ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-proġett ta' l-Iskola ta' Sannat għadu qed jiġi evalwat.
GĦAWDEX - PUBBLIĊITA'
13119. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid minn meta beda jkun hemm spazju riservat għal pubbliċita' fuq il-gżira ta' Għawdex fl-istand ta' l-NTOM fil-Fieri tat-Turiżmu f'Berlin u f'Londra?
ONOR. KARMENU VELLA: Għawdex minn dejjem ingħata pubbliċita' xierqa u kontinwa fl-attivitajiet tal-NTOM.
Barra minn hekk minn meta l-NTOM kellha stands kbar biżżejjed Għawdex ingħata wkoll spazju speċifiku għall-promozzjoni bħala prodott distint ta' l-offerta turistika tal-Gzejjer Maltin.
IMPJIEGI - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL
13120. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' nies jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex fl-aħħar ta' Ġunju 1997 u kemm kien fl-aħħar ta' Diċembru 1997?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex fl-aħħar ta' Ġunju 1997 kien ta' 619 u dak fl-aħħar ta' Diċembru 1997 kien ta' 635.
PITKALIJA - XERREJJA
13121. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xerrejja (bejjiegħa tal-ħaxix) li għandhom permess jidħlu jixtru qabel il-ħinijiet stabbiliti?
Jekk hemm, kemm hu n-numru tagħhom?
Mil-liema lokalitajiet huma dawk li għandhom tali permess?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Ħadd m'għandu permess jidħol jixtri mill-Pitkalija qabel il-ħinijiet stabbiliti.
13122. L-ONOR. ĊENSU GALEAstaqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' talbiet għall-permessi tal-bini quddiem il-Planning Authority li ġew rifjutati f'Ottubru u Novembru 1997, li talbu reconsiderationu li din ir-reconsideration għadha sal-lum ma nstemgħetx?
F'liema lokalitajiet kienu dawn it-talbiet għal reconsideration?
X'wassal biex dawn it-talbiet għadhom ma nstemgħux ħames xhur wara li ntalbet reconsideration?
ONOR. GEORGE VELLA: Jinħtieġ aktar żmien sabiex tingħata l-informazzjoni.
PA - APPLIKAZZJONIJIET PENDENTI
13123. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 12773, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt minn jitlob li jkun preżenti għal-laqgħat tad-DCC ( u qabel talbiet bħal dawn kienu jeżistu biex l-applikant ikun jista' jitkellem mhux biex joqgħod iħares) jistax jattendi għal dawn il-laqgħat u jista' jara li jiġi assigurat li min jitlob li jattendi dawn il-laqgħat ikun jista' jitkellem?
ONOR. GEORGE VELLA: Li applikant jitkellem waqt il-laqgħa tad-DCC dejjem kienet fid-diskrezzjoni taċ-Chairman. Li ġara kien li ttieħdet drawwa li l-fatt li titlob li tkun preżenti kien ifisser li kienet talba biex titkellem waqt il-laqgħa. Dan kien qed jirriżulta f'dewmien esaġerat t'applikazzjonijiet li għalkemm ikunu nħadmu kienu jkunu qed jistennew biex ikunu deċiżi mid-DCC.
Din id-diffikulta kienet sorpassata permezz li jintbagħat ir-rapport tal-Case Officer lill-applikant li għandu dritt jissottometti l-argumenti tiegħu. Dawn l-argumenti jkunu mehmużin ma' l-aġenda li tingħata lil kull membru tad-DCC ġimgħa qabel.
AUBERGE D'ITALIE - XOGĦLIJIET
13124. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inħolqux xi diffikultajiet dwar il-ħlas tax-xogħol li qed isir fl-Auberge d'Italie mill-flus tal-protokoll ma' l-Italja?
ONOR. LEO BRINCAT: La l-Ministru tal-Finanzi u lanqas dak tat-Turiżmu u Self-Employed ma jafu li nħolqu xi diffikultajiet dwar il-ħlas tax-xogħol li ser isir fl-Auberge d'Italie.
AUBERGE D'ITALIE - XOGĦLIJIET
13125. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol li qed isir fl-Auberge d'Italie hux qed isiru taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet?
Min qed iwettaq ix-xogħol?
Kemm hi l-istima tax-xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt kienx informat biex il-ħlas ta' dan ix-xogħol ikun jista' jitħallas mill-flus tal-protokoll Taljan?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ix-xogħol fl-Auberge d'Italie qed isir taħt is-superviżjoni tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Ix-xogħol ta' alterazzjonijiet strutturali, plumbing u drains qed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni. Ix-xogħlijiet l-oħra ta' finishing u servizzi qed isir mill-kuntratturi li ħadu x-xogħol b'offerti pubbliċi.
L-istima tax-xogħol tal-kuntratturi u l-ħaddiema tal-gvern huwa ta' madwar nofs miljun lira Maltin (Lm500,000)
Dwar l-aħħar parti tad-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
ĊANGA FRISKA
13126. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 12930, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar kemm mill-qatla ndikata fir-risposta, fil-fatt ġiet ikkonsmata friska, u kemm minnha għaddiet għall-ipproċessar f'kull xahar indikat fir-risposta?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-informazzjoni għas-sena 1996 qed tinġabar.
Għas-snin 1997 u 1998, l-Informazzjoni hi kif tidher hawn:
13134. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qattx wettqet xi ħidma fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes?
ONOR. GEORGE VELLA: Jista', jekk jogħġbu l-Onor. Interpellant jispeċifika x'tip ta' ħidma qiegħed jirreferi għaliha.
QRATI - SENTENZI
13135. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jiġu ppubblikati s-sentenzi tal-Qrati Maltin għal dawk is-snin bejn l-1970 - 1990 li għadhom biss fl-arkivji tal-Qrati?
ONOR. GAVIN GULIA: Ninforma lil l-Onor. Interpellant li hemm kumpannija privata, il-Legal Publishing Enterprises Ltd li qed tieħu ħsieb dak li qed jissuġġerixxi.
LIĠIJIET TA' MALTA - KAPITOLU 158
13136. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja: Jista' l-MInistru jgħid kemm ġew dekontrollati fondi matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena skond il-provvedimenti tal-Kapitolu 158 tal-Liġijiet ta' Malta u taħt liema subartikolu ta' l-artikolu 3 ta' l-istess kapitolu?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għad-dekontroll fl-aħħar ta' Frar, 1998?
ONOR. GAVIN GULIA: Ninforma lil l-Onor. Interpellant li n-numru ta` Decontrol Certificates li nħarġu mir-Reġistru Pubbliku skond il-provvedimenti tal-Kapitolu 158 tal-liġijiet ta` Malta u taħt liema subartikolu ta` l-artiolu 3 ta` l-istess kapitolu tul is-snin 1988 -1997 huma dawn :
SENA Sezzjoni
A B C D E F TOTAL 1988 399 - 15 114 - 35 563
1989 377 - 18 65 9 463 932
1990 342 - 17 42 56 301 756
1991 445 3 21 35 37 278 819
1992 375 1 15 48 42 214 695
1993 421 - 11 47 57 182 718
1994 342 - 7 19 36 174 578
1995 195 - 3 18 7 87 310
1996 48 - 3 5 8 29 93
1997 71 - 2 4 28 27 132 L-istatistika għas-sena korrenti sa Frar 1998 hija 20.
Hemm 14 il-applikazzjoni li huma pendenti pero dawn diġa` ġew proċessati mid-Dipartiment.