partit tagħna. M’iniex se noqgħod insemmi affarijiet oħra iktar riċenti minn ta' Dr Flores għax m’huwiex il-mument, imma ma naċċettax li llum joqogħdu jgħidu li dak iż-żmien kien hawn dittatur għaliex dan m'hu veru xejn. Il-partit kien magħqud flimkien fl-ideal. Imma llum fejn hu dan l-ideal? Din hija waħda mill-affarijiet li l-partit irid jara internament u biex isir dan ma jistax ikun li dan il-partit ikollu l-makna f'idejn tnejn min-nies, jiġifieri f'idejn il-Prim Ministru u f'idejn Bartlu. U għalhekk nifhem għalfejn id-Deputy Leader għall-Affarijiet tal-Partit lanqas jaf fejn hu u x'jista' jagħmel jew ma jagħmilx; u issa jista’ jibda jara dawn l-affarijiet għaliex splodejt jien għax kieku konna nibqgħu mexjin kif konna. Jien ma rrid l-ebda credit ta' dan. Issa rrid insemmi wkoll it-triqat li hemm miftuħin għalija u għall-Prim Ministru, la l-bieraħ għoġbu jkompli jisfida. Ħalli nibda mit-tliet triqat li hemm miftuħin għalija.
L-ewwel triq li hija għażiża għal kull min iħobbni personalment hija li llum jien għandi 82 sena u allura forsi wasal iż-żmien li nieqaf inkun imqareb u għandi nħalli lil ħaddieħor jagħti kemm jiflaħ. Dik it-triq hija miftuħa għalija, pero’ kieku kelli nitlaq illum ma nkunx inħossni eżonorat mill-insulti li qlajt mill-partit u mingħandhom; huma issa jridu jaraw kif joħorġu mill-akkużi li għamilt jien. Naturalment dik hija triq li tista' tiġi fuqi mingħajr ma rrid - illum għandi 82 sena u l-probabbilta' hi li f'kemm ili ngħidlek nitlaq - pero’ jien naċċettaha bil-qalb kollha għaliex ngħid li sa l-aħħar minuta ta’ ħajti għamilt dak li deherli li huwa sewwa u ma bżajt minn xejn u minn ħadd. Ftit huma n-nies li f’ħajjithom ikollhom il-privileġġ li jgħidu dan. Jien ma bżajt minn xejn u minn ħadd għax iċ-ċirkostanzi ġew kif ġew u mhux għax jien differenti minn ħaddieħor.
It-tieni triq miftuħa għalija hija li niżmaga u biex nibqa' niġi rispettat u forsi nieħu xi ħaġa mingħand il-partit naċċetta dawn l-affarijiet li qed isiru. U llum qed jingħataw ħafna appointments u qed isiru ħafna consultants! Imma jien dawn l-affarijiet ma rridhomx.
It-tielet triq għalija hija li llejla ngħid lill-Prim Ministru li jekk mingħalih se jpoġġini f’pożizzjoni li jkolli l-għażla biss li nivvota kontra dan il-kuntratt, għaliex jaf li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra, u allura jipprova jpinġini ma' Malta li jien sirt Nazzjonalista u tlaqt il-partit, jien m’iniex se nibża’ u nivvota kontra tiegħu. Qed ngħidlu minn hawn li jien ma nibżax u kif għidt kemm-il darba, biex nagħmel ġid lil Malta jien anke max-xitan ningħaqad. Għalhekk il-Prim Ministru m’għandux għalfejn iqabbeż fin-nofs lil Madam Speaker għaliex jien nerfa' r-responsabbiltajiet tiegħi u m’iniex se nitfagħhom fuq ħaddieħor. Dan il-kuntratt huwa ħażin, immorali u jinten u jien ma rridx li jkolli x'naqsam miegħu billi nivvota favur tiegħu. Kieku ma kontx hawn jew kont marid kieku kien ikolli d-diżgrazzja li jgħaddi f’ismi wkoll, imma għandi l-grazzja li jien b'saħħti, ġejt hawn, b'xi mod tkellimt u semmajt leħni biex nuri li jien se nivvota kontra dan il-kuntratt.
Issa ħalli naraw x'inhuma l-għażliet tal-Prim Ministru. Kieku l-Prim Ministru m’huwiex pikuż u supperv u kieku sal-bieraħ ma riedx bilfors mingħalih jitfagħni fl-ixkora, l-eħfef triq għall-Prim Ministru kienet tkun li jipposponi dan id-debate sakemm jista' jsir kuntratt ieħor bis-serjeta' li jaqbel għal Malta u għan-nies tal-Kottonera. Jekk jaħseb li n-nies tal-Kottonera għandhom bżonn ix-xogħol jista’ juża xi ħaġa mill-flus in anticipation li se jdaħħal minn dawn l-affarijiet u jibda jagħmel xi ħaġa hu u mhux inbigħu l-affarijiet tagħna. Din hija l-eħfef triq, it-triq ta' l-onesta' u ta' l-unur, għax min ikun qabad triq ħażina u jinduna - u ma jistax ikun li ma ndunax wara dan kollu għaliex kieku ma kienx se jkollna dawn il-ħafna ħrejjef bħala risposti - .... Din it-triq se toħorġu mill-ħafna imbarazz li daħħal lil sħabu l-ministri fih huwa stess. Imma s’issa jidher li ma jridx jagħżel din it-triq u allura bilfors ikolli ngħid x'inhuma t-triqat l-oħrajn li lili ma jbeżżgħuni xejn, u lanqas lil Malta m’għandhom ibeżżgħu għaliex allaħares ma niffaċċjawx is-sitwazzjoni kritika li għandna fil-pajjiż illum u nibqgħu nidħku b'xulxin qisu m’hu qed jiġri xejn. Jekk jagħżel din it-triq ma jridx ibiddel biss dan il-kuntratt imma jrid ibiddel l-volta li qed jieħu l-Gvern fuq l-affarijiet soċjali, fuq l-affarijiet finanzjarji u fuq l-affarijiet li tkellimna fuqhom, inkella taparsi nkunu qed nagħmlu xi ħaġa u jkun qed jistenna li mmut biex jitla' xi ħaddieħor floki u jispiċċa kollox. Pero’ b'dan il-mod m'hu se jirranġa xejn f'Malta.
It-tieni triq miftuħa għall-Prim Ministru hija li jgħid li hu għadu jemmen fl-affarijiet kollha li għamel u li ma rnexxewx s'issa, u la ma jħossx li għandu jbiddel ir-rotta li qabad għandu jmur quddiem sħabu u jgħidilhom li se jitlaq mill-Moviment tal-Ħaddiema għax m'għadux iktar soċjalista. Din it-triq jista’ jagħżilha, ħadd m’hu sidu u m'hu se jitlef xejn. Għaliex m'hu se jitlef xejn? Sur President, il-Prim Ministru huwa kap ta’ partit li għandu - l-aħħar darba għidt Lm1.5 miljun - Lm2 miljun dejn. Dan ifisser li ma tantx hemm x'jerda’ iktar minn dan il-partit u dan nista' ngħidu għalija nnifsi u għal kulħadd. Jekk se jkomplu jkissru l-partit u lili jkeċċuni mill-partit, pjaċir jagħmluli! Min irid jibqa’ f'dan l-isfrattetu kollu? Min irid jibqa’ f’partit li għandu bankruptcy materjali, bankruptcy morali u piki tat-tfal iż-żgħar? Din hija t-tieni għażla li għandu l-Prim Ministru, allavolja jekk nafu sewwa nazzarda ngħid li mhux se jagħmilha. Imma ħalli niġi għat-tielet għażla.
Il-Prim Ministru ma jistax imur - u din diġa' qalhielu kemm-il darba sieħbi l-Onor. Sceberras Trigona - għand il-President u jgħidlu li għax jien ivvotajt kontra tiegħu fil-Parlament, iridu jsejjaħ elezzjoni ġenerali. Din ma jistax jagħmilha. Li jista’ jagħmel huwa li jgħid lill-President li se jirriżenja għaliex jien ivvotajt kontra dan il-kuntratt. Pero’ dan seta’ għamlu qabel ma reġa’ ġab il-kuntratt hawn għat-tieni darba u ħadd ma kien se jżommu. Kieku wara l-ewwel darba li m’għaddix il-kuntratt, mar għand il-President u qallu li minħabba li dan il-kuntratt m’għaddix, ma jħossx li jista’ jiggverna u li flimkien ma’ sħabu l-ministri kienu lesti li jagħtu r-riżenja tagħhom u kienu lesti għall-elezzjoni - għalkemm ma nafx kemm dan huwa veru - il-President kien ikun fid-dmir li mhux isejjaħ elezzjoni imma li jgħidlu biex iressaq vot ta' sfiduċja fil-Parlament jew inkella jaċċetta r-riżenja u jgħajjat lil xi ħaddieħor.
Jien minn issa rrid niddikjara - issa ma nafx x’se jagħmlu sħabi l-oħra - li jekk niġu f'dik is-sitwazzjoni jien m’iniex se nissapportja Gvern Nazzjonalista, u kulħadd jaf li meta jien nagħmel wegħda nżommha. Dan qed ngħidu għal min qed jipprova jitfa' l-balla fuqi għaliex m’huwiex kapaċi jiggverna u lest biex ikisser lil Malta u lill-partit, basta taparsi jkun qed ikisser lili. Kieku ried li tgħaddi tiegħu, kien se joqgħod jerġa’ jressaq il-kuntratt għat-tieni darba? Allura l-unika ħaġa li tista’ tgħid hija li ffissa u għad ma jridx jitgħallem li l-ewwel regola tal-politika hija bħal tal-football, li l-ewwel trid tolqot il-ballun u mhux tkisser saqajn il-player l-ieħor. Din hija l-ewwel regola li trid tkun taf issegwi jekk trid timxi ‘l quddiem fil-politika u mhux tkun xi star. Kif jaf kulħadd, ftit huma l-istars fil-football fid-dinja u daqstant ieħor jiġri fil-politika. Jien ma nistax nifhem x'inhu għaddej u allura rridu naraw x’se jiġri jekk se jkompli f’din it-triq li bilfors irid li ssir elezzjoni. L-ewwelnett jien naf li l-partit ma jridx li tissejjaħ elezzjoni u qed jgħidlu li se jibqa’ leali lejh imma ma jridx li ssir elezzjoni. Saħansitra l-poplu u l-Partit Nazzjonalista qed jgħidulu biex ma jsejjaħx elezzjoni. Il-partit irid l-għaqda u programm serju li bih ikun jista’ jmexxi għaż-żmien li ġej. Issa jekk jibqa’ jistina rasu li jieħu dik it-triq, hija responsabilita' tiegħu. Jien diġa' għidtlu li la nħobb inkisser nies u lanqas irrid inkisser nies.

Waħda mill-affarijiet li għamilt meta ġejna biex niddiskutu dan il-kuntratt - u minn hawn nirringrazzja lil dawk in-nies kollha li ħadu parti kbira biex nilħqu xi riżultati fuq il-proġett tal-Kottonera - kienet li għidtilhom mill-bidunett biex jinsew il-kwestjoni bejni u bejn il-Prim Ministru għax dik niħħendiljaha waħdi u m'għandi bżonn il-medjazzjoni ta' ħadd. Kulħadd aċċetta d-deċiżjoni tiegħi, imma issa fiex wasalna? Biex tirranġa l-affarijiet, trid jew tiddiskuti mal-Gvern jew ma’ xi ħadd li għandu l-backing tal-Gvern, għax inkella nkunu qed naħlu ż-żmien u għalhekk illejla qed ngħid li jien għamilt dak kollu li stajt fuq l-istorja tal-Kottonera. Jien ma nħobbx nagħmel affarijiet underhand ma' ħadd u ma nħobb nagħmel xejn żejjed li m'għandix is-saħħa nagħmel u ma nħobbx nagħmel xogħol li jkun kompitu ta' ħaddieħor, jekk dak li jkun ma jitlobnix biex nagħmlu. U jekk xi ħadd jistaqsini biex nagħmel xi xogħol, nistaqsih għaliex m’huwiex se jagħmlu hu.


GĦalhekk qabel nagħlaq, l-aħħar ħaġa li rrid ngħid lill-Prim Ministru hija li jekk irid il-ġid lill-partit, lil Malta u lilu nnifsu, għandu jirtira dan il-kuntratt, u jekk għallinqas ma jridx jirtirah għandu jerġa’ jibda n-negotiations ħalli nagħmlu proġett bis-serjeta'. Jekk hemm l-għaġġla biex in-nies jibdew jaħdmu, għandna nsibu mezz kif nibdew din il-biċċa xogħol aħna u jħallas ħaddieħor 'il quddiem. Jekk ma jridx jagħżel din it-triq, irid jassumi r-responsabilita' tiegħu. Jien jiddispjaċini li qed nitilfu ċ-ċans li nagħmlu l-affarijiet sewwa sempliċement għaliex irridu nagħmlu l-affarijiet bil-ġenn u bil-piki. Qed ngħid dawn l-affarijiet għax fuq kollox m'għandi xejn quddiemi ħlief lil pajjiżna u għalija Malta għadha tiġi l-ewwel u qabel kollox. Grazzi, Sur President.
Yüklə 364,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin