THE CHAIRMAN (Onor Michael Bonnici): Il-Ministru tat-Turiżmu.
ONOR. KARMENU VELLA: Sur President, l-ewwelnett nixtieq nifraħ lill-sieħbi, l-Onor. Joe Farrugia, għad-diskors li għadu kemm għamel u minnufih ngħaddi biex l-ewwelnett nirringrazzja lill-Onor. Psaila Savona talli ħallieli kollox lest! Pero' imbagħad jien ma stajtx nifhem meta beda jgħidli li għadni ma bdejtx u għadni ma għamilt xejn. Hawnhekk jiena ngħidlu: Imma jekk ħallejtli kollox lest, x'qed tistenna illi se nagħmel? Sur President, niggarantilu illi dak li għamilna aħna f'dawn it-tliet xhur m'għamlux hu fi tliet snin. Imbagħad qalli li jiena dejjem sieket u m'hu qed nitkellem fuq xejn. Veru li l-karattru tiegħi hekk hu, pero' kultant aħjar tkun naqra sieket milli tgħid ħafna u tispiċċa biex tgħid ħafna ċuċati.
Fuq dak li qal l-Onor. Michael Refalo naqbel miegħu mija fil-mija illi dan mhuwiex suġġett partiġjan, pero' hawnhekk bqajna l-istess billi nippriedkaw ħaġa u nagħmlu oħra. L-ewwel nibdew bl-introduzzjoni u ngħidu li m'għandux ikun suġġett partiġjan, imbagħad jibdew jgħidu li huma għamlu kollox tajjeb u aħna qed nagħmlu kollox ħażin.
Meta mbagħad tkellem l-Onor. Josef Bonnici rrileva żewġ punti, jiġifieri t-TOSS u l-FBR. Jiena hawnhekk mhux se noqgħod nagħmel differenza bejn l-FBR u t-TOSS imma l-punt kien illi kien hemm inċentiv fiskali li l-Gvern l-ieħor ried ineħħieh u issa l-policy ta' dan il-Gvern hi illi dan l-inċentiv jibqa'. Dik hi d-differenza u nista' ngħid illi meta tħabbret din il-miżura din kienet intlaqgħet ferm tajjeb mill-operaturi Ingliżi.
Fir-rigward ta' x'se jkun l-effett illi nibqgħu barra mill-Unjoni Ewropea għall-Air Malta, jiena naħseb illi din seta' iktar iweġibha tajjeb hu għax hu kien wieħed mill-imħuħ wara t-twaqqif tal-proġett Azzurra Air. Kieku jispjega lil din il-Kamra x'kien l-iskop wara dan il-proġett malajr ikun qiegħed jieħu r-risposta għall-mistoqsija li għamilli.
Sur President, jien se nżomm fuq dak li qal l-Onor. Michael Refalo fil-bidu li kemm jista' jkun dan is-suġġett ma rridux nitkellmu fuqu b'mod partiġjan. Sa fejn naf jien il-kritika kostruttiva trid kemm tagħmilha u trid anke taċċettaha. Aħna mhux qegħdin hawn biex naraw min hu l-ħażin u min hu t-tajjeb, iżda qegħdin hawn biex naraw x'hemm ħażin u x'hemm tajjeb. Jekk se noqogħdu nitkellmu fuq dak li diġa' huwa tajjeb nistgħu noqogħdu bil-qegħda u ngħidu li m'hemmx x'tirranġa u allura ma nirranġaw xejn. Ejja nitilqu mill-qagħda li sibna llum.
Sur President, huwa veru illi sa l-1994, it-turiżmu f'dak li huma numri u statistika għamel avvanz tajjeb, imma huwa minnu wkoll illi mill-1994 'il hawn bdiet id-down ward trend, jiġifieri erġajna qbadna t-triq tan-niżla. Wieħed ta' min jgħid li bjen l-1994 u l-1996 tlifna madwar 122,000 turist, jiġifieri naqqasna 10.4% tan-numru ta' turisti. Dan ifisser li kważi erġajna morna lura għal-livell ta' qabel l-1993. Hawn min igħid li fl-1994 kellna sena eċċezzjonali imma jiena ngħid li forsi l-fatt li ġew ħafna turisti iktar milli stennejna switilna iktar ta' riklam ħażin għax
ma laħħaqniex mad-domanda f'dik li hija infrastruttura u f'diversi affarijiet oħra. Forsi kienet kumbinazzjoni li kellna up climb fi żmien l-Onor. Refalo u mbagħad din qabdet in-niżla meta proprju nbidel hu? Irrid ngħid ukoll li f'dawn l-aħħar sentejn kważi mis-swieq kollha konna qed innaqqsu l-length of stay kif ukoll il- bed nights u fil-fatt hemm rapporti li jgħidu li anke l-ispan per day tat-turist niżlet bil-konsegwenza li llum spiċċajna li kważi lanqas span per day tat-turist fil-Mediterran ma għandna. Li jħassbek ukoll huwa li s-sena li għaddiet, fl-1996, l-iktar li kien hemm tnaqqis fit-turisti kien fil-shoulder months għaliex dan niżel b'0.5% mentri fis-sajf niżel b'4.3% biss u mbagħad l-iktar li kien hemm tnaqqis kien fix-xahar ta' April meta niżel b'19%.
Sur President, jien ma rridx noqgħod ninħela fuq in-numri għaliex kemm-il darba ngħidu li fit-turiżmu n-numri jistgħu jfissru ħafna u jistgħu ma jfissru xejn u allura jekk irridu naraw il-qagħda tas-settur turistiku rridu nitbiegħdu ftit min-numri u nħarsu lejn oħra aspetti aktar importanti. Irridu niftakru li fit-turiżmu għandek l-operatur qed ibigħ prodott lit-turist. Mela hawnhekk għandek tliet affarijiet; min qed ibigħ, il-prodott li qed jinbigħ u min qed jixtrih u għalhekk biex naraw eżattament il-qagħda preżenti fit-turiżmu rridu naqbdu dawn it-tliet affarijiet, inħarsu lejhom u nagħmlu ċerti mistoqsijiet fuqhom. Ħalli nibdew mis-settur u ngħidu l-pożizzjoni kif x'inhi.
F'dawn l-aħħar snin ilna nisimgħu li kellna over-capacity of beds u fil-fatt din ġabet undercutting ta' prezzijiet bil-konsegwenza li naqsu l-profitti u f'ħafna każijiet kellu jitbaxxa anke s-servizz biex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas ta' profitt. Sur President, hemm ukoll dak li qed ngħidulu d-downgrading volontarju ta' ċerti lukandi u hawnhekk jien ma naqbilx ma' dak li qal l-Onor. Refalo, jiġifieri li mhux veru li 4-Star jew 5-Star hotels qed ibigħu bi prezz ta' 3-Star hotels. Qed ngħid hekk għax dan mhux qed jagħmluh bil-pjaċir tagħhom imma qed jagħmluh għaliex is-suq qed iġiegħlhom jagħmlu hekk u kultant dan qed isir anke għad-detriment ta' l-istess turist. Fil-fatt, ftit tax-xhur ilu ġie jkellimni turist u qalli: Isma', tinsabu għaddejjin tajjeb għaliex mort nibbukkja kamra f'5-Star hotel u ma sibtx post għax kienet ibbukkjata kollha. Jien għidtlu: Tajjeb! Imma mbagħad iċċekkjajt ma' tal-lukanda u qalli li dan it-turist veru ġie biex jibbukkja għandhom, imma huma kellhom jirrifjutawh għax l-isfortuna hi li huma kienu mimlijin b'turisti li ħallsu prezzijiet ta' 3-Star hotel biex imbagħad kellhom jirrifjutaw lil dan it-turist li kien se jħallas prezzijiet ta' five-star hotel. Sur President, il-profitti ta' dan is-settur telgħin jew neżlin? Jew inkella qegħdin fi stat li iktar ma' jiġu turisti inqas jagħmlu profitti? Jien m'iniex qed ngħid li qed isir hekk u li mhux qed isir hekk, imma qed ngħid biss li dawn kollha huma affarijiet li rridu nħarsu lejhom u rridu nidħlu fihom f'iktar dettal.
X'ġara fl-istruttura tas-settur; tjiebet jew le?
Ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern u s-settur tjiebu? Jien ma naqbilx ma' l-Onor. Michael Angelo Refalo li qal li fi żmienna s-settur privat kien daqshekk emarġinat għaliex allura ngħid li history repeats itself fil-veru sens tal-kelma. Qed ngħid dan għaliex illum ħlief qrid min-nies involuti fis-settur privat dwar kemm l-affarijiet kienu jsiru mingħajr ma kienu jiġu kkonsultati ma tismax. Imbagħad għandek il-qagħda tal-ħaddiema. Barra minn hekk meta niddiskutu t-turiżmu dejjem nitkellmu fuq il-hotels, fuq l-operaturi u fuq it-turisti u donnu l-ħaddiema kulħadd jinsihom. Illum irridu nħarsu lejn il-ħinijiet, il-kondizzjonijiet u l-pagi ta' dawn il-ħaddiema u naraw jekk dawn humiex ir-raġunijiet li dan is-settur mhux qed isib min jersaq lejh.
Nafu eżatt jew għandna statistika tajba biżżejjed tat-turisti li jiġu jżuru pajjiżna? Min jiġi l-iktar, l-anzjani, ż-żgħażagħ, il-familji, l-koppji jew s-singles? Dawn it-turisti kemm qed idumu u kemm qed jonfqu flus? Il-flus qed jonfquhom fl-entertainment, fl-ikel jew fit-tours? It-turisti meta qed jiġu, minn fejn qed jiġu u għaliex qed jiġu? Aħna tant nintilfu nitkellmu dwar kemm żdied jew kemm naqas it-turiżmu li dawn l-affarijiet lanqas inħarsu lejhom. Imbagħad jiġri li meta jiżdied it-turiżmu, kulħadd joqgħod b'moħħu mistrieħ u nispiċċaw ma nagħmlu xejn biex imbagħad meta jinżel, kulħadd jibda jippanikkja u kulħadd jagħti r-raġunijiet għalfejn dan niżel ħalli nipprovaw nirranġaw kollox fi ftit xhur.
Issa ħalli ngħid xi ħaġa fuq ir-revenue. Mhux kulħadd jixtieq li jkollu turist aħjar! Allura għalfejn noqogħdu nsemmu 5-Star hotels, selective tourists u middle-income meta kulħadd jixtieq li jdaħħal kemm jista' flus mit-turiżmu! Il-flus li ddaħħal m'humiex ibbażati biss fuq it-turist li ġġib għax biex iġġib turist ta' l-għażla. Irid ikollok prodott ta' l-għażla, u biex iġġib turist aħjar trid tagħti prodott aħjar. Għalhekk biex iġġib turist aħjar u biex tgħolli r-revenue trid ittejjeb il-prodott mhux kemm taqbad u tagħżel it-turist. It-turist qed joħroġ sodisfatt iktar jew inqas fil-btala tiegħu bil-prodott li qed nagħtuh? Qed nistudjaw kemm verament nifilħu turisti hawn Malta? Xi snin ilu l-Gvern preċedenti kien qal li Malta tista' tiflaħ miljun turist jekk dawn idumu hawnhekk madwar għaxart ijiem. Din għadha tgħodd jew irridu niddiskutuha? Aħna mhux se nimxu bis-sistema li ministru jiddeċiedi kollox hu u jgħid x'inhi l-policy hu biex imbagħad nimxu fuqha għal ħames snin li ġejjin. L-idea tiegħi hija li jsiru l-laqgħat biex fihom niddiskutu dawn l-affarijiet u l-policies nilħquhom aħna filkien mas-settur privat. Id-diskussjonijiet diġa bdew, se jibqgħu sejrin u nispera li jkomplu mexjin fuq ir-ritmu li qbadna.
Jekk se nitkellmu fuq il-prodott kapaċi nkunu oġġettivi - għallinqas għandna nkunu ta' rġiel bejnietna, mqar hawn ġew biss - u ngħidu jekk il-prodott marx għall-aħjar jew għall-agħar u jekk fihx xi ħaġa ġdida jew jistax jikkompeti ma' prodotti li qed jofru pajjiżi oħra?
L-Onor. Refalo semma rapporti li jgħidu li bejn l-1992 u l-1995 holiday f'Malta żdiedet b'39%. Imma l-value for money tal-prodott tagħna qed intejbuh? Jaf jagħżel it-turist bejn il-value for money li nagħtuh aħna u l-value for money li qed jagħtuh destinazzjonijiet oħrajn? Nafu għalfejn it-turist forsi qed jagħżel iktar destinazzjonijiet oħrajn minflok Malta? Mr Chairman, jiena nemmen li l-value for money ma tistax tirranġah billi tibqa' tbaxxi l-prezz imma tista' tirranġah billi tvarja u ttejjeb il-prodott u dan għaliex meta jkollok prodott ħażin huwa inutli li tipprova tbaxxi l-prezz għax it-turist lanqas b'xejn ma jkun iridu. Jien ngħid li din l-idea li jikkompetu ma' xulxin dwar min se jraħħas l-iktar fil-fatt iktar qiegħda tkissirna milli qed tgħinna nirranġaw l-affarijiet. Il-value for money ttejbu meta tagħti servizz professjonali u meta tagħti a service with a smile, imma biex tagħti a service with a smile l-ewwel irid ikollok servizz tajjeb. Il-privat idaħħakni lili, għax l-ewwel jiġi jitlob lill-Gvern biex isewwilu hawn, tirranġalu hemm, idaħħallu din u jagħtih l-oħra, li huma kollha affarijiet li jiswew il-miljuni biex imbagħad huma lanqas affarijiet li ma jiswew xejn ma jagħmlu, għax id-differenza bejn tagħti servizz u tagħti servizz b'daqxejn iktar kortesija ma tagħmilx differenza fil-prezz. Jiena nixtieq li kulħadd jagħmel ħiltu u mhux kulħadd irid min-naħa tal-Gvern biss. Hawnhekk irridu niftakru wkoll li billi ntejbu l-prodott, tajjeb kemm hu tajjeb il-prodott, jekk mhux se jkollna servizz tajjeb il-prodott xorta se jitħassar għax servizz ħażin jista' jħassar anke l-aqwa prodott. Dan mhux qed ngħidu għal sezzjoni waħda biss imma għal kulħadd għax wara kollox dan is-settur huwa katina fejn għandek it-trasport, il-catering establishments, il-hotels, il-postijiet ta' l-entertainment, l-operaturi, l-coaches u ħafna affarijiet oħra bħal dawn. Għandek ħafna ħoloq u jekk titlaq waħda minnhom, il-katina se tiddgħajjef. Ma nistgħux ngħidu: Tibżax hemm dak il-hotelier qed jinvesti fil-5-Star hotels u se jġib it-turisti. Mhux veru. Jekk lit-turist toffrilu għaxar ħoloq u minnhom isib waħda jew tnejn jew tlieta dgħajfa l-katina tispiċċa, imbagħad nispiċċaw nitilfu r-reputazzjoni li wara nippretendu li nġibuha lura billi nżidu l-flus għall-marketing, advertising u promotion mingħajr ma nifhmu li image ħażina l-ebda ammont ta' flus m'hu se jġibha lura. Biex terġa' ġġib l-image u r-reputazzjoni li tkun tlift trid terġa' tibda taħdem u mhux biss terġa' tibda tonfoq il-flus.
Kif se ġġib turist aħjar? Qegħdin ngħidu li dan jista' jsir bi prodott aħjar u billi l-prodott li twiegħdu tagħtihulu għax huwa inutli nwiegħduh il-ġenna ta' l-art jekk imbagħad jiġi hawn u jsib ruħu fl-infern. U qed ikun hemm ħafna nies irresponsabbli li qed jagħmlu din il-biċċa xogħol. Ġieli jkun hemm każi fejn sidien ta' hotels jibagħtu brochures barra bil-classification tal-hotel ogħla milli fil-fatt tkun. Jiena nispera li dawn l-affarijiet irresponsabbli ma jibqgħux jsiru. M'inix ngħid li din il-ħaġa biss saret, imma din hija waħda minn dawk l-irresponsabbiltajiet. Jekk mhux se noqogħdu bil-għaqal, mhux talli mhux se nġibu turisti iktar u aħjar imma nkunu qed nissugraw li nitilfu dak li għandna. Irridu niftakru kemm hi kbira l-kompetizzjoni - mhux qed ngħid biss għall-kompetizzjoni fil-Mediterran imma, kif semma' anke sieħbi l-Onor. Farrugia, anke għall-kompetizzjoni li ġejja minn pajjiżi iktar imbiegħda - u rridu
niftakru wkoll li l-uniku mod biex tbigħ il-prodott huwa dak tas-serjeta' u l-professjonalita'. Mhux, nerġa' ngħid, prezz baxx biss. Aħna nistgħu nieħdu eżempji minna stess fejn għandna ħafna Maltin li jsiefru u jistgħu jħarsu 'l isfel u jagħżlu vaganza bi prezz irħis f'Tunes u jistgħu jħarsu 'l fuq u jeħdulek vaganza fl-Ewropa. Hawnhekk wieħed isib li allavolja vaganza għall-Ewropa tqum iktar, ħafna min-nies hemmhekk imorru għax fejn se ssib il-kwalita', fejn se ssib is-serjeta' ma toqgħodx tħares lejn il-prezz. Ħafna mit-turisti jgergru mhux għax iħallsu imma għax mhux qed jieħdu l-valur ta' dak li li qed jħallsu għalih.
Mr Chiarman, kif kont qed nipprova ngħid il-prodott turistiku hu maqsum f'ħafna biċċiet, suppost b'ideal wieħed dak li flimkien naqdu d-domanda tat-turist bl-iktar mod professjonali. Pero' l-isfortuna x'inhi, Mr Chairman? L-isfortuna hi li kull ħolqa qegħda taqdef għal rasha għax m'hemmx l-intenzjoni ġenwina li wieħed jgħin lill-ieħor imma kulħadd jitfa' l-interess personali tiegħu l-ewwel u qabel kollox u hawnhekk ma jistax ikun li kull settur jwarrab l-interess tat-turiżmu għall-interess personali tiegħu. Imbagħad x'ikollok? Imbagħad issib xi wieħed li investa Lm5,000 jew Lm10,000 f'xi ħaġa żgħira bħal xi take-away, igerrixlek lit-turist a skapitu ta' min investa l-miljuni. Mela jekk it-turist għada pitgħada jkun iddejjaq u ma ġiex iktar, jiena li nkun ngerrixtu ma nkun tlift kważi xejn għax inkun investejt ftit, imma qed nitfa' fil-miżin tar-riskju lil dak tal-hotel li jkun investa Lm5 miljun, Lm6 miljun jew Lm7 miljun u nkun qed nitfa' fil-miżin tar-riskju wkoll l-ekonomija kollha tal-pajjiż.
Mr Chairman, nixtieq nitkellem ukoll fuq xi partijiet minn dawn il-ħoloq li qed insemmu u nixtieq nibda mil-hotels billi ngħid li sena ilu nbeda l-eżerċizzju tal-classification tagħhom u diġa' se joħorġu l-classifications il-ġodda. Jiddispjaċini ngħid li l-unika improvement li kien hemm matul din is-sena kien fil-4-Star and 5-Star hotels biss filwaqt li improvement mit-3-Star hotels 'l isfel ma kien hemm xejn, anzi f'ċerti każi marru lura. Ngħid li għal dawk li huma 3-Star hotels fejn fl-1995 kien hemm 20 wara dan l-eżerċizzju spiċċaw bi 17 jiġifieri, tlieta minn dawn il-hotels niżlu minn silver għal bronze. Mela hawn irridu noqogħdu iktar attenti u mhux issa nserrħu moħħna għax saret il-classification - wara li l-Ingliżi tajnihom xi Lm60,000 biex daru l-hotels. Aħna rridu nirranġaw il-biċċa t'isfel iktar minn ta' fuq għax lilna l-biċċa t'isfel li qed titfagħna lura. Meta aħna ngħidu li mhux qed ikollna prodott tajjeb biżżejjed biex nikkompetu ma' ħaddieħor, ħadd minna, la din in-naħa u lanqas in-naħa l-oħra, ma jkun qed jgħid għal dawk il-hotels 4-Star u 5-Star bil-gold classification. Imma aħna nkunu qed ngħidu - nammettu jew ma nammettux mhux imbilli noqogħdu ngħajtu bil-5-Star tourists - fejn tmur il-parti l-kbira tat-turisti li ġejjin Malta, jiġifieri f'din il-kategorija ta' hotels.
Mela jekk din il-kategorija ta' hotels ma tagħtix servizz tajjeb, nofs it-turisti li jiġu Malta minn dak is-servizz se jieklu u jixorbu u b'dik l-impressjoni se jmorru lura. Jien naħseb li meta darb'oħra niġu għal classification exercise, jew nerġgħu nibdew xi ħaġa oħra, indaħħlu s-sistema ta' customer satisfaction index bħalma għandhom barra minn Malta.
Ħafna qed jistaqsu x'se tkun il-policy fuq iż-żieda ta' sodod. Fl-opinjoni tiegħi, iż-żidiet ta' sodod għandhom it-tajjeb u l-ħażin għax jekk se żżid is-sodod - kif żidna fil-passat - fil-kategorija ta' 4-Star hotels u 5-Star hotels m'għandek xejn kontra tiegħek, anzi b'hekk tkun qed iddaħħal fis-suq sodod ta' standard tajjeb. Pero' il-ħażin huwa li aktar kemm iżżid sodod fis-suq iktar se jkun hemm it-tentazzjoni ta' undercutting. Allura x'se nagħżlu bejn dawn iż-żewġ affarijiet għax aktar kemm se jkun hemm sodod aktar se jkun hemm ġlied fuq prezzijiet, filwaqt li aktar ma' ddaħħal sodod fil-lukandi ta' livell għoli l-bed stock dejjem ikun qiegħed jitjieb. Għalhekk jien ngħid li kull talba ġdida għandha tiġi kkonsidrata u għandna nieħdu into consideration jekk ikunx hemm improvement jew upgrading. Issa se nitkellem ftit fuq il-catering. Mr
Kif kulħadd jaf il-catering huwa importanti ħafna meta wieħed jiġi biex igħaddi vaganza ġewwa Malta. Hawnhekk l-ewwel impressjoni kif issemmi l-catering hu l-prezz esaġerat li qed iżommu ħafna mir-ristoranti. Jekk tħallas tajjeb u tieħu prodott tajjeb dak li jkun ma jgħid xejn, imma kontra qalbi se jkolli ngħid li fil-catering morna lura u hawn biżżejjed insemmi li fl-1994 kienu saru 300 inspection lil madwar 1,000 restaurant u hemm kien instab li s-sitwazzjoni kienet ħażina ħafna. Minkejja li mill-1994 'l hawn għaddew tliet snin, la komplejna nagħmlu inspections fuq is-700 restaurants l-oħra u lanqas għamilna follow-up ta' dawk it-300 inspection li kienu saru. Daqshekk huwa serju l-monitoring li għandna llum l-ġurnata! Aktar minn hekk, dan l-aħħar tħabbar li saru inspections f'138 catering outlets ta' hotels, u, biex naqta' fil-qasir u ma noqgħodx nidħol f'ħafna figuri, rrid ngħid li dawn ħarġuhom f'sitt kategoriji, minn A sa F, u tawhom risk factor. L-aħjar risk factor, jiġifieri l-aħjar catering units huma l-kategorija "A" u l-agħar huma kategorija "F". Dawn sabu li hemm 7% tajbin, jiġifieri qegħdin f'kategoriji "A" u "B"; hemm 28% li huma passabbli, jiġifieri f'kategorija "C" ; u 65% li huma defiċjenti jiġifieri, f'kategoriji "D", "E" u "F". Issa hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq ħwienet ta' l-ikel u fuq restaurants imma qed nitkellmu fuq catering outlets f'hotels. Nerġa' ngħid li dawn l-affarijiet qed ngħidhom kontra qalbi imma qed ngħidhom biex niġbed l-attenzjoni ħalli dan l-imbierek turiżmu niddiskutuh bis-serjeta' mal-privat u ma noqogħdux ninħbew u ngħidu: Isma', oqgħod attent xi tgħid għaliex inkella jibdew jonqsu n-nies mir-restaurants! Allura x'nagħmlu? Jekk aħna mhux se nitkellmu xorta waħda se jkomplu jonqsu t-turisti u allura you might as well titkellem u tirranġa fejn għandek tirranġa bit-tama li meta, jekk il-Bambin irid, l-affarijiet jirranġaw forsi t-turiżmu jerġa' jibda jiżdied. Issa se nitkellem fuq il-famuża product development unit.
Mr Chairman, xi ftit taż-żmien ilu, jien kont għidt li hija diżgrazzja li fil-ministeru ma sibtx product development unit. L-Onor. Refalo ħa għalih u kiteb ittra f'"The Times" fejn qal li dan il-unit kien ilu hemm. (Interruzzjonijiet) Peress li meta fittixtha l-ewwel darba n-nies fil-ministeru kienu qaluli li ma kienx hemm dan il-unit, erġajt għidtilhom: "Isma', kif għidtuli li m'hemmx dan il-unit u issa l-Onor. Refalo qed jgħid li kien hemm?" Imbagħad sibt li l-product development unit kien twaqqaf fl-1988 b'ħamsa min-nies li llum huma kollha sparpaljati 'l hemm u 'l hawn. Kien hemm Dr Buhagiar bħala legal officer li kien irrinżenja wara sena, f'Novembru ta' l-1989, Anthony Ellul bħala project planner, li mbagħad spiċċa mal-Planning Authority, il-Perit Ray Sammut li rriżenja wkoll; Peter Portelli bħala administrative officer li spiċċa ma' l-OPM; u Dominic Chircop, professional officer I, Ii kien ħadu l-istess Ministru mit-turiżmu għall-kultura. Allura għalfejn noqogħdu nidħku bina nfusna u ngħidu li m'hemmx għalfejn ngħaqqdu l-product development unit għaliex diġa' qiegħed hemm! X'kienu l-proġetti li suppost kellu jagħmel dan il-product development unit?
L-ikbar proġett li kellu jagħmel kien il-Ħaġar Qim Heritage Park li, fl-1993, l-Onor. Refalo kien ivvota Lm0.25 miljun għalih u fejn kien qal li sa l-aħħar ta' l-1994 kien se jkun finallizzat. X'ġara? Sa l-1994 ma sar xejn u fl-1995 l-Onor. Psaila Savona kiteb lil Dr Refalo fejn qallu biex dan il-proġett jgħaddi għand il-Ministeru tal-Kultura kif fil-fatt kien ġara. Illum, fl-1997, mhux talli ma ġara xejn, mhux talli ma rranġajnihx, talli fil-frattemp lanqas watchman ma ħallejna hemmhekk u dan il-heritage park illum qiegħed ivvandalizzat għaliex m'ilux tefgħu xi żebgħa u waqqgħu xi ġebel ukoll. Imbagħad illum tisma' lill-Onor. Refalo jitkellem u jgħid li taħarqu qalbu għall-patrimonju! Nerġa' ngħid, għallinqas bejnietna, hemm bżonn nitħaddtu bis-serjeta' għaliex inkella mhux se naslu. Qalli li l-product development unit qed jagħmel ħafna xogħol ta' festivals fl-Imdina, fil-Belt Valletta u fil-Birgu. Imma dan huwa xogħol li jrid isir mill-product development unit? Illum x'għandek?
Illum għandek l-NTOM u l-HCEB. L-NTOM hija s-Cinderella tat-turiżmu għaliex trid tagħmel kollox hi u hawnhekk jiddispjaċini ngħid li anke jien qed ikolli nqabbad lilha biex tagħmel kollox. GĦaliex jekk kien hemm segretarju parlamentari kienet trid tagħmillu x-xogħol tal-gvern hi; jekk hemm xi ħaġa li għandha x'taqsam mal-product development unit riedet tagħmilha hi; u riedet tagħmel ukoll il-marketing. Din m'hijiex serjeta'! Jekk irridu npoġġu t-turiżmu fuq il-pedestall li jistħoqqlu, jiena nemmen li l-enfasi bilfors trid tkun fuq il-prodott u għalhekk ma jistax ikun li l-prodott tħallih bħala niċċa żgħira within l-NTOM. Hija l-product development unit li suppost qiegħed jagħmel il-marketing. Dan il-unit għandu jkun ikbar u iktar attrezzat mill-marketing unit, għaliex jekk m'għandekx prodott allura min qed jagħmel il-marketing x'se jbiegħ? Dan hu li qed jiġri llum li l-enfasi m'hijiex qegħda issir fuq il-prodott. Illum kollox isir mill-NTOM li xogħlha huwa li tbiegħ il-prodott, imma dak il-prodott li trid tbiegħ ħadd m'hu qed jagħtihulha. Jekk hemm bżonn product development unit, jiena nifhem li dan irid jieħu ħsieb idur dawn ix-shortcomings kollha sa mill-inqas restaurant sa l-ogħla lukanda kif ukoll għandu jieħu ħsieb li jitwaqqfu ċerti attrazzjonijiet. Dan il-unit għandu ħafna xogħol x'jagħmel u dan ix-xogħol m'għandux x'jaqsam mas-settur turistiku biss. Is-settur turistiku jiddependi minn ħafna dipartimenti u ministeri oħra u għalhekk hemm bżonn li l-product development unit ma jkunx xi ħaġa taħt l-umbrella tat-turiżmu biss jew jekk din se tkun hekk allura għandha tinvolvi ministeri oħra. Imma l-idea tiegħi ta' product development unit hija xi ħaġa ħafna ikbar u ħafna aktar qawwija mill-marketing unit u mis-servicing unit, bħalma hi l-HCEB.
Għalfejn il-Gvern l-ieħor qatt ma wasal biex jirranġa ż-zona turistika ta' Buġibba? Forsi l-Gvern l-ieħor kien jemmen li jrid jivvota kollox lill-Ministeru tat-Turiżmu biex dan imbagħad jagħmel ix-xogħol kollu hu. Imma dan x'support kellu? Intqal li qabel il-Public Works Department jew il-Ministeru ta' l-Ambjent kellu vvotati Lm2 miljun iktar għat-toroq. Imma hawn jien nistaqsikom: X'ħa l-Ministeru tat-Turiżmu minn dak il-vot tat-toroq? Irranġaw xi żona turistika kif suppost kellhom jirranġawha? Le, għaliex fiz-zoni turistiċi m'għandekx voti u allura l-flus tat-toroq kollha marru fejn hemm il-voti. Din hi r-raġuni. Aħna bdejna b'Buġibba prinċipalment għaliex din illum qed tieħu 38% tat-turisti li jiġu hawn Malta u allura, sfortunatament, l-impressjoni li jieħdu 38% tat-turisti li jiġu Malta m'hijiex dik ta' Malta imma dik ta' Buġibba. Diġa' saret laqgħa fuq xi ħaġa simili f'Paceville, imma fuq Paceville għadna fil-bidu nett. Aħna tkellimna wkoll fuq il-marketing u għidna li inti tista' tbiegħ meta jkollok prodott tajjeb, meta jkollok prodott li veru tista' tbiegħu. Nerġa' ngħid, inti trid tagħti dak li twiegħed u trid twiegħed dak li tista' tagħti. L-aħjar riklam li jista' jkollu dan is-settur huwa r-reklam ta' turist li joħroġ sodisfatt. Jekk turist mhux se joħroġ sodisfatt il-kelma se timxi u r-reklamar by word of mouth huwa ħafna iktar qawwija minn dak li tħallas għalih.
Meta niġu għall-marketing, jien nemmen li minflok noqogħdu nintilfu dwar kemm se nonfqu flus fuq il-magazines u fuq it-television, trid issir strateġija iktar wiesa' minn hekk, fis-sens illi l-core business tagħna għandu jkun dak Ewropew, l-iktar dak mis-suq Ingliż. L-idea tagħna hija illi nżommu s-suq Ingliż u l-problema tas-suq Ingliż mhijiex għax ġejjin ħafna turisti mill-Ingilterra. Il-problema vera tas-suq Ingliż hi li t-turisti kollha li ġejjin mill-Ingilterra ġejjin mingħand tlett operaturi biss. Jiġifieri li aħna nistgħu nagħmlu diversification billi flok naqilgħu mill-Ingilterra u nitfgħuh l-Italja, Franza u l-Ġermanja nistgħu, per eżempju, nagħmlu diversification ġo l-Ingilterra stess billi ma nibqgħux ma' dawn it-tliet operaturi, prinċipali biss. Barra minn hekk irridu nħarsu aktar lejn is-swieq ta' l-Italja, Franza, l-Ingilterra u l-Ġermanja. Jien mhux qed ngħid li l-long haul għandna nabbandunawh u lanqas nemmen li għandna nagħmlu hekk speċjalment issa li diġa' nvestejna ħafna flus fih. Jekk nabbandunawh issa, allura nkunu qed nagħmlu writing off ta' dawk il-flus illi diġa' nvestejna. Dan trid tħallih itektek bil-mod il-mod u mbagħad waħdu jurik meta jkun wasal il-mument li se jibda jagħti dak ir-riżultat mixtieq. Jekk imbagħad toqgħod tqis il-costs li għandek, per eżempju qed nitkellmu fuq suq li taf tonfoq Lm0.5 miljun, bejn l-NTOM u l-Air Malta, biex iġġib 10,000 turist mentri jista' jkollok suq ieħor ta' 10,000 turist li ġġibhom bi spiża ta' Lm12,000 promotion.
Hawnhekk la qed insemmi l-Air Malta, irrid ngħid li huwa importanti wkoll illi dawn verament jaħdmu flimkien għax l-NTOM ma tista' tmur kważi mkien jekk ma jkunx hemm l-Air Malta. Huwa inutli li toqgħod tonfoq flus għall-promotion f'pajjiżi illi l-Air Malta m'għandhiex il-flights għalihom. Mill-banda l-oħra, l-Air Malta trid tammetti wkoll illi kull fejn marret hi u kellha lill-NTOM warajha dejjem għajnuna kellha mingħandha. L-importanti hu li naqtgħu dik il-pika li kien hemm qabel u nibdew naħdmu iktar fuq strateġija komuni. Jien nista' ngħid illi diġa' bdew laqgħat bejn l-NTOM u l-Air Malta biex din l-istrateġija tibda titfassal speċjalment issa, meta l-Air Malta qiegħda tagħmel review tar-rotot kollha tagħha biex tara liema huma dawk ir-rotot li qed jagħtuha riżultat tajjeb u liema huma dawk ir-rotot li qed jagħtuha riżultat ħażin. Naturalment l-Air Malta ma tkunx trid iżżomm quddiem għajnejha biss x'qed iddaħħal jew x'qed titlef bħala revenue imma trid iżżomm quddiem għajnejha wkoll is-servizz li tkun qed tagħti direttament jew indirettament lis-settur tat-turiżmu wkoll.
Nixtieq ngħid xi ħaġa oħra fuq monitoring, enforcement u self-regulation. Jiena ili ngħidha - mhux issa biss, imma kont ngħidha qabel ukoll - illi m'għandniex monitoring serju u dan mhux għax ma jridux jagħmluh imma għax m'hemmx biex tagħmlu. Inutli li tgħid li għandek monitoring unit biex taparsi jkollok il-monitoring unit. Il-monitoring unit irid ikun wieħed li jiffunzjona. Qabel kont ngħid: Tmien field officers kif jistgħu jlaħħqu ma' dik ir-ruxmata ta' xogħol! Aktar minn hekk, qed jiġri li anke meta jagħmlu xi ħaġa tax-xogħol, l-enforcement tiegħu qed ikun diffiċli. Skond l-aħħar figuri li tawni, fl-aħħar ħames snin, mill-outlets kollha ta' restaurants, accommodation, flats, aġenziji, travel agencies, hotels u oħrajn, tressqu 135 każ biss u minn dawn 56 każ biss ingħataw sentenzi. Imbagħad hawnhekk trid tara s-sentenzi x'inhuma! Tnejn ġew fined Lm10, ieħor weħel Lm25, sitta ġew fined Lm20, sitta ġew acquitted, tnejn ġew regolarizzati! Jiġifieri hawnhekk m'aħniex qed nitkellmu b'serjeta' biżżejjed meta qed nitkellmu fuq monitoring u enforcement. Għalhekk jien nixtieq illi tidħol aktar l-idea ta' self-regulation. Għalfejn kull darba tiġi association u tistaqsik x'se jagħmel il-Gvern fuq, per eżempju, l-prezzijiet li qed iżommu tat-taxis jew fuq il-prezzijiet li jżommu r-restaurants! Imma skużi, ħafna minn dawn ikunu għaqdiet li jkellmuk fuq dawk stess li jirrappreżentaw. Per eżempju, tiġi għaqda li magħha għandha r-ristoranti u tgerger fuq ir-ristoranti. Jien nistaqsi: Imma inti bħala għaqda x'se tagħmel, qabel ma nagħmel xi ħaġa jiena bħala gvern? Iċċaqlaq int u mbagħad jien niċċaqlaq aktar minnek, imma ma jistax ikun li kulħadd jipprova jgħatti lill-membri tiegħu u mbagħad kulħadd igerger għax mhux qiegħed isir monitoring u enforcement. S'issa ma' l-għaqdiet kollha li ddiskutejna din l-idea ta' self-regulation kien hemm response tajjeb ħafna. Kulħadd fehem illi wara kollox din m'hijiex fl-interess tal-membri biss jew fl-interess ta' l-għaqda biss, imma hija fl-interess tas-settur turistiku kollu kemm hu.
Ngħaddi issa biex nitkellem fuq it-trasport. Jekk sibt xi ħaġa mħawda f'dan is-settur huwa t-trasport u jiena nemmen illi huwa inutli li noqogħdu naqbdu t-trasport biċċa biċċa u parti parti. It-trasport jew se jinqabad taħt umbrella waħda jew we forget it u ngħidu li din hija xi ħaġa li lanqas biss għandna ċans nirranġawha. Qed ngħid kemm għat-trasport tal-baħar kif ukoll għat-trasport ta' l-art. Kulħadd jaqdef għal rasu, tat-taxis, tal-buses, tal-UBS, tal-coaches, kulħadd hu għandu raġun, imma meta niġu biex, per eżempju, naraw min qed jaqdi l-bżonnijiet ta' min, x'issib? Issib illi ħafna drabi mhux it-trasport qed jaqdi l-bżonnijiet tat-turist, imma bil-kontra għax fil-fatt l-operatur u t-turist irid joqgħod għall-bżonnijiet u l-esiġenzi tat-trasport. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Għandek il-kwestjoni tal-prezzijiet u hawn se nerġa' nsemmi lil tat-taxis għax ħafna mill-complaints li jidħlu jkunu proprju fuqhom. Meta titkellem ma' l-għaqda tagħhom din tgħidlek li mhux tat-taxis kollha, imma xi tlieta jew erba' huma dawk li qed jagħtu isem ħażin lill-association kollha. Mela ejja nerġgħu nitkellmu fuq bażi ta' auto dixxiplina u fuq bażi ta' self-regulation u ngħidulhom: Ibgħatu għalihom, kellmuhom u ħudu passi inthom. Jien għallinqas għandi nserraħ rasi li fuq dawn hemm l-għaqda tagħhom stess li qed tagħmel xi ħaġa, u mhux ħadd ma jrid jagħmel xejn. Imbagħad jiġri li dejjem jeħel il-Gvern għax m'hu qed jagħmel xejn filwaqt li t-turist dejjem jiżfen fin-nofs. Ikollok il-ġlied bejn l-UBS u l-operatur u l-ġlied bejn l-istess membri ta' l-UBS! Kellna l-każ ta' fees tat-trasport bejn Malta u Għawdex fejn Malti kien iħallas Lm1 u turist iħallas Lm1.50! Din fejn issibha? Kellek il-kwestjoni ta' liberalizzazzjoni li kulħadd igħid li jridha, imma mhux f'daru! Jekk jiġi tal-hotel jgħidlek biex nilliberalizzaw fuq il-buses u fuq il-coaches. Il-gwidi jgħidulek biex toħroġ il-liċenzji fuq il-gwidi. Imbagħad fuq is-sodod ikun hemm min igħidlek biex jekk jista' jkun ma nżidux ħafna għax diġa' għandna biżżejjed. Jiġu tal-coaches u jgħidulek l-istess! X'se nagħmlu? Imbagħad jiġu l-gvernijiet - mhux qed ngħid dan u ta' qablu, imma għaż-żewġ gvernijiet - u jagħmlu l-paprati bħal fil-każ tal-liberalizzazzjoni. Jekk nitkellmu fuq trasport, hemm il-każ tal-coaches fejn il-UBS u l-Gvern jiffirmaw li dan għandu jiġi liberalizzat biex imbagħad jekk tħares lejn x'kien qed jiġri fil-Gozo Channel issib li din bdiet bħala privat, bil-Gvern jieħu 50% sehem magħhom, u l-idea tal-gvern ta' warajh kienet li jixtriha kompletament il-privat, biex b'hekk il-Gozo Channel tispiċċa monopolju u allura jkollok żewġ affarijiet taħt l-istess umbrella tat-trasport fejn wieħed se jiġi liberalizzat u l-ieħor se jiġi monopolizzat.
La qed insemmi lil Għawdex nixtieq nagħmel appell għax ma nistgħux nibqgħu bl-attitudini li l-liġi titlaq u tasal saċ-Ċirkewwa biss u miċ-Ċirkewwa 'l hemm il-liġi tegħreq. Mhux qed taħdem is-sistema fuq tal-coaches fejn operatur li jitlaq minn Malta jrid iniżżel lil kulħadd iċ-Ċirkewwa biex imbagħad ikomplu bil-coaches Għawdxin. Jien jiddispjaċini għall-Għawdxin għax għandhom prodott tajjeb u ħaqqhom aħjar. Dawn igergrulek għax it-turist qed imur Għawdex bħala day visitor biss u fuq dan qed jgħiduli li l-operaturi Maltin mhux qed jaħdmu sew. Kif ma jindunawx li hekk jaqblilhom li jsir? Jien ngħid li l-operaturi Maltin jibagħtuh dik il-ġurnata ġewwa Għawdex għax veru jkun irid imur it-turist, għax kieku lanqas jibagħtuh. Operatur Malti jaf li jekk se jitlaq lit-turist minn idejh u jibagħtu tlett ijiem Għawdex, mela dawk it-tliet ijiem se jkun tilifhom. Ara kieku jħallu lill-operatur Malti jitla' bihom u jibqa' jaħdem u jdur bihom hu, allura aktar ikollu inċentiv li jitla' bihom Għawdex u b'hekk igawdi kulħadd. Veru, forsi jkun hemm wieħed li jitlef imma mbagħad se jgawdu għaxra. Dawn huma l-affarijiet li rridu naraw. Jiena ma nemminx li l-Għawdxin għandhom jingħalqu daqshekk. Jien ma jinteressanix jekk min se jġorr lit-turist ikunx Għawdxi jew Malti imma li jinteressani hu li fil-ġlieda ta' bejniethom ma jispiċċax jitlef it-turist. Per eżempju, lit-turist jagħtuh trip ta' ġurnata u għax għandu iktar minn vjaġġ wieħed jitlaqhom sagħtejn waħedhom biex imur jiġbor lil tal-fabbrika u ta' l-iskola. Din mhijiex serjeta!. Għandu mnejn li jiena se ninbagħad b'dan id-diskors imma lest li ninbagħad għax jekk kulħadd se joqgħod iħares l-interess ta' Ċikku u l-interessi ta' Peppu filwaqt li l-interess tat-turist ma jħarsu ħadd, in the long run kulħadd se jitlef.
Nixtieq nitkellem ftit fuq attrazzjonijiet. Hija sfortuna li kull min irid jinvesti f'Malta jagħżel li jinvesti f'sodod u f'hotels. Illum spiċċajna li għandna capacity kbira ta' sodod biex imbagħad għandna nuqqas kbir ta' attrazzjonijiet. Sar ħafna xogħol tajjeb fejn tidħol storja u kultura, imma nemmen ukoll li l-istorja u l-kultura waħedhom mhumiex biżżejjed. Irid ikollna prodott b'dehra iktar ġdida u iktar moderna li tappella anke lil familji li jiġu bit-tfal żgħar. Familja bit-tfal magħha kemm se ddum iddur mużewijiet u archeological sites? Jiena narah anke minni għax jekk jiena tlaqt għar-rasi jew mal-mara, dawn l-affarijiet tieħu gost tmurhom u tagħmilhom, imma jekk tieħu t-tfal miegħek kemm se ddum iddur dawn il-mużewijiet? Jekk ma jeħdux gost it-tfal tispiċċa biex lanqas tieħu gost inti. Meta qed ngħid attrazzjonijiet mhuz qed nistenna xi Disney World oħra jew xi Disneyland oħra imma jien qed ngħid għal attrazzjonijiet żgħar għal family entertainment bħal, water sports, xtut aħjar u events iktar attraenti. Mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa li se tgħarraq l-ambjent jew li se tgħarraq il-kultura.
Ladarba qed insemmu l-ambjent, hemm ħafna deċiżjonijiet x'jittieħdu f'dan ir-rigward u xi ħadd irid jeħodhom. Kemm se ndumu niddiskutu jekk f'Malta għandux ikollna golf course jew le? Kemm se ndumu niddiskutu jekk f'Malta għandux ikollna ċertu tipi ta' water entertainment? Qed jiġri li l-bibien jibdew jingħalqu quddiemek anke jekk tiġi biex tirranġa sempliċi beach. Jiena nemmen li kulħadd irid jibda jiġbed naqra l-ħabel u xi ħadd irid jibda jieħu deċiżjonijiet, għax inkella se nerġgħu lura għal li konna. Jiena nista' ngħid li s'issa sibt ħafna koperazzjoni kull fejn mort u nispera li din nibqa' nsibha. Rigward l-infrastruttura u l-ambjent, diġa' tkellimna u kulħadd jaf - għalxejn noqogħdu nerġgħu nirrepetu - il-bżonn li jrid isir xi ħaġa. Meta l-Onor. Refalo kien qed jgħid li tela' Buġibba u tkellem ma' xi ħadd kien qed igħid għalija, għax jiena u hu konna tkellimna. Qalli: Isma', hawnhekk mhux se jirnexxilek għax m'għandekx pjan. Imbagħad jien għidtlu li m'għandniex noqogħdu nagħmlu pjanijiet jew rapporti li jdumu. Mela biex tnaddaf triq trid tagħmel pjan? Mela biex tirranġa bankina jew tagħmel area bit-tarmac trid tagħmel xi rapport? Allura kull fejn saru toroq bit-tarmac kien hemm xi pjan qabel? Jiena ma nixtieqx nerġa' naqa' f'dawk l-abbissi li nerġgħu nispiċċaw bir-rapporti imma fejn hemm bżonn li jsiru l-affarijiet dawn għandhom isiru. Lanqas irrid li xi ħadd jeħodni f'kantuniera, jiftaħli l-basket u jgħidli: Ara l-pjan ta' Buġibba kif inhu diġa' lest! Jien mhux il-pjan ta' Buġibba fil-basket irrid nara, imma x-xogħol li sar f'Buġibba minn meta sar dak il-pjan! Jien għalhekk qed ngħid: Isma', ejjew nitkellmu sew flimkien. Jien mhux qed ngħid li mhux qed nagħmlu sew jew li intom m'għamiltux sew għax jien li jinteressani biss huwa li naraw x'hemm ħażin ħalli nirranġawh.
Fuq l-ospitalita' ilna ngħidu ħafna affarijiet li rridu ntejbu u nagħmlu aktar l-awareness fuqha. Jien ngħid tajjeb li kien hemm programm ta' awareness li beda s-sena l-oħra, imma again dan beda f'Marzu ta' l-1995 u l-aħħar reklamar li kien sar kien f'April ta' l-1995. U jekk se nitkellmu fuq awareness, l-ewwel nies li rridu nkunu aware mill-importanza ta' dan is-settur huwa aħna stess, inkluż kull wieħed minna li hawn hawn ġew, għax jekk lanqas aħna m'hu se nkunu aware ta' dan is-settur - kull ministru u kull dipartiment - allura m'aħniex se mmexxu. Mela ejjew nagħmlu self-awareness aħna, ejjew nibdew nimbuttaw il-karrettun aħna, mbagħad ħalli noqogħdu ninħlew biex nagħmlu lil ħaddieħor aware mill-importanza ta' dan is-settur.
Xtaqt ngħid xi ħaġa wkoll fuq il-problema ta' human resources, Mr Chairman. Din il-problema li ma tistax tikkwantifikaha u it's about time li nieħdu ċerta azzjoni. Human resources audit għad m'hemmx. Fittixt imma ma sibtu mkien u jien naħseb li din hija waħda mill-affarijiet l-aktar urġenti li rridu nagħmlu. Sfortunatament u fortunatament fl-istess ħin għandna ħafna part-timers f'dan is-settur u qed ngħid "sfortunatament" għax dawn ma jistgħux jagħtuk servizz professjonali imma "fortunatament" ukoll għaliex dawn iżommuk daqsxejn ... Id-dnub hu li ftit qed jersqu nies ġodda lejn dan is-settur u dan għaliex fih il-problemi. Dan mhux billi tgħid: Isma' ħalli mmur naħdem f'hotel għax imbagħad għandek il-ħinijiet, is-seasonality, il-job security u kondizzjonijiet oħra. Din il-problema jrid jidħol fiha sew il-privat biex forsi xi darba naqbdu nsolvuha. Għawdex għandhom problema ikbar għal dik li hija human resources. Veru li l-ITS kien pass tajjeb u qed jagħti riżultat, imma fl-opinjoni tiegħi dan mhux qed ikun biżżejjed u dan mhux għax bħalissa hemm 200 student biss, imma iktar minn hekk - u jien kelli diskussjonijiet ma' l-istess studenti fuq dan - għax l-impressjoni ta' l-istudenti stess hi li l-ITS spiċċa iktar bħala skola ndirizzata lejn hotels milli lejn is-settur turistiku. Imbagħad għandek il-problema ta' l-ilmenti fis-sens li l-industrijalisti jilmentaw li l-ITS mhux qed joħroġ biżżejjed studenti u l-istudenti jilmentaw li meta jikkwalifikaw mill-ITS, il-privat mhux qed jagħtihom jobs biżżejjed . Jien tlabt lin-nies tiegħi jagħmlu stħarriġ u għalkemm tawni xi dettalji dawn ma kenux kompleti u allura għidtilhom biex jaraw kemm ħarġu studenti f'dawn l-aħħar ħames snin u f'liema hotels qegħdin jaħdmu. Dan nixtiequ biex meta nitkellmu mal-privat ngħidulu: Isma' int għandek raġun titkellem hekk għax f'dawn il-ħames snin ħarġu elf student u mpjegajthom kollha. Jew inkella ngħidulu: Isma' m'għandekx raġun titkellem hekk għax f'dawn l-aħħar ħames snin ħarġu elf student u mpjegajt 60, 100 jew 200 biss. Imma jrid ikollna xi ħaġa li nibbażaw l-argument tagħna fuqha. Jien nemmen li l-ITS m'għandux jibda jagħti kors lill-istudent imbagħad l-institute ma jkunx jaf x'sar mill-istudent. Jien ngħid li għandu jkun hemm follow-up ta' fejn qed jispiċċaw dawn l-istudenti.
Bil-Mediterranean Conference Centre għandna ġawhra li fih potenzjal kbir. Hawnhekk jien m'inix kuntent li ġawhra bħal dik, b'potenzjal bħal dak, ma jagħtix revenue hu lill-gvern, imma għall-kuntrarju jieħu Lm200,000 fis-sena bħala sussidju. Imbagħad meta titkellem magħhom u tistaqsihom kif ikunu marru, jiġu jgħidulek li qalgħu Lm20,000 f'sena li jkun ifisser li mill-Lm200,000 li jkun tahom il-gvern ikunu nefqu biss Lm180,000 u allura l-Lm20,000 jidhru li jkunu qisu qalgħuhom. Diġa' qed jitħejjew xi pjanijiet biex dan il-potenzjal nisfruttawh iktar. L-ikbar problema hi li hemm żewġ tipi ta' staff, jiġifieri hemm parti li qegħda direttament mal-Mediterranean Conference Centre, u mbagħad għandek il-parti governattiva bil-konsegwenza li l-kondizzjonijiet tax-xogħol taż-żewġ partijiet mhumiex l-istess.
X'inhuma Il-miri u l-prijoritajiet tagħna għall-ġejjieni? L-għan immedjat hu li nżommu d-downward trend li qabad dan is-settur. Irridu nagħmlu wkoll pjan turistiku li jagħti direzzjoni ċara. Il-privat se ninvolvuh jew mhux se ninvolvuh? Se nerġgħu nagħmlu kif għamilna fl-1989 meta ħareġ il-masterplan meta dan la ppubblikajnih, la ġibnih u la ddiskutejnih fil-Parlament u lanqas kien jaf bih il-privat. Le, aħna m'aħniex beħsiebna nagħmlu hekk. (Interruzzjonijiet). Jien ma naħsibx li daħal fih. Daħal qabel ma sar u meta sar intilef!
Qalli li rridu naħdmu fuq l-awtorita' tat-turiżmu. Qalli: Iva, għandek kollox lest fuq l-awtorita' tat-turiżmu għax il-file ilu hemm tliet snin imma qatt ma beda jiġi diskuss. Aħna diġa' bdejna u qed inlaqqgħu lill-associations u lestejna questionnaire biex naħdmu fuqu u allura din m'hijiex xi ħaġa fejn diġa' lest kollox. Fejn qegħda l-awtorita' tat-turiżmu? Fil-file ġol-kexxun, hux! (Interruzzjonijiet) X'differenza! L-involviment tal-privat qed insemmuh u qed nattwawh. Diġa' beda x-xogħol fuq ħafna oqsma, kif diġa' għidt u saru ħafna laqgħat fejn kien hemm bdil ta' ideat. Kulħadd jaf fejn aħna rridu mmorru u kulħadd jaf fejn irid jersaq it-turist. Tkellimna diġa' biex intejbu l-istatistika għax hemm bżonn li l-istatistika tkun iktar reali, iktar estensiva u li ssir iktar fil-ħin. Bħalissa għadna qed nistennew it-tagħrif għax għad hemm xi backlog ta' xi sitt xhur biex imbagħad kulma nieħdu mill-istatistika huwa sempliċement in-numru. Ħadna deċiżjoni fejn ħabbarna li l-inċentiv fiskali se jibqa' hemmhekk. Kif wegħdna lis-settur turistiku, ħabbarna li se titnaqqas il-VAT għal kif kienet qabel. Il-World Tourism Organisation Centre sejjer fi Spinola u meta għal dak in-Lm0.5 miljun, dawk mhux sejrin għal-WTOC għax għal dan hemm Lm30,000 ivvotati. (Interruzzjonijiet) GĦal dawk in-Lm0.5 miljun li ġejjin mill-fondi tat-Taljani għandna proġett ieħor. Bdejna ix-xogħol fuq iż-zoni turistiċi u għandi pjaċir inħabbar li jekk, il-Bambin irid , il-ministeru issa se jmur fl-Auberge d'Italie.
Fil-ftit tal-ħin li fadalli nixtieq ngħid xi ħaġa fuq l-Air Malta. Jien ma nistax nifhem kif hawn min ikun qed joħlom ċerti l-affarijiet. L-Air Malta jaħsbu li qed immexxiha jien u l-General Workers' Union. Minn barra hekk tidher! Mela tafu tarawhom l-affarijiet!
Qed jinkitbu ħafna artikli bla sens fuq ċerti gazzetti biex jagħmlu l-ħsara. Lilna jgħidulna: Oqgħodu attenti x'tiktbu fil-gazzetti għax tagħmlu l-ħsara, imbagħad huma joħorġulek tliet faċċati li ħlief ħsara ma jagħmlux! Jien nixtieq niċċara xi affarijiet hawnhekk. Darba deher artiklu fejn jingħad li jiena erġajt offrejt iċ-chairmanship lil Tabone u dan ma aċċettahiex. Jiena niċħad kategorikament dak li deher f'dan l-artiklu. Dan kien qabad u telaq hu u jiena qatt ma erġajt offrejtlu u allura hu qatt ma seta' rrifjuta. Fuq dan il-bniedem, l-ex-Prim Ministru għadu kemm qalilna kemm hu onest u effiċjenti - imma dak x'jaħseb hu, għax wara kollox hemm min jaqbel miegħu u hemm min ma jabbilx. Li naf hu li dan huwa accountant tajjeb u accountant tajjeb - ġaladarba l-Onor. Psaila Savona semma l-ħofor - illum kapaċi jagħmillek ħofra daqs dinja u l-għada jerġa' jgħattihielek!
Issa ħalli naraw l-istorja tal-bdil ta' l-accounts fejn ingħad illi kien hemm xi ħadd iġiegħel il-Bord tad-Diretturi. Din hija gidba mill-bidu sa l-aħħar; kjas sħiħ biex jagħmel ħsara biss. Anzi aħna qgħadna kwieti. Irrid ngħid li kienu direttur u l-management illi ridu jerġgħu jaraw l-accounts għax qed jallegaw illi hemm ħafna profitti li m'humiex reali. Dawn lili kellmuni u jien ma kontx ta' l-opinjoni li noqgħod nibdel dawn l-affarijiet. Peress li dan id-direttur u l-management riedu jidħlu sew f'dawn l-accounts u riedu jagħtu spjegazzjoni għal liema raġuni l-profitti m'humiex reali, ħallejna kollox f'idejn l-awditur. Hawnhekk ma qabbadnix awditur minn barra biex imbagħad toqogħdu tgħidulna: Dażgur! Qabbadtu lil dak jagħmel ir-rapport f'xahar. Kulma hemm għamluh u kitbuh awdituri ta' Air Malta li huma l-awdituri barranin ta' Coopers and Lybrand illi ilhom hemmhekk minn żmien il-Gvern Nazzjonalista u għalhekk jien ċert li ħadd ma jista' jgħid li lil dawn dawwarnielhom idejhom biex jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa li ridna aħna. Imma aktar mill-bdil ta' l-accounts u ta' l-audit accounts - għax dawn x'differenza se jagħmlu - dawn ħarġu financial report, liema financial report juri l-istat finanzjarju ħażin li ġab lil Air Malta fih min hu onest u effiċjenti! Kienet irresponsabbilta' kbira illi dawn l-audited accounts joħorġu fuq gazzetta meta għadhom lanqas biss tressqu quddiem ix-shareholders. Dik irresponsabbilta!
Issa se nipprova nispjega fejn hija din il-ħofra kbira ta' Air Malta u kif pprovaw jgħattuha billi nitkellem fuq il-core business għax jekk l-Air Malta ma taqlax minn fuq it-titjiriet tagħha minn fuqhiex tridha taqla! Huwa unur għal Air Malta li titlef minn fuq it-titjiriet, minn fuq il-core business tagħha biex imbagħad tagħmel tajjeb għal dak it-telf għax tkun qed topera hotel? Mela allura lil Air Malta nitfagħha hotel operator għax dak li jkun hemm bżonn biex imbagħad ngħidu kemm hu iktar effiċjenti. Sakemm daħal is-Sur Tabone, fil-core business l-Air Malta kienet qed tagħmel sa Lm7.8 miljun profitt minn fuq it-titjiriet, imma mbagħad minn dak inhar sa din is-sena dejjem għamlet telf. Fl-1994 tilfet kważi Lm1 miljun, fl-1995 tilfet kważi Lm2 miljun, fl-1996 tilfet kważi Lm4 miljun u għas-sena li ġejja huwa smat li se titlef Lm4.5 miljun. Imma l-figuri li jidhru fuq il-kotba mhux qed juru dan it-telf. Ħalli naraw x'juru sena b'sena. Fl-1994 l-AirMalta mill-core business tilfet Lm1 miljun, pero' fuq il-kotba qed turi profitt ta' Lm5.4 miljun. Għaliex? Għaliex dik is-sena inbiegħu l-ajruplani u l-Air Malta daħħlet Lm5.5 miljun minn dan il-bejgħ li bihom għattiet it-telf fuq il-core business. Mal-bejgħ ta' l-ajruplani daħlet ukoll il-profitti tas-sussidjarji u allura iktar tela' l-profitt fuq il-karta. Fl-1995 l-Air Malta tilfet Lm2 miljun mill-core business tagħha imma l-kotba qed juru profitt ta' Lm4.2 miljun. F'dik is-sena kien hemm ukoll tibdil fil-policy tad-depreciation u fejn qabel kienu jiddipprezzaw l-ajruplani fuq perijodu ta' għaxar snin, dik is-sena ddeċiedew li jibdew jagħmlu d-depreciation fuq perijodu ta' 12-il sena. Mela l-Air Malta on paper rebħet Lm3 miljun sempliċement għaliex dawwret il-perijodu tad-depreciation. Barra minn hekk, l-Air Malta daħlet Lm4 miljuni mill-UTR - biljetti li jkunu tħallsu imma ma ntużawx. Minn dawn jinbiegħu tant kull sena imma m'għandekx garanzija li se tiġborhom kollha għax hemm il-possibbilta' li ċerti nies imorru jitolbu l-flus tagħhom lura, imma l-Air Malta, biex ma turix it-telf ta' Lm2 miljun, dawn żidithom mal-qligħ tagħha. Mela kellha telf ta' Lm2 miljuni ġabret Lm3 miljun mid-depreciation policy, ġabret mill-UTR u se turi profitt ta' Lm4 miljun. Aħna se nkomplu sejrin hekk, nidħku bin-nies? Nidħku bejnietna u kulħadd joħroġ jiddandan u l-istorja tibqa' għaddejja!
Fl-1996 mill-core business l-Air Malta tilfet Lm4 miljun u wara li rranġaw dawn l-affarijiet fuq il-kotba xorta waħda se jidher telf ta' Lm1.6 miljun. Dawn huma l-affarijiet li rridu nispjegawlhom lin-nies. Din hi l-ħofra! Imbagħad, sopra corna bastonate għax tkun qed turi dan il-profitt finta jiġi tat-taxxa u jgħidilha: Isma', trid tagħtini t-taxxa fuq dan il-profitt. U jkollha tagħtih it-taxxa. Jiġu wkoll ix-shareholders u jgħidulha: Isma', trid tagħtina d-dividends fuq dawn il-profitti. U jkollha tagħtihom id-dividends u b'hekk s-salib ikompli jikber. GĦandna niddandnu bl-assets li ġabret l-AirMalta, iva veru, imma ejja ngħidu bid-dejn ukoll. Mill-1993 għall-1997 id-dejn tela' b'Lm34 miljun u dan kellu jagħmel tajjeb għalih il-Gvern għaliex l-Air Malta, tant hi b'saħħitha skond Joe Tabone, li fejn qabel kienet tiddejjen u tissellef u tagħmel garanzija hi stess ,issa, minn żmien Tabone 'l hawn kellu joqgħod jagħtiha l-letter of comfort il-Gvern. U dan onest u effiċjenti, aħseb u ara kieku ma kienx effiċjenti dan! Is-sussidjarji fl-1993 kienu qed jaqilgħu Lm1.6 million filwaqt li fl-1996 il-qligħ tas-sussidjarji naqas fin-nofs, jiġifieri Lm0.8 million. Imbagħad jieħu għalih għax tgħidlu biex nagħtu l-istampa kollha ta' l-Air Malta!
Hemm ukoll l-aspett ta' human resources fejn jagħmillek kuntratt u jgħidlek li mal-kuntratt trid tagħtih an undated letter of resignation. Trid tara wkoll kif jittieħdu d-deċiżjonijiet! Jagħmel xhur ma jkellimx lill-management, imbagħad ikun irid deċiżjoni jekk hux se jibda l-hubbing jew jekk hux se jbiegħ l-ajruplani l-Boeing u jgħaddi karta bħal din u li tgħidlek:
"We have discussed the regional jet issue for several months. We now have to make a final decision. Please tell me what your final decision is. Should Air Malta venture into the hub business?"
u jagħtik yes or no u taqtalgħu waħda.
"Should Air Malta dispose of the Boeings? Yes or No.
U taqtagħlu waħda. B'dan il-mod kien jaħdem iċ-chairman li kien hemm mal-group heads!. Dik is-serjeta' u l-effiċjenza li ħallejtulna fl-Air Malta! Mill-operations ibiegħ erba' Boeings biex idaħħal erba' ajruplani RJ's fejn bħala seat capacity biss tlifna 220 seat, jiġifieri, b'din il-biċċa exchange li għamilna naqqasna kawżi żewġ arjuplani. Imbagħad il-Boeings li begħna nerġgħu mmorru nikruhom, għax l-RJ's mhux qed jaqduna tajjeb. Imbagħad għall-istrateġija tax-xiri. L-ewwel nixtru l-ajruplani, imbagħad nagħmlu l-pjan, u l-istrateġija. Allura l-istrateġija qed isir biex tiġġustifika x-xiri ta' l-ajruplani! Allura biex se tiġġustifikahom billi tiftaħ ħafna rotot u billi kulħadd jiftaħar bir-rotot li fetaħ. Fejn qegħdin ir-rotot li fetaħ?
Ir-rotot kollha kienu qegħdin jinħadmu mill-Air Malta bħala charters u li ġara kien li minn charter inqalbu għal schedule. Id-differenza hi li fejn qabel b'charter kien jieħu r-riskju l-operatur issa r-riskju qed tieħdu l-Air Malta. Tfajna capacity qawwija fejn għandek domanda baxxa bir-riżultat li telgħu l-costs u niżel ir-revenue. Ir-rotot il-ġodda kollha marru ħażin ħlief għal xi tnejn u bħala eżempju se nsemmi r-rotta ta' Barċelona u Madrid fejn f'sentejn tilfu mijiet ta' eluf fuqha u fil-fatt din is-sena kellhom jagħlquha.
Dwar l-istorja ta' l-Azzura Air mhux se noqgħod nidħol jekk hix tajba jew jekk hix ħażina, imma J'Alla l-Bambin jibagħta tajba! Kull m'hu se ngħid hu li kemm l-Air Malta kif ukoll il-Gvern daħlu għal spejjeż u għal commitments kbar. Imbagħad l-Air Malta, wara l-esperjenza qarsa li għaddiet minnha bl-erba' RJ's li kienet xtrat qabel, kienet se terġa' tmur tixtri tlett RJ's oħra bi prezz ta' madwar 80 miljun dollar. Jekk joġgħbok l-ewwel kienu jinxtraw l-ajruplani mbagħad, xhur wara, jiġi finalizzat l-ftehim ma' l-Air Malta. Ara hawnx xi ħadd li jagħmel in-negozju hekk, jiġifieri l-ewwel nixtri imbagħad nifferma l-agreement jekk hux se nikrihom jew le.
M'għandix ċans noqgħod nidħol fuq is-sensiela ta' consultancy u kuntratti diretti li ħarġu dejjem lill-istess kumpanniji u lill-istess ħbieb. Lanqas se noqgħod nidħol fuq il-pika bla bżonn li kienet tidħol fiha l-Air Malta mas-sussidjarji tagħha bħal, per eżempju, it-trouble li nqala' mas-Selmun Maritim u t-trouble li nqala Hal Ferħ, żewġ subsidiaries li filli kienu qed jagħmlu l-profitt u issa bejniethom se jispiċċaw jitilfu mal-Lm270,000. Rigward l-istorja ta' l-Air Malta, tibżax aħna m'għandniex għaġla u din mhux se tieqaf hemm.
Mr Chairman, jien nixtieq nikkonkludi billi ngħid li l-iskop prinċipali tagħna f'dan is-settur hu li l-ewwelnett ngħollu l-kwalita' tal-prodott u tas-servizz bla ma nitilfu l-kompetittivita' tagħna biex b'hekk dejjem inkabbru l-frott ekonomiku. Hawnhekk irridu noqogħdu attenti li dan l-iżvilupp issir mingħajr ma nissagrifikaw l-aspett ambjentali, soċjali u kulturali tagħna. Fl-aħħarnett, nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk l-għaqdiet kollha, lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor huma konnessi ma' dan is-settur u lil dawk in-nies li qed jaħdmu miegħi fil-qrib għall-appoġġ, il-pariri u l-opinjonijiet tagħhom. Grazzi.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin tad-diskussjoni fil-Kumitat tal-Provvista.
Il-mistoqsija hi l-emenda għall-Vot 30 mressqa mill-Onor. Michael Refalo. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
Il-mozzjoni ma għadditx.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 din id-Division tittieħed minn hawn u ħames minuti oħra.
Billi intalbet votazzjoni l-Kumitat ġie sospiż fid-9.30 p.m. u rriżuma ħames minuti wara.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Se nerġa' npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi l-emenda għal Vot 30. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
L-emenda m'għadditx.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Hawn xi ftehim fuq il-pairing? L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Min-naħa tal-Gvern hawn tlieta msiefrin fuq xogħol konness mal-Council of Europe, ċioe' l-Onor. Karl Chircop, L-Onor. Maria Camilleri u l-Onor. Alex Sceberras Trigona.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Min-naħa ta' l-Oppożizzjoni hemm l-Onor. Guido de Marco, l-Onor. John Vella u l-Onor. Edwin Vassallo.
VOTAZZJONI NRU. 7
FAVUR : 31
L-Onor
Abela Tony
|
Galea Pace Victor
|
|
Agius Francis
|
Gatt Austin
|
|
Bonnici Josef
|
Gonzi Lawrence
|
|
Bonnici Michael
|
Hyzler George
|
|
Borg Joe
|
Mifsud Bonnici Antoine
|
|
Borg Tonio
|
Mugliett Jesmond
|
|
Cassar Joe
|
Muscat Claude
|
|
Dalli John
|
Muscat Richard
|
|
D'Amato Helen
|
Psaila Savona Joe
|
|
Debono Giovanna
|
Pullicino George
|
|
Deguara Louis
|
Pullicino Orlando Jeffrey
|
|
Farrugia Jean Pierre
|
Refalo Michael
|
|
Fenech Adami Eddie
|
Tabone Anton
|
|
Frendo Michael
|
Zammit Ninu
|
|
Galea Censu
|
Zammit Dimech Francis
|
|
Galea Louis
|
|
|
|
|
KONTRA : 32
L-Onor
Abela Carmelo
|
Farrugia Noel
|
Abela Joseph
|
Grech Edwin
|
Agius Chris
|
Gulia Gavin
|
Attard Montalto John
|
Herrera Jose'
|
Bartolo Evarist
|
Mangion Charles
|
Borg Karmenu
|
Mintoff Dom
|
Brincat Leo
|
Mizzi Joe
|
Buhagiar Charles
|
Pace Bertu
|
Buhagiar Louis
|
Portelli Alfred
|
Cardona Chris
|
Refalo Anton
|
Cilia Joe
|
Sant Alfred
|
Dalli Helena
|
Schembri Adami Sandro
|
Debono Grech Joe
|
Spiteri Lino
|
Farrugia Anglu
|
Vassallo Adrian
|
Farrugia Joe
|
Vella George
|
Farrugia Michael
|
Vella Karmenu
|
L-Emenda m'għaddietx.
L-emenda ma għaddietx.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Se npoġġi issa l-mistoqsija fuq il-Voti tal-Ministeru għat-Turiżmu.
VOT 30 - MINISTERU TAT-TURIŻMU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm2,501,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 30 - Ministeru tat-Turiżmu, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-riżoluzzjoni taħt il-Vot 30 għaddiet.
THE DEPUTY CHAIRMAN:
VOT VI - MINISTERU TAT-TURIŻMU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm5,901,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot VI - Ministeru tat-Turiżmu, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-riżoluzzjoni taħt il-Vot VI għaddiet.
Fid-9.38 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-Viċi President tal-Kumitati rrapporta li l-Voti 30 u VI taħt il-Ministeru tat-Turiżmu kienu ġew approvati mill-Kumitat ta' Provvista.
MADAM SPEAKER: Sar il-ħin. Jekk jogħġbu, il-Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent iressaq l-Aġġornament.
AĠĠORNAMENT
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar il-Ġimgħa, 31 ta' Jannar, fid-9.00 a.m. b'din l-aġenda:
Mozzjonijiet
Mozzjoni ta' Proċedura dwar l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar it-Tarzna ta' Malta.
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta' Liġi dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji - it-Tieni Qari (Kont.).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta'Jannar, 1997 il-Kamra hija aġġornata għal nhar il-Ġimgħa, 31 ta' Jannar, fid-9.00 a.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fid-9.39 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija skond il-Mozzjoni Nru 37 tal-15 ta' Jannar 1997.
Dostları ilə paylaş: |