Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 364,64 Kb.
səhifə4/5
tarix09.01.2019
ölçüsü364,64 Kb.
#93938
1   2   3   4   5

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Nitlob lill-Prim Ministru sabiex jagħmel il-winding-up.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, nassumi li għandi nofs siegħa għall-winding-up u għalhekk irrid inkun konċiż f’dak li ngħid, nevita l-kontroversji u nkun to the point. Wasalna fit-tarf ta' diskussjoni li issa ilha sejra madwar ħames ġimgħat u qabel nibda nixtieq niċċara xi punti tekniċi. Meta bdejna din id-diskussjoni kont ressaqt emenda, li kienet issekondata mill-Onor. Charles Mangion, liema emenda kienet tgħid hekk:
"Illi minnufih f’tarf il-mozzjoni għandhom jiżdiedu l-kliem “B’dana wkoll illi minflok il-kliem "not later than the twelfth day of June one thousand nine hundred and ninety eight" kull fejn jinstabu fil-klawsola 4.6 ta’ l-abbozz ta’ kuntratt fuq imsemmi, għandhom jidħlu l-kliem "not later than four days after the approval of the resolution by the House of Representatives authorising the Government to enter into this deed".".
Sussegwentement konna biddilna l-papers laid riferibbli għal din l-emenda u allura nixtieq nitlob il-permess sabiex nirtira din l-emenda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata u l-emenda “A” ġiet irtirata.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, hawnhekk irrid nistaqsi għaliex kellu jqum dan it-trouble kollu fuq il-mozzjoni li għandna quddiemna li tirrigwarda l-kuntratt fuq il-proġett tal-Kottonera. Konna qed nipprovaw nagħmlu xi ħaġa li kienet ta' deni għall-poplu Malti u GĦawdxi u għan-nies tal-Kottonera? Hawn ġew intqalu ħafna ċuċati fuq il-kuxjenza u għalhekk minn hawn irrid nagħmilha ċara ma' kulħadd li fuq il-kuxjenza tiegħi u fuq il-kuxjenza ta' sħabi ressaqna din il-mozzjoni għal darba darbtejn għax nemmnu li dan huwa fl-aħjar ġid tal-poplu Malti u GĦawdxi u fl-aħjar ġid tan-nies tal-Kottonera. (Onor. Membri: Hear, hear) Sur President, irrid infakkar li meta ressaqna din il-mozzjoni għat-tieni darba, ressaqna wkoll petizzjoni ta’ 6,000 resident tal-Kottonera li ffirmaw biex din il-mozzjoni tgħaddi. Għalhekk jiddispjaċini ngħid li lili ma jikkonvinċinix min jiġi jgħidilna hawnhekk li qed nagħmlu xi ħaġa kontra l-interess ta' Malta u kontra l-interess tal-Kottonera u min qed jgħid hekk naħseb li la qed jikkonvinċi lin-nies tal-Kottonera u lanqas lill-poplu Malti u Għawdxi.
Aħna x'qegħdin nippreżentaw hawnhekk? Qegħdin nippreżentaw proġett fejn irridu nibnu yacht marina fil-Birgu, li ma jikkonsistix biss sempliċement f'pontoons 'l hemm u 'l hawn. U jien ninsisti li m’huwiex ix-xogħol ta' dan il-Parlament li joqgħod jikkalkola d-disinji u jara kif se jidħlu u joħorġu l-yachts imma x-xogħol ta' dan il-Parlament huwa li jara x'inhu l-konċett wara dan il-proġett u jgħid li dan huwa proġett ta’ ġid għal pajjiżna. Effettivament il-yacht marina li qed nipproponu qiegħed f’sens integrat u din il-marina tipprovdi s-servizzi li bihom mhux biss ikollok il-pontoons u l-moll imma jkollok ukoll l-affarijiet kollha li flimkien jagħmlu minn din il-yacht marina attrazzjoni li tiġbed lejna t-turisti tal-yachts li qed jonfqu l-flus fil-Mediterran f'Costa Esmeralda fis-Sardenja, fit-Turkija, fil-Greċja, fit-Tuneżija, fi Spanja u li baqgħu 'l bogħod milli jersqu lejn Malta. Aħna għidna li jenħtieġ li fil-Kottonera, li hija meqjusa bħala a depressed area, isir dan il-proġett integrat li jressaq lejna dan it-tip ta' investiment. Jien ngħid li bħalissa quddiemna għandna l-aħjar opportunita' biex nimxu fuq din il-linja. Ilna mill-inqas sena u tliet xhur naħdmu fuq din il-ħaġa u min jgħidilna li ma studjanihiex, li aħna inkompetenti, li għamilna kollox b'mod mgħaġġel u li għamilniha b'mod pikuż ma jafx x'qed jgħid, la kien jaf qabel u lanqas jaf illum. Ħdimna bis-serjeta', bil-galbu, bl-akbar sens ta' responsabilita' u fil-constraints finanzjarji li għandu bħalissa quddiemu l-Gvern u l-pajjiż. Jien ngħid li jekk din il-mozzjoni li għandna quddiemna tiġi miċħuda minn dan il-Parlament inkunu qed nagħmlu l-akbar dannu lill-Kottonera u lil pajjiżna u għalhekk aħna ressaqniha għat-tieni darba.
Sinjura President, irrid ngħid ukoll li dan jaqa’ fi strateġija sħiħa li biha qegħdin nistaqsu x’inhuma l-assets f'pajjiżna fejn matul is-snin, taħt amministrazzjonijiet differenti, l-investiment barrani naqas u l-investiment produttiv naqas. Irridu naraw x'inhu dak il-ġid ta' pajjiżna li nistgħu nisfruttawh, intejbuh u nużawh bħala mod kif inqanqlu aktar investiment u aktar ġid f'dan il-pajjiż u nwaddbu lura dik it-tendenza li biha l-impjiegi fis-settur produttiv waqgħu lura f'pajjiżna. M’hemm l-ebda dubju li fiI-Port il-Kbir hemm sensila sħiħa ta' proġetti li bl-għajnuna tal-gvern, f'koperazzjoni mas-settur privat, jistgħu jimxu 'l quddiem u mit-tliet naħat tiegħu b'investiment serju u sod jingħata nifs ġdid lil dan l-asset tagħna u mhux biss nagħmluh aktar produttiv u qawwi imma nagħtu lil pajjiżna xi ħaġa ġdida li minnha, fuq bażi li hija Maltija, inkunu qed nibnu affarijiet ġodda u tajba. Din hija l-isfida li ffaċċjajna f'din l-aħħar sena u hija wkoll l-isfida li għandu quddiemu dan il-Parlament.
Smajna diskorsi twal fuq il-Partit Laburista u jien lest li nirrispondi kull ħaġa u kull ċuċata li ntqalet fuq il-Partit Laburista, liema kliem sfortunatament iddemoralizza lil ħafna nies fil-partit. Nagħmilha ċara minn hawn li l-gideb kollu u l-ħmerijiet kollha li ntqalu fuq il-Partit Laburista lest li nirrispondihom mhux fil-Parlament imma quddiem il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista. (Onor. Membri: Hear, hear) Min ilu s-snin ma jersaq lejn il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista u min ilu s-snin ma jersaq quddiem l-eżekuttiv tal-Partit Laburista u quddiem il-grupp parlamentari Laburista m'għandu l-ebda dritt joqgħod jippriedkalna hawn ġew u għalhekk illum jien se ninjora l-priedki tiegħu għax hemm affarijiet aktar importanti li għandu quddiemu dan il-Parlament u dan il-pajjiż. (Onor. Membri: Hear, hear) Se ndur issa fuq il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, l-Onor. Fenech Adami li għandu tort kbir għal dak li qed jiġri.
Jiena niftakar lill-Onor. Fenech Adami fis-snin tmenin jitmasħan quddiem iċ-ċittadini kollha u jgħid li għalkemm kellu maġġoranza ta' ftit inqas minn 4,000 kellu minoranza ta’ deputati f'dan il-Parlament u b’ħanxra daqshiex ma' Malta u GĦawdex kien jgħid: Ara x'għamlulna! Dan l-istess bniedem, li għal ħames snin sħaħ baqa' għaddej b’din il-kantaliena, sentejn ilu kellu l-indeċenza - u jien iċċekkjajt l-affarijiet - li meta telgħet quddiem dan il-Parlament il-kwestjoni ta' kif għandhom jiġu definiti l-boundaries kostituzzjonali, qal li kienu se jaċċettawhom kif kienu. GĦalkemm aħna għidnielu li dawk kienu boundaries perversi u kellu d-dmir li jerġa' jibgħathom lura quddiem il-kummissjoni elettorali, kien qalilna li l-membri tal-kummissjoni elettorali kienu appuntati bi qbil minn kulħadd u kienu unanimi fuq il-mod kif saru l-kostitwenzi dak iż-żmien. Jien ngħidlu li dawk il-kostitwenzi huma vvizzjati u jirriżulta mir-riżultat ta' l-aħħar elezzjoni fejn il-Partit Laburista ġab maġġoranza ta' 8,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista minkejja li fl-1992 konna mat-13,000 vot minn taħt. (Onor. Membri: Hear, hear) Dawn il-qaddisin ta' quddiemna nesewha f'daqqa waħda l-qdusija tagħhom tas-snin sebgħin u tas-snin tmenin!
Sinjura President, irrid ngħid li taħt il-kummissjoni ppreseduta mill-Onor. Gonzi aħna konna għamilna l-proposti tagħna li kienu maħsuba biex f'dan il-Parlament ikun hawn proporzjonalita' ċara bejn il-voti li jġib partit fil-pajjiż u s-siġġijiet illi jkollu f'dan il-Parlament. X’qal il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni meta tkellem f'dan id-dibattitu? Qal li m’huwiex veru li kif qiegħda s-sistema bħalissa qed taħdem ħażin għaliex qal li jekk inħarsu lejn il-persentaġġ ta' voti li l-Partit Laburista ġab fil-pajjiż u l-persentaġġ ta' siġġijiet illi għandu l-Partit Laburista fil-Parlament insibu li hemm l-istess persentaġġ. U jien nerġa’ ntenni mill-ġdid li dan huwa eżempju klassiku ta’ l-ipokresija ta' l-Onor. Fenech Adami! (Onor. Membri: Hear, hear). Li ma qalx l-Onor. Fenech Adami huwa li l-persentaġġ ta' siġġijiet illi l-Partit Nazzjonalista għandu fil-Parlament huwa ferm superjuri għall-persentaġġ ta’ voti illi ġab fil-pajjiż. (Onor. Membri: Hear, hear). U minn hawn ġejja l-problema li għandna quddiemna llum, Sinjura President, aktar u aktar meta wieħed iħares lejn il-proposti li konna għamilna aħna bħala partit għat-titjib fis-sistema elettorali.
Dak iż-żmien din il-kummissjoni kienet ħarset lejn din il-problema u aħna konna ressaqna l-proposti tagħna quddiemha. Illum erġajt ħarist lejhom apposta biex nara eżattament x’konna pproponejna aħna u x'kien ikun l-outcome kieku mxejna fuq il-proposti tal-Partit Laburista u jirriżulta, Sinjura President, illi kieku ġew segwiti l-proposti li għamilna fi Frar ta’ l-1996 - imma dawn malajr ġew imwarrba fil-ġenb bl-iskużi banali tas-soltu - kien jirriżulta li bl-aktar mod trasparenti u bl-aktar mod serju wara l-elezzjoni ta’ l-1996, l-Partit Laburista, kien ikollu maġġoranza ta' żewġ siġġijiet f'dan il-Parlament, illi jistħoqqlu jkollu fuq il-bażi tar-riżultat ta’ l-elezzjoni ta’ l-1996. Din hija xi ħaġa li tajjeb illi naffermaha u għalhekk dak illi għaddej bħalissa f’dan il-Parlament huwa responsabbilta' ta' l-Onor. Fenech Adami u ta’ sħabu. Pero’ se nagħmluha ċara li minn issa 'l quddiem se nżommuhom responsabbli għal kull ħaġa li se tiġri. (Onor. Membri: Hear, hear). Jekk jaħsbu li fetħu tieqa biex jiddistabilizzaw is-sistema politika, se nuruhom min jiddistabilizza s-sistema politika u fuq liema bażi, għaliex mil-lum ‘il quddiem se niddikjaraw gwerra, gwerra u gwerra kontra l-Partit Nazzjonalista għaliex huwa jaħti għal dawn l-affarijiet kollha li qed jiġru. (Onor. Membri: Hear, hear)
Sinjura President, irrid insemmi wkoll it-tliet consortia li daħlu u li ġew short listed għal dan il-proġett. Jien nimmaġina li kull wieħed minnhom kellu l-backers tiegħu. Per eżempju, l-ewwel consortium, dak ta’ Camper & Nicholsons, kellu anke deputat minn din il-Kamra li kien qiegħed idur biex jgħinu jasal u dan l-istess deputat tkellem fit-tul u qalilna li trid tqis ix-xogħol u affarijiet oħra bħal dawn.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dom Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Dan m’huwiex veru! (Interruzzjonijiet)

ONOR. ALFRED SANT: Ma kontx qed ngħid għalik u taf illi ma kontx qed ngħid għalik.
ONOR. DOM MINTOFF: Allura għalfejn qed tgħid hekk?
ONOR. ALFRED SANT: Taf li ma kontx qed ngħid għalik. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MEMBRU: Għan-nutar sieħbek qed jgħid.
ONOR. ALFRED SANT: Kien hemm it-tieni consortium, li domna nitkellmu miegħu ...
MADAM SPEAKER: L-Onor. Sceberras Trigona, on a point of explanation.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Madam Speaker, qed jissemma nutar u jien naf li qed jirriferu għalija. Jien fil-librerija ta’ dan il-Parlament laqqajt rappreżentant ta' Camper & Nicholsons maċ-Chairman tal-Planning Authority, is-Sur Alfred Fabri, li rriferieni għand is-Sur Norman Ripard tal-Palazz ta' Spinola u laqqajthom hemm magħhom. Dak kulma għamilt ma’ Camper & Nicholsons. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.

ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, kien hemm consortium ieħor illi daħal fl-istorja li domna niddiskutu miegħu fit-tul. Għal dawn id-diskussjonijiet kien ikun hemm preżenti l-Ministru Karmenu Vella u l-Ministru Debono Grech u fil-fatt konna se mmexxu ‘l quddiem ma' dan il-consortium, bil-kondizzjoni li dawn ikunu f'pożizzjoni li jġibu l-investiment barrani, u bqajna fuq dik il-bażi. Għal diversi drabi għednilhom biex jonoraw il-commitments tagħhom ħalli nkunu nistgħu mmexxu magħhom. Imma dan il-consortium ma onorax dan l-impenn u allura għednilhom li se mmorru fuq it-tielet consortium. Issa se ngħid ukoll għaliex ġie mwarrab il-consortium Camper & Nicholsons. Dan il-consortium ġie f'pajjiżna u qalilna li huma jafu jmexxu dawn l-affarijiet u riedu jagħmlu feasibility study, studju ta’ l-impatt u diversi studji oħra għaliex huma kienu jaħdmu b’dan il-mod. Aħna għednilhom li setgħu jagħmlu l-istudji kollha li jridu imma jekk kellhom xi proġett riedu jippreżentawh. Pero’ ma kenux lesti li jagħmlu din il-ħaġa u allura Camper & Nicholsons mill-ewwel twarrab għax ma riedx jinvesti fil-proġett. Mat-tieni consortium kellna nieqfu għax ma ġewx bil-flus illi kellhom jiġu, imma l-pressjonijiet illi kien hemm baqgħu għaddejjin u għadhom għaddejjin sal-lum.
Imbagħad kien hemm it-tielet consortium illi miegħu wasalna. Fil-fatt it-tieni u t-tielet consortium qegħdnihom f’gara u għednilhom li min jasal l-ewwel u jġib l-investiment barrani mmexxu miegħu. Sa dan l-aħħar baqgħu għaddejjin il-pressjonijiet biex it-tieni consortium ta’ l-Isvediżi jidħol fil-gara meta dan kien waqaf. U hawn irrid ngħid li meta marru Dr Philip Sciberras u Dr Joe Brincat biex jitkellmu mal-Perit Mintoff, ħdejn il-Perit Mintoff kien hemm is-Sur Tony Nicholl, li l-ewwel ħaġa li qal lil Dr Philip Sciberras kienet biex jaħsbu fil-consortium ta’ l-Isvediżi meta suppost illi dan kien diġa’ eskluż. Dawn huma t-tip ta' pressjonijiet illi kien hemm, Sinjura President! (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Mintoff, on a personal explanation.
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, jekk qed jgħid għat-tieni consortium, jien ma tantx nafhom lil dawn.
ONOR. ALFRED SANT: Qed ngħid għall-consortium Cottonera Waterfront.
ONOR. DOM MINTOFF: Li nista' ngħid huwa li lili Tony Nicholl qalli biex noqgħod attent għall-Cottonera Waterfront għax dak kien diġa' advisor mal-MSU fi żmienek u fi żmien l-Onor. Fenech Adami. Dak biss illi qal quddiemi.
ONOR. ALFRED SANT: U jien qed nirrapporta x'qalli Dr Philip Sciberras.
ONOR. DOM MINTOFF: Dak biss illi qalli. Dan m’hu veru xejn. Din hija gidba oħra bħas-soltu. M’hu veru xejn. (Interruzzjonijiet) (Għajat)

MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, poġġi bil-qiegħda. (Interruzzjonijiet) Poġġi bil-qegħda. (Interruzzjonijiet) (Għajat)
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, nixtieq nispjega wkoll għaliex il-Partit Nazzjonalista ħareġ daqstant kontra dan il-consortium u kontra l-għażla li għamilna. Jien bqajt imnixxef għaliex nista' ngħid illi kontra l-consortium tal-Kottonera ma kont naf xejn ħlief illi għandhom investiment u għalhekk intgħażlu biex imexxu. Naħlef illi dan il-fatt li se nirrakkonta nġieb quddiem għajnejja mhux nhar il-Ġimgħa li għaddiet imma l-Ġimgħa ta' qabel, preċiżament meta kien qed jitkellem il-Perit Mintoff.
Qaluli jekk qattx ħarist tajjeb lejn il-brochure li kien ippubblika u qassam l-Onor. John Dalli mat-Tieni Distrett kollu fl-aħħar ġimgħa ta’ qabel l-elezzjoni dwar kif irid jibni u jittrasforma l-Kottonera. Jien għidtilhom li kont rajtu għax dawn l-affarijiet kienu juruhomli u staqsejt x’kien fih. Imbagħad qaluli jekk qattx rajt il-preżentazzjoni li għamlu l-Cottonera Waterfront quddiem il-proċess kollu li għadna kemm għaddejna u li għamilna u għidtilhom li ma rajtux. Qaluli biex inħares lejhom u jien hekk għamilt. Sinjura President, qed nuri l-istampa li kien hemm mal-brochure li l-Onor. John Dalli qassam fit-Tieni Distrett qabel l-aħħar elezzjoni. Ma kien hemm l-ebda studji, ma kien hemm l-ebda gara, ma kien hemm l-ebda preparazzjoni u xorta tqassam dan il-brochure. Din hija l-istampa kif suppost kellhom jittrasformaw lill-Kottonera.
Imbagħad ħarist lejn il-preżentazzjoni li għamlu l-Cottonera Waterfront Design Group meta resqu quddiem l-isteering committee li waqqaf il-Gvern Malti u skoprejt li dawn huma identiċi, Sinjura President. (Onor. Membri: Hear, hear) (Interruzzjonijiet) (Għajat) Għalhekk il-poplu Malti jrid jistaqsi x'hawn wara dan kollu. Irrid nagħmilha ċara lill-poplu Malti li l-mod ġdid ta' kif jista’ jitmexxa pajjiżna huwa li jinqata’ minn ma’ kull ħbiberiji u jagħmel l-affarijiet kif għandhom isiru.

MADAM SPEAKER: L-Onor. John Dalli, on a point of clarification.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, lill-Prim Ministru nista' niddikjaralu li assolutament ma nafx min huwa dan il-consortium u qatt ma kelli x’naqsam xejn ma’ dan il-consortium. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, ħalluh jitkellem!
ONOR. JOHN DALLI: Jien nisfida lill-Prim Ministru jgħid jekk qattx kelli xi kuntatt ma' dan il-consortium u nisfida lill-ministri kollha li kellhom x'jaqsmu b'xi mod fin-negozjati mal-consortium biex jgħidu jekk jien qattx b'xi mod jew f'xi ħin kelli xi kuntatt ma’ xi ħadd fuq dan il-consortium. Jiena niddikjara li dak li qed jimplika l-Prim Ministru li jien kelli b'xi mod x'naqsam ma' xi ħaġa f'dawn it-tip ta' kuntratti huwa assolutament falz u qed jigdeb. Il-pjanti li ppubblikajt fil-brochure tiegħi kienu pubbliċi u meta jien kont inkellem anke lis-Sindku ta' Bormla fuqu - u tajthom anke mock-up tiegħu - kont ngħidlu li din hija bażi li fuqu rridu niddiskutu l-proġett fil-futur.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Ikompli l-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, quddiemi għandi colour reprint tal-brochure li l-Onor. John Dalli qassam lejlet l-elezzjoni li għaddiet liċ-ċittadini kollha tal-Kottonera u colour print-out tal-preżentazzjoni li għamlu l-Cottonera Waterfront u nista’ ngħid li dawn huma identiċi! (Onor. Membri: Hear, hear). Għalhekk se npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
Fuljett imqassam mill-Onor. John Dalli matul il-kampanja elettorali ta’ l-1996 li juri l-proġett maħsub għall-Kottonera; u
Disinn tal-proġett tal-Kottonera ppreżentat mill-consortium Cottonera Waterfront.
Nifhem li l-poplu Malti qed jistaqsi għaliex qed tinqala’ din il-maltempata kollha fuq dan il-proġett illi mill-bidunett kien maħsub u jibqa' maħsub biex ikun ta' ġid għan-nies tal-Kottonera. Min qed jaħseb mod ieħor u min qed jipprova jallega jew jinsinwa mod ieħor, huwa tassew xi ħadd illi wasal biex jittradixxi lil Malta li għalih kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox! (Onor. Membri: Hear, hear)
Irrid ngħid ukoll, Sinjura President, li jien kont wieħed min-nies li għidt li kellna naqtgħu ż-żarda meta kellna dak ir-riżultat fl-ewwel votazzjoni u għidt li għandna nmexxu 'l quddiem u noħolqu maġġoranza ġdida u maġġoranza żagħżugħa li trid li l-affarijiet isiru b'mod modern. (Onor. Membri: Hear, hear) Pero’ imbagħad smajt minn sħabi tal-partit - u nirringrazzjahom tal-parir li tawni - meta qaluli biex inkunu flessibbli u naraw kif nistgħu nirranġaw u kif nistgħu noħolqu bażi għal kompromess. Jien aċċettajt dan il-parir, allavolja minħabba f’hekk qaluli li kont dgħajjef; pero’ ma jimpurtax għaliex l-impenn tiegħi huwa li l-proġett jimxi 'l quddiem. (Onor. Membri: Hear, hear) U hawnhekk sibna l-iskoll ukoll.
Jien nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem sabiex jintlaħaq xi tip ta’ kompromess u jien qgħadt lura apposta minn dan il-proċess. Għajruni li ddgħajjift, li therrejt u spiċċajt minn taħt u daħlu ħafna affarijiet, li kelli l-makna f'idi u qalu ... Xi kultant ħsibtni li qed nara xi opera lirika b’Bartlu tiela' u Bartlu nieżel. (Interruzzjonijiet) Mhux Rossini dak kien? Imbagħad ddaħħlet ukoll l-istorja ta' l-istatwa. L-istatwa ta' Don Giovanni ntesiet? Jien ngħid li l-istatwa terġa’ tiġi, taqa' fuq Don Giovanni u twaqqgħu lura magħha! Irridu nkunu ċari f'dawn l-affarijiet u ma noqogħdux ngħidu ħafna kliem vojt. Dawn l-affarijiet għamilnihom b’sens ta' flessibbilta' u kont lest naċċetta l-affarijiet. Fil-fatt ħallejthom imexxu u nirringrazzja lil kulħadd, lil Dr Philip Sciberras, lil Dr Joe Brincat, lil Frans Sammut, lill-Onor. Alex Sceberras Trigona, għalkemm dan ta’ l-aħħar għandu żball jekk jaħseb li billi għamel irtokk 'l hemm u 'l hawn se jiżdiedu xi Lm14-il miljun. Kienu lesti jaċċettaw dak l-irtokk biex ikun sodisfatt hu pero' l-Lm14 miljun kienu hemm minn qabel. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Sceberras Trigona, bil-permess tal-Prim Ministru.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Madam Speaker, jiddispjaċini ngħid li qed joħroġ animu personali .... (Interruzzjonijiet) Dan l-animu personali għalija li ġej mill-Onor. Alfred Sant, qatt ma kont nistennih mingħandu allavolja wrieni bil-provi ...
MADAM SPEAKER: Onor. Sceberras Trigona, poġġi bil-qiegħda għaliex din m’hijiex spjegazzjoni. (Interruzzjonijiet) Poġġi bil-qiegħda.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Imma llejla qed joħroġ animu tant qawwi li lanqas huwa tollerrabbli għal membru ta' din il-Kamra.
MADAM SPEAKER: Onor. Sceberras Trigona, nerġa’ nitolbok biex tpoġġi bil-qiegħda għax din m'hijiex spjegazzjoni.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Issa jien nirriserva d-dritt li nerġa' nuri lil din il-Kamra l-klawsola kif ġiet ippreżentata fis-26 ta' Mejju u l-klawsola kif ġiet emendata skond kif ipproponejt jien. Imbagħad niċċalinġja ...
MADAM SPEAKER: Poġġi bil-qiegħda. Nitlob li jintefa l-microphone ta’ l-Onor. Sceberras Trigona. Ikompli l-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Jien insostni dak li għidt, Sinjura President, mingħajr l-ebda problema. (Onor. Membri: Hear, hear) Ngħaddi issa biex nitkellem ukoll fuq il-kwestjoni tal-pjanti.
Dan huwa argument sempliċi għaliex il-pjanti jsiru meta jkun hemm il-kuntratt. Fil-fatt kien hemm l-outline plans li jsiru meta tiġi sottomessa r-rikjesta lill-Planning Authority u kelli talba mill-Perit Mintoff permezz ta' Dr Sciberras biex ngħaddilu kopja. Jien ma sibt l-ebda problema li nagħmel dan, imma li mbagħad jiġu esibiti fuq NET Television, li huwa l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, għalija hija assolutament ħrafa u ċajta. Forsi huwa tajjeb li jkollna dawn il-jokes fil-pajjiż imma huwa ħażin għas-serjeta' tal-pajjiż għaliex dawk ma kenux pjanti li kellhom jiġu esibiti b'dak il-mod u m'huwiex kompitu ta' dan il-Parlament li joqgħod jgħid minn fejn jidħol u minn fejn joħroġ yacht. Dan il-Parlament jiddeċiedi fuq il-bażi tal-kuntratt u minn hemm immexxu 'l quddiem. Sinjura President, jien tkellimt biżżejjed fuq dan il-proġett, issa jiddeċiedi l-poplu u kulħadd jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu. Pero’ tajjeb li nirrimarka fuq żewġ punti li tqanqlu dwar il-politika ġenerali ta' dan il-Gvern.
Qalulna li dan huwa gvern li nesa u warrab liż-żgħir, huwa gvern bla ruħ u qalulna wkoll li jien "żboxlat". Jiġifieri ħaddieħor jista’ jgħidli li jrid għaliex jien mhux suppost nieħu għalija! Jien xorta kont qed inżommhom fija dawn l-affarijiet. Ħalli ngħid kemm aħna żboxlati, Sinjura President. Il-politika ġenerali tagħna miexja u qed tagħti r-riżultati tagħha tant li fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, il-gross national product ta' pajjiżna tela’ għal 11.2% meta s-sena ta' qabel kien niżel b'0.5% ... (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Farrugia, ma rridx interruzzjonijiet.
ONOR. ALFRED SANT: Għalhekk l-Onor. Fenech Adami sejjaħ l-elezzjoni qabel għaliex kien jaf li tliet xhur wara bejn Jannar u Marzu l-ekonomija ta’ pajjiżna se taqa’ lura. Bil-politika tagħna aħna ssodajna l-affarijiet u qatt ma kien hemm tkabbir ekonomiku bħal dan fl-aħħar għaxar snin. (Onor. Membri: Hear, hear)
Imbagħad qalulna li aħna kontra ż-żgħir! Tajjeb li l-poplu jkun jaf li sa l-aħħar ta' Novembru tas-sena li għaddiet, mis-sussidju fuq id-dawl u l-ilma kienu jibbenefikaw 4,000 mentri sal-bidu ta’ Ġunju ta' din is-sena kien hemm 7,820 jibbenefikaw minn dan is-sussidju; u dan in-numru jista’ jiżdied għaliex aħna għidna mill-bidu nett li liż-żgħir m’aħniex se ngħabbuh b’piżijiet li ma jistax iġorr. U din il-politika se nkomplu nsegwuha. L-impenn tagħna huwa li ntejbu tassew l-ekonomija mkissra li writtna mill-Gvern Nazzjonalista b'mod li tassew tkun tista' tiġġenera t-tajjeb għaż-żgħir. Issa, Sinjura President, se ngħaddi biex nispjega x’ġara f’dawn l-aħħar jumejn.
Nhar it-Tnejn fil-għodu kelli komunikazzjoni minn Dr. George Abela fejn wassalli messaġġ mill-Perit Mintoff permezz ta' Dr Philip Sciberras. Il-messaġġ kien jgħid li dan id-dibattitu għandu jiġi sospiż għal ġimgħatejn; li l-Perit Mintoff għandu jingħata ċ-ċans li jinnegozja direttament mal-consortium u li ma jistax jiggarantixxi kif se jivvota. Aħna tkellimna mal-Kabinett, u llejla laqqajna l-eżekuttiv u l-grupp parlamentari tal-Partit Laburista fejn spjegajnilhom kollox u qalulna li dawn il-kondizzjonijiet ma jaċċettawhomx. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, m'hu veru xejn kif qed ipoġġiha hu. Anzi jien għidtilhom li mil-lum 'il quddiem ma ridthomx imorru jgħidulu x'inkun qed nagħmel jien. (Interruzzjonijiet) Billi qed tgħidlu hekk, intom kontu magħna? Intom qabda parrots! (Interruzzjonijiet) (Għajat) Inġibuhom u naraw jekk hux veru!
MADAM SPEAKER: Onor. Debono Grech, poġġi bil-qiegħda. Ma rridx interruzzjonijiet.
ONOR. DOM MINTOFF: Oqgħod kwiet int! Int trid titkellem?
MADAM SPEAKER: Onor. Debono Grech, poġġi bil-qiegħda. L-Onor. Mintoff ikompli bl-ispjegazzjoni. (Interruzzjonijiet)
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, jien naf x'għidtilhom lill-oħrajn ... (Interruzzjonijiet) (Għajat) Irrid inkompli nispjega ...
ONOR. ALFRED SANT: Dak li għidt jien wasalli permezz ta' Dr. George Abela u llum wara nofs inhar ...
ONOR. DOM MINTOFF: Nerġa' ngħidlu li lil Dr. George Abela ili ma nkellmu minn dak inhar li rranġaw il-kuntratt. (Interruzzjonijiet) (Għajat)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, Onor. Mintoff poġġi bil-qiegħda. (Interruzzjonijiet)
ONOR. ALFRED SANT: Illum wara nofs inhar, Sinjura President, fil-preżenza ta' Dr. George Abela u fil-preżenza ta' l-Onor. George Vella, ċempilt lil Dr. Philip Sciberras u ...
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, jien għandi dritt ngħid l-affarijiet kif għamilthom jien.
MADAM SPEAKER: Ma tistgħux titkellmu f’daqqa.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Poġġi bil-qiegħda għax ħadd ...
ONOR. DOM MINTOFF: U oqgħod kwiet għax ħlief tgħajjat ma tafx u pprova tgħallem xi ħaġa! (Interruzzjonijiet) Għalfejn qed tgħajjat? (Interruzzjoniijiet)
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Istħi ... (Għajat)
MADAM SPEAKER: Il-Kamra hija sospiża għal ħames minuti.
Fit-8.37 p.m il-Kamra ġiet sospiża minħabba diżordni u rriżumiet fit-8.42 p.m.
MADAM SPEAKER: Onor. Prim Ministru, għandek bżonn il-Leave of House biex tkompli tinstema’. Hawn Leave of House? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lino Spiteri, point of order.

ONOR. LINO SPITERI: Madam Speaker, hija konswetudni f'dan il-Parlament li ma nsemmux ismijiet ta' dawk li ma jkunux qegħdin hawnhekk biex jiddefendu ruħhom. Ftit ilu l-Prim Ministru qal li Dr Philip Sciberras qallu li meta ltaqa' ma' Tony Nicholl ... (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: Inġibhomlok il-provi lilek. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, ma rridx interruzzjonijet. Irridu nippermettu lil kulħadd jitkellem. Sal-lum kulħadd kellu ċans jitkellem f'dan il-Parlament u jekk iżżommu l-kalma nimxu ħafna aħjar. Kulħadd ilu jieħu ħafna paċenzja hawn ġew.
ONOR. LINO SPITERI: Madam Speaker, bil-kalma kollha, irrid ngħid li l-Onor. Joe Mizzi mhux lili qiegħed jgħid għaliex fuq ir-radio qed jisimgħuh ħafna nies. Kont qed ngħid li hija konswetudni f'dan il-Parlament li ma jissemmewx nies li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. Ftit ilu l-Prim Ministru, fuq informazzjoni li qal li tahielu Dr Philip Sciberras semma lill-ex-Deputat parlamentari u ħabib tiegħi l-ispiżjar Tony Nicholl u qal li dan f'xi laqgħa għand l-Onor. Dom Mintoff - ma nafx f'liema okkażjoni - qal lil Dr Philip Sciberras: "Ħudu ħsieb l-ewwel consortium". Għadu kemm ċempilli l-ex-Onor. Tony Nicholl - għalija għadu onorevoli biżżejjed - fejn ddikjarali li dak il-kliem ma qalux, li qatt ma tkellem xejn u li dik hija gidba. Mela allura għandna sitwazzjoni fejn is-Sur Tony Nicholl qiegħed jiddikjara li dak li qal Dr Philip Sciberras hija gidba. F'dan il-Parlament għandna nagħmlu l-punti tagħna imma ma nistgħux insemmu nies li ma jistgħux jiddefendu ruħhom hawnhekk.
Madam Speaker, naħseb li huwa wkoll obbligu tiegħek li ma tippermettix li dan isir.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Issa la ssemmew dawn in-nies, bilfors ikolli nagħmel personal explanation. Pero’ b’żewġ kelmiet ma tistax tagħmel personal explanation fejn huma involved tlieta min-nies.
Il-Prim Ministru qed jgħid Dr George Abela x'qallu li għidt jien. Issa jien lil Dr George Abela ilni ma narah minn dak inhar meta flimkien ma' l-Onor. Sceberras Trigona marru jirranġaw il-kuntratt. Wara dik il-ġurnata dan bagħat jgħidli li s-separju niżel. Huwa veru li jien għidt lil Dr Sceberras u lil Dr Brincat li jekk jiġu biex ikellmuni tal-consortium lest biex ikellimhom ħalli nara jekk jistgħux jirranġaw il-pjanti. Pero’ ma bgħattx għalihom jien u għidtilhom li ma ridtx li xi ħadd imur jgħidilhom jew ma jgħidilhomx.
Imbagħad huma kitbuli - u din għidtha hawn ġew u lest biex darba oħra npoġġi d-dokumenti fuq il-Mejda għaliex m'humiex qegħdin hawnhekk - u qaluli li l-perit tagħhom lest biex jiltaqa' miegħi. Jien għidtilhom li dan ma kienx biżżejjed għaliex jien ridt li l-perit tagħhom jispjegali għaliex għamlu dawn l-affarijiet u jekk jistgħux jirranġawhom. Pero’ beżgħu jiġu biex ma jkollhomx xi jgħidu mal-Gvern! Din hija s-sitwazzjoni.
Meta rajt dan kollu, għidt lil Dr Philip Sciberras u lill-oħrajn li minn dak inhar 'il quddiem ma ridthomx jgħidu lill-Prim Ministru x'ikun għaddej għaliex dan minflok qed jaħdem bħali biex nirranġaw il-kuntratt, qed jaħdem bil-kontra. (Interruzzjonijiet) Wara li għaddew jumejn jien bgħatt ngħidilhom ukoll li ma kellix bżonn ta' sospensjoni ta' ħmistax-il ġurnata għaliex s’hemmhekk stajna naslu u ma ridtx naħli ż-żmien tiegħi u ta' ħaddieħor.
Din hija l-verita'. Dak hu li għidtilhom jien. Issa mbagħad x'qal li qallu Dr George Abela, hu jaf xi jħawwad! Din daqs ta' Tony Nicholl tajba u vera!
MADAM SPEAKER: Nitlob lill-Prim Ministru biex ikompli bil-winding-up.
ONOR. ALFRED SANT: Nirrepeti li l-messaġġ li wasalli minn Dr George Abela kien li, permezz ta' Dr Philip Sciberras, il-Perit Mintoff kien bagħat jgħidilna li ried li nissospendu d-diskussjoni għal ġimgħatejn biex il-Perit Mintoff jinnegozja mal-consortium, u failing that, ma setax ikun hemm xi garanzija ta' kif se jivvota l-Perit Mintoff. (Interruzzjonijiet) Jien qatt ma waqqaft lil ħadd, Sinjura President. Illum wara nofs inhar fil-preżenza ta' Dr George Vella u Dr George Abela jien ċempilt lil Dr Philip Sciberras u kkonfermali kull ħaġa li qed ngħid li waslitlu mingħand il-Perit Mintoff. Issa l-affarijiet jgħarbilhom il-poplu. (Onor. Membri: Hear, Hear)
MADAM SPEAKER: Poġġi bil-qiegħda. (Interruzzjonijiet)

ONOR. ALFRED SANT: Nerġa' ngħid, Sinjura President, li llejla tlaqqa' l-grupp parlamentari ...
MADAM SPEAKER: Onor. Karmenu Vella, il-Prim Ministru biss għandu l-kelma.
ONOR. ALFRED SANT: ... u l-eżekuttiv nazzjonali tal-Partit Laburista u spjegajnilhom il-pożizzjoni kif inhi; u effettivament tajjeb li nieħu din l-opportunita' biex ngħid li dawk il-figuri dwar dejn tal-partit huma kollha figuri tal-fantasija. Il-pożizzjoni finanzjarja tal-partit regolarment tiġi ppubblikata fil-konferenza ġenerali tal-partit u assolutament m'hemm l-ebda ħabi fuq kif jimxi l-partit.
Sinjura President, irrid nagħlaq billi ngħid li l-grupp parlamentari u l-eżekuttiv nazzjonali kkonfermaw id-deċiżjoni li ħabbarna l-ġimgħa li għaddiet fil-media li kontra dak li għidna fil-bidu ta' dan id-dibattitu, mhux se jkun hemm insistenza min-naħa tagħna li l-vot ta' fiduċja jgħaddi permezz tal-voti kollha tal-membri parlamentari mingħajr casting vote, imma l-vot ta' fiduċja fuq din il-mozzjoni hu miżmum bħala vot ta' fiduċja u qed nistennew li jgħaddi minn dan il-Parlament. Jekk ma jgħaddix minn dan il-Parlament, il-Gvern se jqis li tilef vot ta' fiduċja. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: Se npoġġi issa l-mistoqsija fuq l-emenda “B” imressqa mill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed fis-Seduta Nru. 235 tat-30 ta' Ġunju, 1998. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Din id-division tittieħed fil-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol. Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, għandna proposta, li naħseb qed taqbel magħha l-Oppożizzjoni, li naġġornaw sad-9.00 p.m. u l-votazzjoni tittieħed 20 minuta wara.
MADAM SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Jien ma nsibx diffikulta' li minflok ngħaddu għall-item li jmiss fuq l-aġenda, peress li baqa' biss tmien minuti, naġġornaw sad-9.00 p.m. u d-division tittieħed wara 20 minuta.
MADAM SPEAKER: Nixtieq li l-ftehim ikun ċar.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Qed niftehmu li minflok inkomplu bil-business tal-Kamra naġġornaw sad-9.00 p.m. u l-votazzjoni tittieħed 20 minuta wara, jiġifieri fid-9.20 p.m. (Interruzzjonijiet)
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, qegħdin nipproponu li x-xogħol tal-Kamra jieqaf sad-9.00 p.m. u mbagħad fid-9.00 p.m. tissejjaħ id-division li tittieħed fid-9.20 p.m.

MADAM SPEAKER: Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kamra ġiet sospiża fit-8.52 p.m. u rriżumiet 8 minuti wara.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hija l-emenda "B" kif imressqa u moqrija mill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed fis-Seduta Nru. 235 tat-30 ta' Ġunju 1998. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Din id-division tittieħed minn hawn u 20 minuta oħra.
Billi ntalbet votazzjoni, il-Kamra ġiet sospiża fid-9.00 p.m. u rriżumiet 20 minuta wara.
MADAM SPEAKER: Se nerġa’ npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hija l-emenda "B" kif imressqa u moqrija mill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed fis-Seduta Nru. 235 tat-30 ta' Ġunju, 1998. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbu, l-Iskrivan tal-Kamra jista' jaqra l-ismijiet.
L-Iskrivan tal-Kamra beda jaqra l-ismijiet ta' l-Onor. Membri b'ordni alfabetiku u meta wasal fl-isem ta' l-Onor. Schembri Adami ġie mwaqqaf mill-Ispeaker.
MADAM SPEAKER: Naħseb li jkun aħjar jekk l-Iskrivan tal-Kamra jerġa' jibda jsejjaħ l-ismijiet mill-ġdid. (Interruzzjonijiet) Onor. Mintoff qed narak titkellem ....
ONOR. DOM MINTOFF: Qed nivvotaw fuq ir-riżoluzzjoni emendata jew fuq l-emenda waħedha?
MADAM SPEAKER: Ma nistgħux nivvotaw fuq ir-riżoluzzjoni kif emendata. Bħalissa għadna qed nivvotaw fuq l-emenda “B” għar-riżoluzzjoni. Qed narak titkellem ma' sħabek u ismek diġa' ssejjaħ.
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, jien kontra r-riżoluzzjoni.
MADAM SPEAKER: Jien waqqaft lill-Iskrivan ħalli jerġa' jibda jsejjaħ l-ismijiet. (Interruzzjonijiet) Biex nevitaw xi ekwivoku, nitlob lill-Iskrivan jerġa’ jsejjaħ l-ismijiet kollha mill-bidu sat-tmiem. Infakkarkom li għadna qegħdin nivvotaw fuq l-emenda.
VOTAZZJONI NRU. 164
FAVUR : 35

L-Onor.


Abela Carmelo

Farrugia Noel

Abela Joseph

Grech Edwin

Agius Chris

Gulia Gavin

Attard Montalto John

Herrera Jose'

Bartolo Evarist

Mangion Charles

Borg Karmenu

Mintoff Dom

Brincat Leo

Mizzi Joe

Buhagiar Charles

Pace Bertu

Buhagiar Louis

Portelli Alfred

Camilleri Maria

Refalo Anton

Cardona Chris

Sant Alfred

Chircop Karl

Sceberras Trigona Alex

Cilia Joe

Schembri Adami Sandro

Dalli Helena

Spiteri Lino

Debono Grech Joe

Vassallo Adrian

Farrugia Anglu

Vella George

Farrugia Joe

Vella Karmenu

Farrugia Michael





KONTRA : 34
L-Onor.


Abela Tony

Galea Pace Victor

Agius Francis

Gatt Austin

Bonnici Josef

Gonzi Lawrence

Bonnici Michael

Hyzler George

Borg Joe

Mifsud Bonnici Antoine

Borg Tonio

Mugliett Jesmond

Cassar Joe

Muscat Claude

Dalli John

Muscat Richard

D'Amato Helen

Psaila Savona Joe

De Marco Guido

Pullicino George

Debono Giovanna

Pullicino Orlando Jeffrey

Deguara Louis

Refalo Michael

Farrugia Jean Pierre

Tabone Anton

Fenech Adami Eddie

Vassallo Edwin

Frendo Michael

Vella John

Galea Censu

Zammit Ninu

Galea Louis

Zammit Dimech Francis








L-emenda "B" għaddiet.
MADAM SPEAKER: Hemm xi ftehim rigward ir-riżoluzzjoni? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, ġejna mitlubin mill-whip jekk naqblux li l-vot fuq ir-riżoluzzjoni kif emendata jittieħed issa u l-Oppożizzjoni taqbel.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, din in-naħa tal-Kamra taqbel li nibqgħu mexjin fuq ir-riżoluzzjoni kif emendata u huwa preċiżament fuq dan il-punt issa li tidħol il-kwestjoni tal-vot ta' fiduċja li qed jitlob il-Gvern.

MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi r-riżoluzzjoni li tirrigwarda lil Port Cottonera Limited, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Din id-division tittieħed issa stess.
VOTAZZJONI NRU. 165
FAVUR : 34
L-Onor.


Abela Carmelo

Farrugia Michael

Abela Joseph

Farrugia Noel

Agius Chris

Grech Edwin

Attard Montalto John

Gulia Gavin

Bartolo Evarist

Herrera Jose'

Borg Karmenu

Mangion Charles

Brincat Leo

Mizzi Joe

Buhagiar Charles

Pace Bertu

Buhagiar Louis

Portelli Alfred

Camilleri Maria

Refalo Anton

Cardona Chris

Sant Alfred

Chircop Karl

Sceberras Trigona Alex

Cilia Joe

Schembri Adami Sandro

Dalli Helena

Spiteri Lino

Debono Grech Joe

Vassallo Adrian

Farrugia Anglu

Vella George

Farrugia Joe

Vella Karmenu


KONTRA : 35
L-Onor.


Abela Tony

Galea Pace Victor

Agius Francis

Gatt Austin

Bonnici Josef

Gonzi Lawrence

Bonnici Michael

Hyzler George

Borg Joe

Mifsud Bonnici Antoine

Borg Tonio

Mintoff Dom

Cassar Joe

Mugliett Jesmond

Dalli John

Muscat Claude

D'Amato Helen

Muscat Richard

De Marco Guido

Psaila Savona Joe

Debono Giovanna

Pullicino George

Deguara Louis

Pullicino Orlando Jeffrey

Farrugia Jean Pierre

Refalo Michael

Fenech Adami Eddie

Tabone Anton

Frendo Michael

Vassallo Edwin

Galea Censu

Vella John

Galea Louis

Zammit Ninu




Zammit Dimech Francis








Ir-Riżoluzzjoni, kif emendata, ma għaddietx.
MADAM SPEAKER: Sar il-ħin għall-Aġġornament. Il-Ministru Mizzi.


Yüklə 364,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin