Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 319,16 Kb.
səhifə2/5
tarix15.01.2019
ölçüsü319,16 Kb.
#96562
1   2   3   4   5

STQARRIJA MINISTERJALI




ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nixtieq ninforma lill-Kamra illi s-27 pajjiż parteċipant fil-Kumitat Euro-Mediterranju fil-proċess ta' Barcellona, f'laqgħa fi Brussels illum u konformi mad-dikjarazzjoni ta' Barcellona ta' Novembru, 1995, iddeċidew unanimament li jżommu t-tieni laqgħa tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tagħhom f'Malta. (Applaws) Il-Konferenza ta' Malta li se tinżamm fil-15 u s-16 ta' April, 1997 se tlaqqa' flimkien 27 Ministri ta' l-Affarijiet Barranin li 15 minnhom ġejjin mill-pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea u t-12 l-oħra ġejjin minn madwar il-Mediterran. Il-Konferenza mistennija tagħti ħarsa lejn il-progress li sar mill-ewwel Konferenza ta' l-Euro-Med li saret f'Barcellona f'Novembru, 1995. Huwa mistenni wkoll li jsir xogħol biex jiġi stabbilit programm ta' ħidma biex tissaħħaħ is-sħubija fl-oqsma politiċi, finanzjarji, ekonomiċi, soċjali, kulturali u umanitarji bil-għan aħħari li r-reġjun tal-Mediterran jinbidel f'arja ta' djalogu u koperazzjoni u li jiggarantixxi paċi, stabilita' u prosperita'. Qabel il-Konferenza ministerjali mistennija li jkun hemm laqgħa ta' l-uffiċjali għolja li tinvolvi madwar 300 uffiċjal. Delegazzjoni tal-Presidenza u tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea għandha tasal Malta fil-jiem li ġejjin sabiex jinbdew il-preparamenti għall-Konferenza ministerjali. Hemm ukoll intenzjoni li matul il-laqgħa ta' Malta jinżammu attivitajiet oħra bi skop li jippromwovu l-karatteristiċi kulturali u umanitarji tar-reġjun li jaqgħu fil-proċess ta' l-Euro-Med. Il-Gvern Malti jilqa' bil-ferħa din id-deċiżjoni, jagħtiha l-appoġġ kollu tiegħu u jaraha bħala turija konkreta ta kif Malta tista' tagħti s-sehem tagħha għall-iżvilupp ta' l-Ewropa u koperazzjoni dejjiema u akbar bejn l-Ewropa u l-Mediterran. (Onor. Membri: Hear, hear) Id-deċiżjoni li din il-Konferenza ministerjali tinżamm f'pajjiżna hija ċertifikat u konferma tar-rispett lejn il-politika tal-Gvern Malti, kemm mill-pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll minn dawk ta' madwar il-Mediterran. Din hija konferma ta kemm hija għaqlija l-politika tan-newtralita' ta' pajjiżna li ssaħħaħ il-potenzjal tagħna bħala post fejn pajjiżi ta' politika differenti, bi twemmin differenti u kulturi differenti jiltaqgħu fi spirtu ta' djalogu bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet li jkabbru l-ftehim u l-koperazzjoni. Dan huwa xiehda ħajja tal-politika dikjarata tal-Gvern Laburista li jagħmel dak kollu possibbli biex iseddaq il-paċi u s-sliem fil-Mediterran.
Il-Gvern Laburista, Madam Speaker, huwa kommess li jipparteċipa bis-sħiħ fil-proċess Ewro-Mediterranju għaliex fih jara it-twaħħid tal-politika Ewropea u dik Mediterranja tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Mistoqsijiet. L-Onor. Eddie Fenech Adami.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Kap ta' l-Oppożizzjoni): L-ewwelnett, Madam Speaker, nieħu pjaċir li ttieħdet id-deċiżjoni li l-din il-konferenza ssir Malta. Jien naturalment il-pożizzjoni nafha, imma jistax jikkonfermali li effettivament il-proċess li din il-konferenza ssir Malta ilu li nbeda minn żmien qabel l-elezzjoni meta l-Gvern immexxi minni kien poġġa l-kandidatura ta' Malta. Il-kontendenti l-oħra kienu il-Marokk u t-Tuneżija fejn il-Marokk irtira it-talba tiegħu u effettivament l-għażla, għal raġunijiet li huma magħrufa, inkluża l-politika tal-Gvern Malti kemm taħt ...
MADAM SPEAKER: Infarrkar lill-Onor. Membri li f'dan l-istadju huma permessi biss mistoqsijiet .
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, qed nagħmel mistoqsija imma biex ikun jista' jirrispondini sewwa qed ngħidlu l-premessi x'inhuma. Jikkonferma li t-talba kienet saret min-naħa tal-Gvern Malti qabel l-elezzjoni u li l-kandidati l-oħra kienu l-Marokk u t-Tuneżija, fejn il-Marokk irtira t-talba tiegħu u li kien hemm raġunijiet li kienu ilhom jiġu esposti għaliex il-konferenza ssir hawn Malta allura l-poplu Malti għandu għaliex jifrah li l-konferenza se ssir Malta?
MADAM SPEAKER: L-Onor. Chris Cardona.

ONOR. CHRIS CARDONA: Madam Speaker, nixtieq nistaqsi lill-Viċi Prim Ministru x'ħidma diplomatika saret mill-Gvern Malti dwar il-konferenza li se tinżamm Malta bejn il-15 u s-16 ta' April?
MADAM SPEAKER: Grazzi, hawn iktar mistoqsijiet. (Onor. Membri: No) Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jien nifhem li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jipprova jieħu ftit meritu ta' xi ħaġa bħal din, pero' jiddispjaċini ngħid li milli qal m'hu veru xejn għax fl-ebda ħin f'dawn l-aħħar xhur, għallinqas safejn naf jien, Malta ma kienet qiegħda attivament tagħmel lobbying biex din il-konferenza tiġi hawn għax kieku għamilna hekk din il-konferenza ma kenitx tiġi Malta. Fil-bidu, kif qal korrettement, kien hemm it-Tuneżija u l-Marokk li kienu qegħdin jiddeċiedu min minnhom se jieħu din il-konferenza. Għall-preċiżjoni nixtieq ngħid li din il-konferenza kienet mistennija li ssir f'pajjiż Għarbi għar-raġuni li l-ewwel waħda saret f'pajjiż Ewropew, Spanja - f'Barcellona - u allura kien imiss in-naħa Għarbija. Li ġara kien li s-Sirja kienet qed toġġezzjona li tiltaqa' ma' l-Iżrael f'konferenza bħal din f'pajjiż Għarbi u sussegwentement kien hemm anki vuċijiet li pajjiżi oħra setgħu wkoll jieħdu l-linja tas-Sirja u allura dan ġab diżgwid fis-sens nuqqas ta' qbil. Aħna kontinwament bqajna barra milli nillobjaw ħalli din il-konferenza tiġi hawnhekk, pero' dejjem urejna li aħna committed li dan il-proċess ma jiqafx u li għandu jibqa' għaddej. Aħna dejjem għidna li jsir minn kollox ħalli l-proċess jibqa' miexi għaliex kien hemm il-possibbilta' u l-biża' li jekk jittieħdu pożizzjonijiet ibsin u riġidi seta' jitħassar il-proċess kollu. Eventwalment, meta qabel l-elezzjoni kien hemm min qal li Malta tista' sservi bħala post alternattiv kien hemm oġġezzjoni mill-pajjiżi Għarab għaliex qalu Malta tista' titqies bħala pajjiż Ewropej u allura aħna ma nikkonsidrawhiex. Eventwalment meta kien hemm it-tibdil tal-gvern u kien hemm il-bidla fil-politika ta' dan il-Gvern fir-rigward ta' kif iħares lejn ir-relazzjonijiet futuri tiegħu ma' l-Unjoni Ewropea, dan ta viżjoni differenti lejn kif il-pajjiżi ta' l-Afrika ta' Fuq bdew iħarsu lejn il-pożizzjoni ta' Malta. Minn hemmhekk Malta bdiet tiġi kkonsidrata bis-serjeta'. Nerġa' ngħid, aħna fl-ebda ħin u bl-ebda mod ma pprovajna nidħlu bejn il-kontendenti li kien hemm mill-Afrika ta' Fuq, għaliex aħna nħossu li kien ikun ġust li din tinżamm f'pajjiż Għarbi kif fil-fatt kellu jsir. Li ġara kien li minħabba l-insistenza tas-Sirja li żżom t-teżi tagħha li ma tiltaqax ma' l-Isreal f'pajjiż Għarbi, bdew jidhru fil-gazzetti barranin anke ċertu feelers biex jaraw kif nirreaġixxu u nista' ngħidlek li rajt li ma jkun hemm l-ebda kumment min-naħa tagħna ħalli ma nippreġudikawx is-sitwazzjoni u biex ma niġux nidhru li aħna qegħdin nidħlu bejn il-basla u qoxritha. Madam Speaker, dan hu li ġab ir-rispett lejn Malta meta raw li aħna qegħdin ngħidu il-proċess Ewro-Mediterranju jrid .... (Interruzzjonijiet) Imma anke hawn m'intomx kuntenti li f'pajjiżna se tiġi konferenza bħal din!
MADAM SPEAKER: Jekk joġgħobkom tindirizzawx lil xulxin.
ONOR. GEORGE VELLA: Eventwalment wara li żammejna kemm stajna biex ma nirrispondux, anke meta kien hemm feelers jekk ċertu pajjiżi jistgħux jiltaqgħu hawnhekk, ħalli naraw il-proċess kif se jiġri. Li ġara kien li fil-laqgħa li kien hemm il-bieraħ ġie espress b'mod l-iktar ċar li f'isem il-pajjiżi Għarab huma qegħdin jaraw li l-aħjar lokazzjoni għall-konferenza tkun Malta. Immedjatament, ir-rappreżentant tal-pajjiżi ta' l-Ewropa, ta' l-Unjoni Ewropea, qal li anke huma qablu li Malta tkun l-iktar post idoneu għal din il-konferenza u għalhekk, dalgħodu, bħalma kelli pjaċir inħabbar aktar kmieni, ġie kkonfermat b'mod unanimu li Malta tkun il-post fejn tinżamm it-tieni konferenza Ewro-Mediterranja.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, ippermettili nitlob kjarifika, jekk ma jimpurtax. Peress li issa diġa' ddedikajna għaxar minuti għal din l-istqarrija u peress li l-Mozzjoni ta' Proċedura teknikament tgħid li wara l-ħin tal-mistoqsijiet suppost għandna ngħaddu mill-ewwel għall-Estimi u li jekk ikun hemm xi xogħol ieħor tal-Gvern isir wara ix-xogħol finanzjarju u mhux qabel, issa dawn l-għaxar minuti x'se nagħmlu bihom?
MADAM SPEAKER: Hawn qbil li l-għaxar minuti jiżdiedu wara?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Irrid ikun hemm il-qbil għax il-Mozzjoni tgħid li fid-9.30 p.m. jispiċċa d-dibattitu u għalhekk jien qed nitlob kjarfika fuqha.
MADAM SPEAKER: Hemm qbil li l-ħin jitwal għal għaxar minuti? L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jekk iridu li nkomplu wara s-seduta allura nkomplu, ma naħsibx li hemm oġġezzjoni min-naħa tagħna u dan dejjem jekk m'hemmx oġġezzjoni min-naħa tagħkom.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.


Yüklə 319,16 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin