Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,51 Mb.
səhifə3/5
tarix12.01.2019
ölçüsü0,51 Mb.
#95127
1   2   3   4   5
THE CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. LEO BRINCAT: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Estratt minn dokument li juri r-rati ta’ VAT fi stati membri fl-Unjoni Ewropea; u
Estratt mill-Economic Survey għall-perijodu bejn Jannar u Settembru 2000 li turi t-tabella intitolata “Equities – activity on the secondary market”.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Il-ħin li fadal issa huwa kollu għad-dispożizzjoni tal-gvern. Rimarki? L-Onor. Anthony Abela.
ONOR. ANTHONY ABELA: Sur President, id-diskors li smajna prattikament kien download ta' dak li ntqal fil-kritika għall-budget tas-sena l-oħra bi ftit differenzi kosmetiċi. Filwaqt li l-Onor. Brincat ipprova jikkritika budget li naħseb nistgħu ngħidulu l-budget tar-rebħ tal-kredibilita`, ipprova wkoll jgħid li minn dan il-budget se jibbenefika l-Partit Laburista. Dan tant hu budget tajjeb li kulħadd irid jitla' fuq il-karru tiegħu; sabu lill-Onor. John Dalli bil-qiegħda quddiem u jridu jirkbu biex igawdu huma wkoll! Effectivament jien kont qed naħsibha jekk nagħmilx xi speech filosofiku in aria fil-quċċata ta' xi muntanja fl-Alpi ta' l-Iżvizzera li mbagħad wara xi minuti tibda tħoss il-friża tal-kesħa, jew jekk nagħmilx xi speech realistiku b'saqajna fl-art fi xtut koħol ta' gżira tal-Mediterran, fejn ingawdu s-sajf pero` lesti li nilbsu ġakketta x'ħin ikun hawn il-kesħa tax-xitwa. Irridu nitkellmu fuq fejn qegħdin u mhux fejn nixtiequ nkunu, irridu nitkellmu fuq ir-realta` tal-fatti u mhux fuq il-ħolm ta' min ippretenda li jaf x'jgħid u tant jaf x'jgħid li kapaċi jipprova jgħid ħafna affarijiet irħas.
Sur President, imn'Alla li l-Onor. Brincat għamel budget wieħed biss - l-ewwel budget ta' gvern Laburista għamlu Lino Spiteri u l-Onor. Brincat, li mbagħad daħluh stepney għaliex spiċċa Lino Spiteri, għamel budget wieħed biss - għaliex jekk wieħed iħares lejn it-tabella ta' l-istatistika dwar id-dejn gross nazzjonali li ħarġet fl-24 ta' dan ix-xahar, jara li fis-sena li għamel hu bħala ministru d-dejn tal-gvern żdied b'Lm160 miljun. Gvern Nazzjonalista fl-1996 ħalla d-dejn nazzjonali Lm516.8 miljun u l-Onor. Brincat ħallihulna Lm763.6 miljun. Veru ħaqqu tifħir tas-suċċess li għamel! U issa jrid jirkeb il-karru ma' l-Onor. Dalli biex igawdi minn dan il-budget.
Sur President, kellna kritika ta' ex-ministru li għamel budget wieħed fil-konfront ta' ministru li s'issa għamel seba' budgets. F'dawn is-seba' budgets kien hemm fejn seta' jagħti, kien hemm fejn spjega lin-nies b'mod realistiku l-problemi li kellu l-pajjiż, u issa għandna budget li qed jgħidilna li niżżilna d-deficit b'35% fis-sentejn li ilna fil-gvern. Dan ifisser li f'erba' snin irkuprajna t-telf li ħoloq gvern soċjalista fis-sentejn li għamel jiggverna u issa nistgħu nkomplu minn fejn konna fl-1996 fejn konna se nibdew nieħdu l-frott ta' dak li wettaqna fid-disa' snin ta' qabel.
Sur President, fid-diskorsi li saru lanqas smajna kumment wieħed biss favorevoli, la mingħand l-Onor. Cilia, la mingħand l-Onor. Brincat u wisq anqas mit-taħwida u l-balbuljata tal-kritika li għamel l-Onor. Alfred Sant. F'għaxar snin prim ministru, l-Onor. Eddie Fenech Adami kien ħoloq bażi ta' kif se jaħdmu l-affarijiet. Issa f'daqqa waħda, dan il-budget kulħadd għamlu hu għaliex meta tiġi tajba kulħadd jiġi għall-party d-dar ħalli jieħu biċċa mill-cake. Jien ili fil-parlament mill-1987 u dejjem niftakar lil tan-naħa l-oħra jagħmlu doomsday report. Jien naħseb li l-grupp favorit ta' l-Onor. Brincat huwa r-Rolling Stones għaliex dawn għandhom kanzunetta jisimha bl-isem ta' “Simply Black”. Jiġri x'jiġri dejjem ikrah ikun ir-rapport min-naħa tagħhom, anke meta kienu fil-gvern u kellhom fejn jimirħu l-Onor. Brincat kien tana doomsday report għaliex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma sparaw!
Sur President, dawn għandhom konfużjoni totali fil-figuri għax lanqas somma sempliċi ma jafu jagħmlu. Illum wieħed jista' jagħmel headcount tan-nies li qegħdin jaħdmu u jara d-differenza bejn il-bieraħ u llum u jara min hemm verament qed jaħdem u jaqla' l-flus. Illum hawn aktar minn 3,700 full-time job u aktar minn 3,000 impjieg part-time. Dawn il-figuri qed jinkwetawhom tant li jridu jivvintaw figuri oħra? L-Onor. Alfred Sant, lill-konsulenti li hemm bil-qiegħda wara s-Sedja qed jgħidilhom li ma jafux x'inhuma jagħmlu u ma jafux jgħoddu l-figuri. Issa fost dawn il-konsulenti hemm il-kummissarju tat-taxxi interni, li żgur jaf jgħodd mill-wieħed sa l-għaxra; hemm il-kummissarju tal-VAT, li żgur jaf eżatt x'inhu jdaħħal; u hemm nies mill-uffiċċju ta' l-istatistika u hemm min qed jivverifika l-kontijiet. Barra minn hekk illum hemm anke l-PAC li jista' jeżamina l-figuri kollha li joħorġu minn dawn l-uffiċċji. Madankollu għall-Onor. Alfred Sant l-għeneb huwa qares għaliex qiegħed 'il fuq u ma jistax jilħqu kellu ċans jilħqu imma żelaq - u allura qed jgħid lil dawn in-nies li ma jafux x'inhuma jagħmlu.
Saritilna ħafna kritika għaliex qed indaħħlu ħafna flus mit-taxxa, u dan mill-istess nies li fi żmienhom, qabel l-1987, it-taxxa kienet 65% fuq kulma taqla' 'l fuq minn Lm7,000. Dawn issa qegħdin jinħarqu għaliex b'35% rata massima ta' taxxa, id-dħul mhux biss se jirdoppja imma anke se jittrippliha. Dan juri li n-nies qed jiddikjaraw iktar id-dħul tagħhom u qegħdin anke jaqilgħu aktar. Fi żmien il-Labour kien hemm dħul iżjed għall-gvern, imma dan kien bis-saħħa tat-Lm48 taxxa fis-sena li għamel fuq kull dar reġistrata li għandha d-dawl u l-ilma.
Sur President, kellmuna wkoll dwar l-għoli tal-ħajja. Kulħadd jammetti li minn żmien għal żmien il-ħajja togħla, pero`l-għoli tal-ħajja llum huwa mrażżan u qiegħed fuq l-istess binarji bħall-kumplament ta' l-Ewropa, jiġifieri bejn 2% u 3.5%. U tajjeb li hawnhekk wieħed jgħid li l-ħajja m’hijiex qed togħla minħabba t-taxxi tal-gvern imma għaliex qed jogħlew ħafna mill-prodotti li nimportaw minn barra. L-Onor. Alfred Sant meta kien prim ministru għamel taxxa saħansitra talli wieħed ikollu sistema tad-drenaġġ, u forsi hawnhekk wieħed jista’ jqabbel like with like, jew Sant with Sant, għaliex kien fl-1976 meta Spiridione Sant li kien ħareġ kandidat għall-elezzjoni ħareġ bl-idea li ssir taxxa fuq kull loki! Ma rridux ninsew ukoll li filwaqt li l-Onor. Alfred Sant fil-budget kien qed iħabbar dik it-taxxa, l-Onor. Charles Buhagiar, li dak iż-żmien kien ministru responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi, għamel dikjarazzjoni li 61,000 kienu se jibbenefikaw mis-sussidji. Imbagħad wara jumejn reġa bidilha - għaliex laħaq tkellem il-Perit Duminku Mintoff - u hemmhekk sirna nafu li ċ-ċifri ta' l-istatistika dakinhar ma kenux ta' min jorbot fuqhom, iżda xorta waħda għoġobhom idaħħlu rashom fir-ramel u għamlu dak li fettlilhom.
Sur President, kellna dħul iżjed mill-VAT għaliex il-konsum kiber u kiber ukoll id-dħul tan-nies, b’tali mod li m’għandhomx għalfejn jorjentaw id-dħul tagħhom biss fuq affarijiet bażiċi li jgħixu bihom, bħall-mediċini, ikel u affarijiet li effetivament m’humiex taxxabli bil-VAT, imma qegħdin jorjentaw id-dħul tagħhom fuq affarijiet oħra. Tan-naħa l-oħra xi kultant donnu li jkollhom amnesija - donnhom jinsew ukoll li kienu huma fil-gvern sa sentejn ilu - u nfakkarhom jien li min qed jibni l-ewwel dar tiegħu jieħu l-VAT lura fuq l-ispejjeż li jkun għamel, u nfakkarhom ukoll li ċerti affarijiet kienu u għadhom u jistgħu jibqgħu tax exempt. Barra minn hekk illum għandna rata fissa ta’ 15% VAT, mhux il-piramida li kienu għamlu huma bis-CET. Imma l-Onor. Alfred Sant l-aqwa li jikkritika - jekk hijiex kritika tax-xelin jew tal-lira ma jimpurtax - xejn ħlief cheap criticism.
Dr Sant jipprova jiżvija biċ-ċifri - mhux biss illum imma anke b’dak li kien jgħid meta kien prim ministru - u pprova jikkritika l-verita` tal-fatti fid-dikjarazzjonijiet li għamel is-sena l-oħra. Skond kliemu, suppost li din is-sena kulħadd qiegħed wara l-bieb taċ-ċimiterju għaliex kellu jkollna kollass u kulħadd jiddispra u jmur jaqbeż! Tafu fejn qegħdin illum in-nies? Illum in-nies qegħdin id-dar u għadhom m’humiex konvinti li ma kienx hemm xi differenza fin-numru ta’ dawk li qalu li vvutaw fl-elezzjoni ta’ Alfred Sant biex seta' laħaq kap tal-partit tiegħu. Żgur li kulmin għandu rasu fuq għonqu illum huwa konvint li dakinhar xi taħwid fil-voti kien hemm; setgħu kienu 150 u seta' kien wieħed. Xi diskrepanza kien hemm u l-ebda Alfred Sant m’hu se jneħħiha minn moħħ il-poplu li dakinhar hu tela' għaliex ġie rranġat dak li kellu jitranġa.
Sur President, l-Onor. Alfred Sant iħobb juża l-kelma “skaduti”. Taf x’inhu skadut? Skadut huwa hu għaliex in-nies skadewh fl-elezzjoni ta’ l-1998 u skaduta hija l-interpretazzjoni tiegħu fuq iċ-ċifri. Il-kredibilita` tiegħu beda jitlifha meta Mintoff qam f’din il-Kamra u ċar u tond qallu li kien tilef is-sens ta’ direzzjoni, li qegħdin fit-tarf tal-preċipizzju u li kienu tilfu s-sens tal-politika soċjali tagħhom. Imbagħad kompla jitlifha meta qam Lino Spiteri minn din in-naħa tal-Kamra - dak iż-żmien kienu fil-gvern - għaliex dak il-ħin kien ċempillu ex-deputat u qallu biex jgħid lill-kap tiegħu li ma kienx qed jgħid il-verita`. Dakinhar l-Onor. Alfred Sant tfixkel għaliex kwarta wara qam in-Nutar Alex Sciberras Trigona u staqsih għalfejn kien qed jipprova jkissru. Hemmhekk ukoll reġa' kompla jitlef il-kredibilita` l-Onor. Alfred Sant u baqa’ jitlifha għaliex b'dak kollu li qal kompla jissammar. Mela l-ewwel darba meta tkellem Mintoff kien qisu qiegħed id-dar ma jiflaħx iżda ma riedx imur l-isptar; meta kellmu Lino Spiteri kienu waslu biex jarawh il-professuri imma xorta baqa' sejjer lura; meta kellmu Alex Sciberras Trigona għamlulu l-griżma; u finalment meta waslet l-elezzjoni f'Settembru ta’ l-1998 il-poplu qallu kif jgħidu tal-GWU, Issa daqshekk! Ħasra li dakinhar ma kienx hemm trasmissjoni diretta bit-television tas-seduti tal-parlament ħalli n-nies kienu jkunu jistgħu jaraw xi gvern kienu tellgħu. (Interruzzjonijiet) Aħna wkoll ikollna nuqqasijiet bejnietna, pero` niddiskutuhom madwar mejda u naslu għal soluzzjoni.
L-Onor. Brincat qal li l-gvern tal-lum kuntent li jbati biex iħallas ċerti spejjeż biex ikollu l-kwiet ekonomiku fil-pajjiż. Imma issa m’aħniex qed inbatu għaliex ħloqna sistema fejn nitkellmu madwar mejda - nitkellem fuqha iżjed tard - u r-riżultat tal-lum narawh fid-deċiżjoni għaqlija tal-ministru fil-konfront ta' dak li ġie diskuss fl-MCED. Il-kredibilita` ta' l-Onor. Sant illum waslet għal zero għaliex il-biża' u t-twerwir li ħabbar is-sena li għaddiet ma twettqux. Dan ried iġibilna Svizzera fil-Mediterran, tela' fuq is-silġ, waslet il-valanga u baqa' taħtha! U lil min għad għandu fiduċja fih ngħidulu biex joqgħod attent li ma jmurx jintradam ukoll taħt il-valanga. Trid tkun veru ma tistħix biex tiġi hawnhekk u tkompli tikkritika fuq kull binarju u tipprova tissostanzja dak li tgħid b'numri li ma jaqblux. U mbagħad bilfors ikollok tistaqsi, bħalma staqsew l-Onor. Dalli u l-Onor. Gonzi, kif ma ġetux waħda tajba dan ir-raġel! Kif ma jistax jaċċetta t-telfa li kellu! Faċli tgħid li inti modern u li jkollok computer quddiemek u taħdem iċ-ċifri, pero` jekk ma tagħfasx il-buttuni t-tajbin riżultati ħżiena se jkollok! U r-riżultat il-poplu jagħtihulek.

Sur President, xtaqt issa ngħid xi ħaġa dwar l-operat tal-ministeru tal-finanzi. Dan il-ministeru jdaħħal u jiġbor b’għaqal biex imbagħad jerġa’ jqassam b’għaqal skond ma jkollu. U skond Dr. Sant il-budget tal-lum ħoloq grinding machine bid-ditta “Partit Nazzjonalista”. Ħalli nfisser x’inhi grinding machine. Grinding machine hija makna tad-dħin, pero` d-differenza hija li din il-makna tad-dħin mhux kif spjegaha l-ex prim ministru, li mbagħad ra l-istess makna toħroġlu 21,000 vot inqas in-naħa tiegħu. Il-grinding machine ta’ Dr. Sant hija kritika tal-lira, filwaqt li l-grinding machine tagħna hija makna li ddaħħal il-flus, teżaminhom, tpoġġihom f'pakketti żgħar, imbagħad toħroġ minnhom kif ikollha bżonn! Toħroġhom, per eżempju, f'żidiet lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Lil dawk in-nies kollha taċ-ċivil li hemm bil-qiegħda wara s-Sedja ngħidilhom li Alfred Sant ma riedx jagħtihom żieda - hekk qalilna jumejn ilu. Din il-makna se tqassam ukoll ftit mill-flus għall-ittranġar tat-toroq u biex ikollna ambjent aħjar. Fil-fatt diġa` smajna li ħarġu t-tenders sabiex il-waste jiġi pproċessat aħjar ħalli nkunu nistgħu nibdew ingawdu klima aħjar u ambjent aħjar. Matul is-snin li ġejjin din il-makna se tqassam ukoll madwar Lm60 miljun għall-edukazzjoni, ħalli t-tfal ta' l-iskejjel tal-gvern ikollhom l-aħjar skejjel li jista' jkollu l-pajjiż, u jkollna biex niftaħru li l-istudenti tagħna huma edukati aħjar mill-istudenti fi skejjel barra minn Malta.


Parti mill-flus li jinġabru qegħdin jitqassmu biex jgħinu fi tranġar infrastrutturali li hemm bżonn isir, biex tiġi mgħejjuna l-ekonomija u l-istandard of living tagħna l-Maltin, u biex tiġi ppakkjata sew biż-żrar il-ħofra ta' Lm250 miljun u aktar li kien hemm qabel! (Interruzzjonijiet) Iva, sa l-1996 konna bnejna power station ġdida, konna bdejna nibnu sptar ġdid, konna ħloqna sistema ta’ dawl u ilma u sistema ta' kommunikazzjoni aħjar. Imma donnu li dan kollu jinsewh! (Interruzzjonijiet) L-Onor. Cuschieri li qiegħed jipprova jħambaq min-naħa l-oħra għadu żgħir wisq u ma jiftakarx iż-żmien meta kont terfa' r-receiver tat-telephone u kont tispiċċa titkellem ma' nofs ir-raħal! (Interruzzjonijiet) U ngħidu wkoll minn fejn jiġbor il-flus dan il-ministeru. Dawn il-flus jinġabru min-national insurance contributions sabiex ngħinu l-housing, il-ħandikappati, ngħinu lil dawk li huma bla xogħol, biex nagħtu ċ-children allowance, nagħtu l-pensjonjiet u nagħtu elf ħaġa oħra li jiġi għandu bżonn il-poplu u nagħtuhielu mingħajr ħlas. U d-dħul li se jkun hemm mill­-income tax mhux se jiġi minn taxxi ġodda, imma se jiġi minn taxxi li diġa` jeżistu u li suppost jinġabru pero` effettivament ma kenux qed jinġabru sew. Jien nispera li l-ministru fl-għeluq tiegħu jispjega aħjar lil dawk li jaħdmu fil-banek dwar kif se taħdem is-sistema tal-loans, għax din m'hijiex se taħdem bil-mod kif allarmawhom ċerti nies.
Ta’ min wieħed hawnhekk isemmi l-improvement li sar fid-dipartiment tat-taxxi nterni, pero` l-kummissarju jrid ukoll jara għaliex saru l-55,000 objection li daħlu s-sena l-oħra. Jien żgur li parti saru għaliex ma kenux iddikjarati ċerti affarijiet u ġew iddikjarati wara - parti kienu żbalji ġenwini - pero` hemm ukoll nukleu żgħir ta’ nies hemmhekk li jagħmlu żbalji apposta meta jkunu qed jipproċessaw u jaħdmu l-assessments. Biżżejjed insemmi każi ta' nies barranin li biegħu l-proprjeta` din is-sena u qed jintbagħtilhom kont abbażi ta' l-1999. Dan mhux ħela ta' karti u ħela ta' workforce, biex imbagħad ikollok toqgħod tikkorreġihom wara! U dawn il-flus sejrin f'pagi għall-ħaddiema, fl-edukazzjoni, fis-servizzi tal-pulizija, fil-kunsilli lokali u f'inċentivi għat-turiżmu.
Rigward it-tax compliance unit jien ċert li mhux se jkollna xi Dracula li jagħmel witchhunt kontra min qiegħed tajjeb ma' tat-taxxa, pero` irridu nirrealizzaw il-fatt li hemm ħafna nies li għal żmien twil sabu loopholes minn fejn jgħaddu u naf li n-nies lesti jieħdu l-passi neċessarji biex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom. Tħabbar ukoll li bniedem jista' jasal f'arranġament mad-dipartiment tat-taxxi interni sabiex iħallas it-taxxa kull sena u jevita, darba li jilħaq dawn il-benchmarks, problemi fil-ġejjieni.
Sur President, fir-rigward tad-dipartiment tas-suċessjoni, is-sena l-oħra kien hawn min ħaseb li bejn l-Onor. Dalli u s-Sur Tony Imbroll saret vavata għaliex aċċettaw li jniżżlu t-taxxa minn 7% għal 5% fuq transfer duty li jħallsu l-barranin. Madankollu kien hawn żieda ta' 'l fuq minn Lm1 miljun fid-dħul tat-taxxa għal din is-sena. Żgur li it was no gamble imma kienet proġettazzjoni serja u kkalkolata.
Sur President, id-dħul mill-VAT żdied ukoll minkejja li m'għandniex il-piramida li kien hemm dak iż-żmien. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għal-levies. Kemm kien ħabbar l-Onor. Sant is-sena l-oħra li se jintilfu jobs! Mhux talli ma ntilfux talli żdied il-kummerċ. U r-riżultat ta' dan ix-xogħol bil-għaqal li sar huwa li kull impjegat fis-servizz pubbliku ħa żieda sostanzjali u kull impjegat ieħor ħa ż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja u hemm ħafna kumpanniji li mhux il-Lm1.50 biss jagħtu lill-ħaddiema tagħhom imma jagħtu żidiet aħjar lin-nies tagħhom meta l-ekonomija tipprovdi. Illum kulħadd qed jaħdem f'ambjent ekonomiku aħjar u hawn ukoll il-job security. F'sentejn id-deficit niżel b'35% u diġa` mlejna l-barriera li tant kabbar il-gvern Laburista.
Erġajna wkoll tajna lura dak l-orgolju lin-nies li jgħidu li jeżistu f'pajjiż li għandu l-potenzjal u nsejna l-kliem fieragħ ta' prim ministru li kien jgħidilna li aħna ċkejknin, li ma nistgħux naslu u li rridu nieklu minn difrejna. Qegħdin ukoll inkomplu nsebbħu l-ambjent, filwaqt li tajna opportunijiet ġodda fil-qasam ta' l-edukazzjoni b'parteċipazzjoni fi programmi ta' l-Unjoni Ewropea. Għal dak li jirrigwarda s-saħħa, nistgħu verament inkunu kburin li Malta ġiet ikklassifikata l-ħames fost dawk li jagħtu l-aħjar fis-servizzi fil-qasam tas-saħħa.
Sur President, l-aħħar punt li rrid insemmi jirrigwarda l-għaqal li bih mexa l-gvern fit-tħejjija ta' dan il-budget. L-MCED huwa grupp kompost min-nies li għandhom x'jaqsmu ma' l-ekonomija u li ħafna xhur qabel il-budget iltaqgħu mal-ministri konċernati, l-iżjed mal-ministru tal-finanzi. Kien hemm min mar għal dawn il-laqgħat u qagħad jisma' biss mingħajr ma tkellem, u llum irrealizza li kellu opportunita` tad-deheb li tilifha. Jiena naħseb li din is-sena l-GWU se tieħu parti fl-MCED. Dawn tkellmu, iddiskutew, iddibattew u argumentaw u flimkien waslu għal soluzzjoni li tixraq lil dan il-pajjiż. U dan m'huwiex abdikazzjoni ta' poter imma għażla għaqlija sabiex ikollna improvement u għada akbar ta' kif Malta flimkien tfassal il-ġejjieni ekonomiku tagħha. Issa ħalli nitkellmu fuq il-fringe benefits.
Aħna mhux naqqasna mill-fringe benefits imma naqqasna mill-fringe benefits li n-nies suppost kienu jħallsu t-taxxa fuqhom u llum ma jħallsuhiex, bħalma hu l-użu ta' telephone personali, ikliet b'xejn fil-canteen tal-post tax-xogħol, proviżjoni ta' trasport mix-xogħol għad-dar u lura, health insurance payments, computers għax-xogħol, uniformijiet u diversi servizzi oħrajn. Almenu għal darba jgħidulna li kienet teżisti taxxa li kien daħħalha Arturo Colombo fi żmiennhom fl-1948 fuq dawn il-fringe benefits! Veru li ma kenitx tiġi kkalkolata, għaliex kien hemm min jiżloq minnha, imma kien hemm min jiddikjaraha. Illum qegħdin ngħidu li min jiflaħ jieħu l-fringe benefits sinjal li qiegħed komdu bil-paga li għandu!
Mr Chairman, nagħlaq billi nappella li ninsew dak li hu impossibbli għaliex, kif għedt, fuq il-muntanja wara għaxar minuti taħkmek il-kesħa! Hemm bżonn li ma nibqgħux nikkritikaw sempliċement biex nikkritikaw, pero` nikkritikaw biex nissuġġerixxu xi soluzzjoni. Naħdmu bħala poplu wieħed biex dak li ksibna ma nitilfuhx. Hemm bżonn li napprezzaw lil min jifhem fit-tmexxija u fid-direzzjoni, u niskartaw lil min bi kritika rħisa jgerger, anke għall-fatt li jisbaħ filgħodu. Hawn nies li jsejħulhom nightlifers li jħossuhom aħjar bil-lejl, pero` l-lejl iġib id-dlam u, kif għedt fil-bidu, jidher li għan-naħa l-oħra everything is black. Nirringrazzjak.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Ministru.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, dalgħodu smajt il-kritika ta' l-oppożizzjoni - u ngħid kritika mhux kummenti għaliex wieħed kien jistenna xi ħaġa kreattiva u pożittiva li lil dan il-pajjiż timbottah 'il quddiem - u xebbaħtha mal-metafora ta' bniedem fis-sakra, miexi fit-triq idur dawra mejt ma' xi arblu tad-dawl, daqqa jaħsbu ħabib u jgħannqu u jbusu, u daqqa oħra jaħsbu għadu u jagħtih bil-ponn, biex fl-aħħar jispiċċa jfarrak idejh! Illum erġajna smajna l-kontradizzjonijiet kollha li setgħu jingħadu fuq ħafna issues differenti, liema kontradizzjonijiet se nsemmihom waħda waħda. Nhar it-Tnejn smajna l-kontradizzjonijiet li għamel Alfred Sant fl-ispeech tiegħu, fejn qagħad jikkwota ċifri out of context, imbagħad qal li ma jemminhomx u mbagħad reġa' ġie għalihom meta qabillu biex użahom fil-kalkoli tiegħu! Imma jien m'iniex se nidħol fiċ-ċifri għaliex ma rridx inraqqad nies, pero` rrid nidħol l-ewwelnett fuq il-kunċetti tal-budget li għamilna, u t-tieni nett irrid nirrispondi xi kritika biex nerġa' niddritta daqsxejn il-perception ta' l-oppożizzjoni fuq ħafna affarijiet. U nispera li darba tiddritta - għaliex fid-dinja wieħed jispera biss jista' - l-oppożizzjoni ma jibqgħux għaddejjin bl-istess litanija u kantaliena qisni m'għedt xejn. Għaliex dawn jirraġunaw bil-mod li dak li jgħidu huma huwa vanġelu u li jgħid ħaddieħor qisu m'hu xejn!
Mr Chairman, kellna budget li bla dubju ħataf l-immaġinazzjoni tal-poplu Malti u lill-oppożizzjoni ma ħallilhiex fleġeġ fil-qaws biex tispara. U għal dan l-oppożizzjoni minflok ma tgħid lill-poplu li għandna budget li fih jidher li l-affarijiet mexjin sewwa, qed tipprova tara kif tmur tfittex xi fleġġa 'l hawn u 'l hinn. Saħansitra smajna lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni jmur sa sentejn ilu jfittex il-fleġġa ħalli jara kif se jispara! Aħna f'dan il-budget għedna lill-poplu Malti li l-problema tad-deficit irkibnieha. Dak hu l-messaġġ li tajna lill-poplu, u dan il-messaġġ il-poplu fehemu. L-oppożizzjoni llum qed tagħmel minn kollox biex tkisser l-ispirtu tal-poplu Malti, pero` l-poplu fehem li għalkemm id-deficit għadu hemm u għadu problema, m'għadux problema li rikbitna imma huwa problema li rkibna aħna. Fl-istess ħin b'dan il-budget ħriġna lill-poplu Malti mill-inkubu li kien daħħal lil pajjiżna fih Alfred Sant fl-1996 bid-damdim tiegħu f'moħħ kulħadd u li bih kulħadd iffriża u ma setax jaħdem. B'dan il-budget il-poplu Malti nduna li issa hu qiegħed in comand u mhux iċ-ċirkostanzi.
Din hija xi ħaġa li l-poplu bħala poplu għandu jkun kuntent biha, imma mhux hekk taħseb l-oppożizzjoni għaliex nhar it-Tnejn ġie hawnhekk Alfred Sant u beda jgħid gidba wara l-oħra - 'il quddiem nuri fejn kien il-gideb - biex lill-poplu Malti jiksirlu dahru u jkissru. Dak huwa l-oġġettiv tal-kritika li għamel nhar it-Tnejn il-Kap ta' l-Oppożizzjoni - minflok ma lill-poplu nagħtuh il-kuraġġ biex jaħdem, nipprovaw inkissruh! Aħna f'dan il-budget għedna li l-miri tagħna għadhom dak li kienu, jiġifieri li jkollna sistema soċjali sostenibbli u li tista' tkompli għaddejja mhux li jkollna sistema tajba għal-lum u li għada tfalli. Irridu wkoll li jkollna ekonomija b'saħħitha u li tibqa' b'bażi li tħalli lis-settur privat jaħdem. Imbagħad niġu hawnhekk u noqogħdu nisimgħu lill-oppożizzjoni titkellem skond kif jaqblilha. Din hija inkonsistenza u dan tgerfix ta' ideat.
Nhar it-Tnejn stess meta kont qed nagħti kumment għal television station dwar dak li qal Alfred Sant, għedt li llum l-oppożizzjoni sfortunament tinsab imħawda u ma tafx fejn qiegħda; għax jew fuq in-naħa tal-lemin estrem, u fejn jaqblilha tagħmel l-eku ta' dak li jgħidu dawk li ma jridux iħallsu taxxa u dawk li jridu laissez-faire komplet; jew inkella meta jaqblilha tmur fuq ix-xellug estrem u titkellem kontra kollox u kulħadd. Illum, per eżempju, smajna lill-Onor. Brincat jitkellem kontra l-liberalizzazzjoni ta' l-exchange control u l-biża' minnha. Mela bil-biża' se nimxu? Aħna rridu ekonomija li fiha s-settur privat jingħata spazju sabiex jaħdem. Per eżempju, nitkellmu fuq l-għoli tal-ħajja. U meta nitkellmu fuq l-għoli tal-ħajja minflok nedukaw lill-poplu Malti u nkomplu mmexxuh fil-linji li għandna mmexxuh ta' għażla edukata u nformata fis-suq, nibqgħu ntambrulu fuq il-price orders u l-kontroll tal-prezzijiet għaliex jekk jaqblilna. Hemm bżonn li niddeċiedu fejn se mmorru. Ma nistgħux nimxu 'l quddiem u nħarsu lura imma rridu nkunu nafu fejn sejrin, niffissaw għajnejna fuqu u nimxu b'riżoluzzjoni li naslu. Inkella xi tmexxija se nagħtuh lil dan il-pajjiż!
Naturalment is-sistema soċjali sostenibbli u l-ekonomija qawwija u soda trid tkun impoġġija f'sitwazzjoni finanzjarja vijabbli. Dawn huma t-tliet saqajn tat-tripied li rridu naħdmu fuqhom. U b'risposta għal Vince Farrugia li tani l-parir biex ma nkunx accountant imma nkun ekonomista, jien għedt li meta jien jew xi ministru ieħor jagħmel il-budget - nispera li hekk kien għamel ukoll l-Onor. Leo Brincat, ma naħsibx li għamel budget ta' bankier - la jagħmlu bħala accountant u lanqas jagħmlu bħala ekonomista imma jagħmlu bħala politiku għaliex il-budget huwa eżerċizzju ta' relazzjoni bejn il-partijiet kollha tas-soċjeta` Maltija. Il-budget huwa definizzjoni tas-soċjeta` tagħna kif trid tkun u allura hija definizzjoni wkoll ta' kif se ngħinu lil min għandu bżonn u kif se niġbru dak li għandna bżonn biex nagħtu din l-għajnuna b'mod ġust. U bażikament dak hu l-proċess tal-budget. Irridu niddeċiedu x'soċjeta` rridu. Irridu soċjeta` li fiha l-bniedem ma jista' jieħu ebda deċiżjoni fuq kif se jmexxi ħajtu?
Kellna dik is-soċjeta` fi żmien il-gvern Laburista tas-sebgħinijiet u t-tmenijiet fejn kull individwu la seta' jiddeċiedi kif se jgħix, la seta' jiddeċiedi x'jiekol għaliex kien jiddependi minn dak li kien iġib il-gvern, la seta' jiddeċiedi biex jaħsel snienu għaliex kien jiddependi minn min kien ta l-permessi l-gvern u lanqas seta' jiddeċiedi kif jaħsel il-ħwejjeġ għaliex kien jiddependi mill-gvern x'makna tal-ħasil għandha tidħol Malta. Dak huwa l-gvern li tawna l-istess nies li llum għandna fil-front bench tan-naħa l-oħra. Dak kien gvern li kien jgħid lil kulħadd li jieħu ħsiebek min-nieqa sat-tebut, kulma għandek tagħmel huwa biss li teżisti. Konna ninsabu fi stat fejn kulħadd kien imħallas indaqs u biex tidħol taħdem trid tmur f'korp militari fejn tiġi mneżża' minn kull dritt ta' ħaddiem, jiġifieri mid-dritt li tagħmel strike u mid-dritt li tiġġieled għad-drittijiet tiegħek. Dik hija s-soċjeta` li rridu lura f'pajjiżna?
Nittama li ma rridux tip ta' soċjeta' kif hemm f'ċerti pajjiżi li tħalli libertinaġġ totali - anke f'pajjiżna għandna l-appostli tagħha - fejn kulħadd jagħmel li jrid! Għaliex jien fl-MCED kelli xi proposti, fis-sens li jekk ċertu settur jimpjega lin-nies ma jkunux jgħoddu għalih ir-regoli taċ-CERA u jkun jista' jkeċċi kif irid u kemm irid u d-dritt tal-leave u l-festi ma jkunx jgħodd. Imma din hija s-soċjeta` li rridu? Sur President, din it-tip ta' soċjeta` għad għandha l-appostli tagħha hawn Malta u min jaqbillu jikkwotahom, qishom xi profeti li se joħorġu minn xi bibbja, nispera li apocrypha. Hemm minn dawn li jgħidu li m’għandniex nintaxxaw aktar għaliex għand il-gvern il-flus jintużaw b'mod ineffiċjenti filwaqt li jekk ikunu f’idejn dawn in-nies jintużaw b’mod effiċjenti. Iva, għandna appostli ta' dawn l-affarijiet f'Malta li jħossu li għandhom il-vuċi li jistgħu joqogħdu jmorru jfesfsu f'widnejn l-edituri ta' ċerti gazzetti. Imma aħna mhux dik is-soċjeta` irridu. Hemm bżonn li niddeċiedu bejnietna x'soċjeta` irridu, u dan huwa proprju l-eżerċizzju li qed nagħmlu f'dan il-budget.
Aħna rridu soċjeta` li fil-ħajja ssib il-bilanċ, li tirrispetta bis-sħiħ l-individwalita` ta' kull persuna, tħallilu l-liberta` jiżviluppa u tagħtih l-għodda kollha biex ikun jista’ jagħmel dan, kif tajna aħna lit-8,000 student li hemm l-universita', li fi żmien il-gvern Laburista lanqas kienu jgħoddu 800 għaliex dak li llum huwa l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien għalqilhom il-bieb għall-universita`. Aħna rridu soċjeta` li fiha l-ħaddiem ikollu xogħol biżżejjed biex ikun jista’ jiżviluppa ruħu u jekk isib xogħol aħjar li jagħtih aktar sodisfazzjon imur fih, u jekk mara tad-dar issib xogħol li jagħtiha l-flessibilita` fil-ħinijiet tmur fih ħalli tkun tista' tlaħħaq ma' dak li hi tħoss li għandha tagħmel kemm f'sens ta' xogħol kif ukoll f'sens ta’ ħarsien tal-familja. Irridu soċjeta` li lill-anzjani tagħna tibqa' tieħu ħsiebhom, mhux bi pjaċir imma għaliex hekk huwa tajjeb, u li tiggarantixxi lil kulħadd kura medika b’xejn. U rridu niddeċiedu bejnietna kif irridu nagħmlu dan għaliex dan kollu jiswa l-flus; xejn m'hu b'xejn. U forsi meta ngħid dan id-diskors ikun hawn min jistaqsi x’għandi f’moħħi. Li għandi f’moħħi hu li lill-poplu rridu nedukawh u ngħidulu li meta hu jmur jieħu servizz u ma jħallasx għalih ma jfissirx li m'għandux valur; jista' jkun li jkun ħallas għalih hu stess bit-taxxa u jista’ jkun li jkun ħallas għalih ħaddieħor u għalhekk irid joqgħod attent li ma jaħlix. Huwa għalhekk li jien ngħid li xejn m'hu b'xejn.
Hemm bżonn nifhmu li jrid ikun hemm equation bejn dak li nqassmu u dak li niġbru. U ma nistgħux nibqgħu nqassmu biss għaliex għat-tqassim kulħadd bravu imma għall-ġbir kulħadd jaħrab. Dik m'hijiex soċjeta` li rridu nibqgħu nippromwovu. Aħna rridu li niġbru mhux biss dak li nqassmu imma anke dak li se ninvestu fih biex nikkreaw iktar ġid ħalli fil-futur inkunu nistgħu nqassmu iktar. U allura rridu nagħmlu equation fejn ngħidu li kulma qed inqassmu u kulma qed ngħidu li se nqassmu, irid jinġabar. Lil pajjiżna rridu mmexxuh fuq bażi qawwija ta' effiċjenza; irridu nżidu l-effiċjenza f'kollox. Issa hawnhekk forsi jkun hawn min jgħidli li ili nitkellem fuq l-effiċjenza kemm ili fil-politika, jiġifieri mill-1987. Dan huwa veru u naħseb li nkun taħt it-trab jien u jiġi xi ħadd warajja u jkun taħt it-trab hu u jiġi xi ħadd warajh u jibqa' jgħid l-istess ħaġa għaliex l-effiċjenza qatt ma tilħaq il-massimu tagħha. Hawn xi ħadd li jista' jgħid li hu effiċjenti biżżejjed? Jien ma naf lil ħadd ħlief l-għażżien li jgħid li hu effiċjenti biżżejjed. L-għażżien biss jgħid hekk għaliex ma jagħrafx li hemm xi ħaġa oħra fid-dinja x’tista' tagħmel u m'għandux l-inizjattiva.
L-Onor. Brincat semma wkoll il-kontroll fl-evażjoni tat-taxxa. Imma possibbli li hawn xi ħadd li jaħseb li jista’ jiġi xi ministru tal-finanzi jew xi kabinett jew xi prim ministru u jaqta' l-evażjoni tat-taxxa? Tnaqqasha kemm tista', iva - u jekk ikolli ċans ngħid kif naqqasniha l-evażjoni tat-taxxa - imma taqtagħha għal kollox, le. U naqqasiniha aħna l-evażjoni tat-taxxa. Biżżejjed wieħed iħares lejn il-mod li bih qed jinħadmu u jiġu proċessati r-returns tat-taxxa fl-istess sena li jkunu nġabru. Imma biex wasalna f'din is-sitwazzjoni ilna naħdmu mill-1994 mad-dipartiment tat-taxxa ħalli nsibu metodu kif innaqsu l-bżonn li wieħed jimla r-return tat-taxxa. Illum nista’ ngħid li hemm 100,000 taxpayer f'Malta ma jimliex ir-return; kemm jagħmlu firma u jibagħtu d-dikjarazzjoni tagħhom. Imma kemm trid taħdem, tipprepara, tagħmel sistemi differenti u tpoġġi pedamenti biex tasal hemm! U wasalna fl-istadju li qtajna t-tgergir u l-inkwiet ta’ ħafna nies għaliex kienu jew iridu jħallsu xi kont jew inkella jieħdu xi refund. U fis-sena 2000 bis-sistema li daħħalna se nkunu ġibna lis-settur tal-kumpanniji u tas-self-employed kważi fl-istess pożizzjoni tan-nies li jaħdmu li jkunu qed iħallsu t-taxxa fuq id-dħul tagħhom fl-istess sena tad-dħul, minflok fis-sena ta' wara u ta' wara.
Issa xtaqt nagħti risposta xi ftit teknika lill-Onor. Brincat fejn staqsa għaliex konna qed ngħidu li t-tax compliance unit kien se jiġbor madwar Lm16 miljun fit-tieni sena u issa qegħdin ngħidu li ż-żieda fit-taxxa se tkun ta' Lm13 miljun. Dan huwa veru imma r-raġuni hija li din is-sena kellna madwar Lm12 miljun dħul mill-income tax li m’huwiex se jirrepeti ruħu s-sena d-dieħla minħabba li t-timing difference li kienet teżisti fil-ħlas tal-provisional tax issa ġibniha lura u rbaħniha. L-Onor. Brincat kellu raġun jikkwotali dawn iċ-ċifri għaliex ma kien jaf din l-informazzjoni li qed nagħtih issa, imma issa qed ngħidlu x’inhi r-raġuni, jiġifieri m'hemm l-ebda taħwid jew konfużjoni. Meta tkun qed tibni l-figuri ma taqbadx u tara x'daħħalt is-sena l-oħra u żżid fuqhom imma l-ewwel tara kif daħħalthom u tneħħi dawk li taf li mhux se jirrepetu ruħhom fid-dħul ta’ din is-sena. U aħna hekk għamilna u huwa għalhekk li ċ-ċifri li qegħdin nipproponu huma realistiċi.
Sur President, aktar kmieni kont qed nitkellem fuq l-effiċjenza u rrid ngħid xi ħaġa dwar l-effiċjenza li tiġi mil-liberalizzazzjoni tas-suq. Rajna x’fisser il-liberalizzazzjoni tas-suq u hemm bżonn li anke fil-manifattura ma nkomplux nbeżżgħu lin-nies fuq li se nneħħu l-levies minn ċerti prodotti. Dawn huma affarijiet li jridu jsiru u ma nistgħux nibqgħu nitkellmu b'ilsien is-serp; tbiddel id-diskors skond ma min tkun qed titkellem. Tan-naħa l-oħra jekk ikunu qed jitkellmu ma' mastrudaxxa jgħidulu: X'għarukaża, se jitneħħew il-levies! U jekk ikunu qed jitkellmu ma’ koppja li se jiżżewġu, li jkunu jridu jagħmlu l-għamara, jgħidulhom li fil-programm elettorali tagħhom huma wkoll kienu qed jipproponu li jitneħħew il-levies! Ejjew niddeċiedu x'inhu tajjeb għall-pajjiż u mmexxu, mhux inbiddlu d-diskors skond ma' min inkunu qed nitkellmu! Kapaċi nifhmu li meta nagħtu protezzjoni lil min jaħdem l-għamara, inkunu qed ngħidu liż-żgħażagħ tagħna biex imorru jixtru l-għamara bi prezzijiet esaġerati mis-suq lokali? (Interruzzjonijiet) Iva, nitkellmu kemm trid fuq hekk. Hemm min jitlef u hemm min jerbaħ!
X'hemm bżonn li nagħmlu fil-pajjiż? Hemm bżonn li r-riżors uman tagħna ma jiġix impjegat f'dan it-tip ta' attivita`. U jista’ jkun hawn min jieħu għalih meta ngħid dan id-diskors - hawn min ilu jieħu għal li ngħid jien mill-1987 - imma jien nibqa’ ngħid li l-linja kienet, għada u tibqa' li kull siegħa li jaħdem kull ħaddiem f'Malta ma tridx tkun maħduma f'ambjent li tkun ta' piż għan-nazzjon imma trid tkun maħduma f'ambjent li n-nazzjon se jipproduċilu u se tagħtih. U jrid ikollna l-kuraġġ ngħiduhom dawn l-affarijiet u mhux għaliex ikun qed jgħidhom ħaddieħor naraw kif se noħolqu l-imrar, il-qrusa ta' dak li jkun qed isir. Issa ħalli ngħaddi għall-kwestjoni tal-privatizzazzjoni u nibda mal-ewwel billi nirrispondi lill-Onor. Cilia.
Dalgħodu l-Onor. Cilia qalilna li hawn xi bank Taljan li jrid jixtri l-Bank of Valletta. Nagħmilha ċara mal-ewwel li aħna m’aħna nitkellmu ma’ ħadd rigward il-bejgħ tal-BOV. Veru li marru banek ikellmu lill-privatisation unit imma l-pożizzjoni tagħna hija ċara: 25% biss mill-BOV hemm ċans li jmorru għand strategic partner, u min huwa nteressat f’iktar jaf li m'għandux ċans. Imma allura din fiha xi ħaġa misterjuża jew ħażina? Jien dejjem hekk għedt, anke fil-pubbliku u dejjem kont ċar f’dan ir-rigward.
Semmewlna wkoll il-freeport. Iva nista’ ngħid li konna beħsiebna nipprivatizzaw din il-kumpannija din is-sena u ma rnexxilniex għaliex kellna problemi legali mhux żgħar bil-bond issue li kienet ħarġet fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra. M’iniex qed ngħid li kienet saret xi ħaġa ħażina, imma legalment kellna problemi li ridna nissetiljaw. Meta tkun qed tipprivatizza tirrealizza li trid tagħmel l-affarijiet preċiżi, inkella jkollok ħafna problemi wara. Issa jidher li donnu l-problemi ġew solvuti.
Sur President, semmewlna wkoll il-privatisation bonds. U x'ma smajtx fuq il-privatisatin bonds. Fil-white paper li kont għamilt tal-privatisation kont għedt li nista' noħroġ privatisation bonds. Dawn it-tip ta’ bonds joħorġu f'pajjiżi fejn in-nies m’għandhomx il-kultura li jinvestu f'shares fil-pajjiż. Meta l-gvern ikun se jipprivatizza, biex iħajjar lin-nies jinvestu fix-shares tal-kumpannija li tkun se tiġi privatizzata, joħroġ privatisation bonds li ħafna drabi jkunu attraenti. Hawn ċerti pajjiżi, bħal per eżempju l-Marokk, li jagħtu discounts fuq ix-shares. Imma l-pożizzjoni tiegħi kienet ċara: jien m'għandi bżonn nagħti discount lil ħadd biex jinvesti fix-shares li se noħorġu. Naturalment il-pariri li tawni l-istock brokers huma - dawk jinteressahom li jbigħu ħalli jagħmlu aktar f’commission - biex nagħti kondizzjonijiet aħjar u aktar interessi imma jien għeditlhom li m'għandix interess nagħmel dawn l-affarijiet għaliex ma rridx nagħmel inċentiv lill-poplu Malti biex jinvesti fix-shares li eventwalment se joħorġu. L-oġġettiv tiegħi kien li noħroġ dawn il-privatisation bonds biex ikollna management aħjar u nnaqqas id-debt servicing tal-pajjiż. Imma allura din hija xi ħaġa ħażina?
Qalulna li din kienet xi manuvra biex il-gvern jissellef b'irħis mingħand il-poplu. Imma dan x'jiġifieri? Jien għandi interess li nimmaniġġja l-portfolio tad-djun tal-gvern ukoll biex inraħħas kemm jista' jkun il-piż tas-self li huma l-interessi. Jien naħseb li lill-Onor. Cilia ma fehmuhx tajjeb kif se taħdem din il-privatisation bond għaliex qalilna li mbagħad jiġi l-gvern ta' wara u jkun irid jiddeċiedi jħallasahomx. Jaħasra il-kapital hemm se jibqa’, ma kienx se jieħdu l-gvern. Fil-fatt għamilna kumpannija differenti biex żgur il-gvern ma jeħux ċenteżmu mill-kapital. Il-kapital kien se jiġi nvestit mill-kumpannija nnfisha, jiġifieri ma kien se jkun hemm riskju ta' xejn u l-gvern kien jieħu d-differential mill-interessi. Jien naf li għamilna kondizzjonijiet ebsin għaliex nerġa' ngħid li m'għandi l-ebda interess li nagħmel inċentivi biex in-nies jinvestu fil-bonds tal-gvern u nagħti discounts.
Iva, dan l-eżerċizzju kien esperiment, esperiment żgħir ta' Lm10 miljun biss. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Cilia qed jgħidilna: Kif tista' tgħid li Lm10 miljun huwa ammont żgħir? Iva, fil-kuntest tal-privatisation kollha tal-pajjiż Lm10 miljun mhuwiex ammont kbir. (Interruzzjonijiet) M'għandux x'jaqsam, Onor. Cilia, qed tħawwad! Tridu tkunu popolari u titkellmu għall-gallerija u qegħdin tinżgħu s-serjeta`! (Interruzzjonijiet) Tkellmu bis-serjeta`! Dan l-aħħar il-"Financial Times" semmiet dħul mill-privatisation ta' madwar Lm350 miljun u semmew xi erba' kumpanniji. Imma żgur li mhux minn dawk l-erba' kumpanniji se ndaħħlu Lm350 miljun! Allura f'dan il-kuntest Lm10 miljun huma wisq bħala privatisation bond? (Interruzzjonijiet) Imma f'dan il-kuntest trid teħodhom l-affarijiet. Imbagħad noqogħdu nsemmu l-HSBC u ċ-ċifra ta' kemm tlifna dejjem tikber, skond ir-riħ!
Nerġa' ngħid li l-privatistion fl-HSBC saret tajjeb u daħħalna li kellna ndaħħlu minnu tgħid x'tgħid l-oppożizzjoni. Iċ-ċifri tat-telf tivvintahom hi, bħalma vvintat iċ-ċifri l-oħra li kkwotaw il-bieraħ fil-budget. Onor. Cilia, li żgur mhux se jsir huma skandli bħalma saru fil-privatisation tal-Maltacom. (Interruzzjonijiet) Jien nibqa' ngħid li ma nistax nifhem għaliex għamlu nofs dik l-issue bearer shares barra minn Malta. Dik għadni ma nistax nifhimha jien u qed nipprova nifhimha, Onor. Cilia. U qed nipprova nara min huma dawn l-iħirsa; daqsxejn diffiċli imma żgur li mhux se jsiru skandli ta' dan it-tip għaliex jekk begħna l-bank nafu lil min begħnih almenu. Ix-shares tal-Maltacom ma nafux lil min begħnihom. Jistgħu jkunu Maltin li kellhom flushom maħrubin barra, ġew kif ġew; ma nafx imma bil-mod insiru nafu. Nerġa' lura għat-TCU.
Din il-unit se tkun qed taħdem full swing is-sena d-dieħla u se tagħti s-support lid-dipartimenti l-oħra tat-taxxa. Se jkun ukoll kompitu ta' din il-unit li tagħmel benchmarking fuq dawk li jaħdmu għal rashom, u dan se jsir b'mod serju u għaqli minn ekonomisti u accountants. X'differenza mill-ex officio ta' l-antik! Min jaf min għamilhom dawk il-benchmarks? Ma nafux jekk sarux f'Beltissebħ jew inkella Kastilja. Il-benchmarks li se nagħmlu aħna se jsiru b'mod serju u b'konsultazzjoni ma' dawk kollha konċernati ħalli naraw li la ngħollu 'l fuq iż-żejjed u lanqas inbaxxu 'l isfel iż-żejjed il-miri tagħna. Jien nixtieq li mhux biss nagħmlu benchmarks imma tiġi wkoll żviluppata sistema fejn tinqata' l-burokrazija fid-dikjarazzjonijiet minn fuq spallejn is-self-employed. Hawnhekk forsi l-accountants ma jeħdux gost, imma naħseb li tajnihom biżżejjed xogħol fis-snin li għaddew. L-ewwel reazzjoni li għandi jien hija li din tintlaqa' pożittivament mis-self-employed.
Mr Chairman, rigward il-fringe benefits l-oppożizzjoni għadha ma sabitx saqajha; min jgħid li jaqbel mal-fringe benefits u min jgħid mod ieħor. L-Onor. Brincat sal-ġimgħa l-oħra kien jaqbel mal-fringe benefits u mhux biss kien jaqbel imma kien qal li beda studju. Taf kemm inbdew studji! U solvejna l-problemi tal-pajjiż bl-istudji li saru! Jien nista' ngħid li ma sibt ebda studji. Dawn qishom qed jiktbu xi reċta, jistudjaw, jipplottjaw wieħed x'għandu jgħid u ma jgħidx, imbagħad ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk ma joqgħodx fil-parametri tal-plot li jkunu pinġew! Issa llum fuq il-fringe benefits smajna lill-Onor. Brincat jgħidilna li l-employers issa qed jindunaw kif se jolqothom il-budget. U l-employers fuqhiex qegħdin igergru? (Interruzzjonijiet) Mela x'għedt? Ir-reazzjoni hija għaliex issa bil-fringe benefits se jitolbuna iktar pagi. Imma tajjeb jew mhux tajjeb li nikkontrollaw dawn l-affarijiet? (Interruzzjonijiet) Mela ejjew ngħidu li naqblu! (Interruzzjonijiet) U l-prinċipju x'inhu? (Interruzzjonijiet) Imma fil-prattika trid tgħid għaliex prinċipji nistgħu ngħidu litanija sħiħa imma b'daqshekk ma nsolvux il-problemi tal-pajjiż. (Interruzzjonijiet) Intom titkellmu biss, qatt m'għamiltu xejn! (Interruzzjonijiet) Ilkom tant tgħidu! (Interruzzjonijiet) Onor. Vella, dan huwa proċess kontinwu, u ifhmuha din! (Interruzzjonijiet) Id-dawl ilu li xegħel. (Interruzzjonijiet) Il-mirakli mbagħad xi darba tifhimhom ukoll!
Yüklə 0,51 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin