Malta debates tal-kamra tad-deputati


KONFERENZA "FROM THE INKWELL TO THE KEYBOARD"



Yüklə 467,41 Kb.
səhifə7/8
tarix16.01.2019
ölçüsü467,41 Kb.
#97520
1   2   3   4   5   6   7   8

KONFERENZA "FROM THE INKWELL TO THE KEYBOARD"

2231. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatitx persuna jew delegazzjoni Maltija għall-konferenza "From the inkwell to the keyboard - How to network European schools" li ġiet organizzata fi Brussels f'Diċembru, 1996 mill-Kummissjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, min attenda?

ONOR. EVARIST BARTOLO: L-ebda uffiċċjal tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ma attenda din il-Konferenza.


LISBONA - PORTUGAL - "EXPO' 98"

2232. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk Malta għadhiex se tipparteċipa fl-Expo' 98 li se ssir ġewwa Lisbona - Portugal is-sena li ġejja? Jekk fl-affermattiv, jikkonferma li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija se jikkordina din il-parteċipazzjoni kif kien mitlub jagħmel dan il-kunsill mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Gvern preċedenti?

ONOR. ALFRED SANT: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

BORD TAL-KOPERATTIVI - CHAIRMAN

2233. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Chairman il-ġdid tal-Bord tal-Koperattivi talabx il-kunsens tiegħu biex keċċa ħaddiem mis-support unit tal-koperattivi?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak kollu li għamel iċ-`Chairman` tal-Bord tal-Koperattivi sar fuq parir legali li ngħata l-Ministeru tiegħi. Għalhekk nixtieq nassigura lill-Onor Membru li l-azzjonijiet taċ-`Chairman` kienu konformi mal-ħarsien tal-liġi. Ninformaħ ukoll li ċ-`Chairman` preċedenti tal-Bord tal-Koperattivi kellu konoxxenza ta` dak kollu li kien meħtieġ isir.

DIPARTIMENT TAX-XOGĦOL - RAPPORT MID-DIRETTUR

2234. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li ħejja d-Direttur tad-Dipartiment tax-Xogħol, liema rapport ġie msemmi mill-istess Ministru fis-Seduta Nru. 5 ta' dan il-Parlament (16/12/96)?

ONOR. EDWIN GRECH: L-Onor. Interpellant qed jagħmel referenza għas-`situation report` li kont tlabt minn kull direttur u kap tad-dipartiment tiegħi meta assumejt ir-responsabbilta` ta` Ministru tal-Ħarsien Soċjali.
Dawn ir-rapporti huma kunfidenzjali u ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nistax inpoġġi kopja fuq il-mejda tal-kamra.


PULIZIJA - PASSI KRIMINALI

2235. L-ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra is-sentenzi u l-proċessi tal-85 pulizija li bejn l-1980 - 1986 ittieħdu passi kriminali kontrihom kif spjegat fit-tweġiba parlamentari tiegħek ta' l-21/1/97?
ONOR. ALFRED SANT: Il-kopji tas-sentenzi li qed jitlob l-Onor. Interpellant, qed jiġu miġbura. Rigward il-proċessi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali.
FIERA TAL-KARRIERI

2240. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-fiera tal-karrieri li fi żmien il-Gvern ta' qabel kien jorganizzaha d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.


BDIEWA - KOMPOST

2245. L-ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet it-talba mill-bdiewa għall-kompost fl-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk ikunx hemm xi indikazzjoni kemm minn dan ġie mill-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' Sant'Antnin u kemm minn sorsi oħra?

ONOR. NOEL FARRUGIA: Jiena nfurmat li matul l-1996 tqassmu 1648 tunnellati ta' kompost lill-bdiewa. Dan il-kompost ġie kollu mill-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin.


AIR MALTA - "CABIN CREW"

2246. L-ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' "cabin crew" fl-Air Malta li qegħdin fuq kuntratt definit? Fuq liema kriterji jiġi estiż jew jiġi terminat dan il-kuntratt? X'inhi s-sitwazzjoni attwali?
ONOR. KARMENU VELLA: Fil-prezent l-AIR MALTA timpjega 34 cabin crew fuq kuntratt defenit, li jista'jigi estiz minn zmien ghal zmien, dipendentement fuq il-volum ta' traffiku.

15 mill-cabin crew fuq kuntratt defenit kienu ngaggati f'Marzu 1995 fil-waqt li 19 ohra bdew f'Gunju ta' 1996. Il-kuntratt ta'impjieg ta'dawn kollha jintemm fil-31ta'Jannar 1997.



Gie deciz illi l-ewwel hmistax jinghataw impieg permanenti.

AMBJENT - "TIDY BRITAIN GROUP"

2247. L-ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk id-Dipartiment ta' l-Ambjent jew dak li qabel kien is-Segretarjat għall-Ambjent kellux pjan flimkien ma' l-MSU, biex ikun implimentat programm simili għal dak tat-"Tidy Britain Group"?
ONOR. GEORGE VELLA: Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru li jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.


AMBJENT - TBATTIL TA' SKART INDUSTRIJALI

2248. L-ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 874 ċioe' jista' jgħid x'inhuma d-diffikultajiet li qed jiltaqa' magħhom id-Dipartiment ta' l-Ambjent u dak tad-Drenaġġ fl-implimentazzjoni tar-regolamenti ġodda dwar it-tbattil ta' skart industrijali fis-sistema tad-drenaġġ?

ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Qiegħed nassumi li r-regolamenti li qed jirriferixxi għalihom l-Onor. Interpellant huma "Environment Protection (Sewer Discharge Control) Regulations" tal-1993. L-għan ta' din il-Liġi hu li tikkontrolla l-kwalita' ta' l-iskart likwidu biex dan jiġi msoffi qabel ma'jilħaq ir-reċiklaġġ tad-drenaġġ li hu dak ta' Sant' Antnin u li għal issa għad mhux qed jieħu skart likwidu industrijali. Hu maħsub li fil-futur jiġu mibnija aktar mpjanti bħal dan biex id-drenaġġ kollu jiġi msoffi.
L-akbar problema li qiegħed jiltaqa' magħha d-Dipartiment huwa n-nuqqas ta' tagħrif fuq ir-regolamenti minn min jitfa' skart industrijali fis-sistema u għalhekk hemm nuqqas ta' miżuri biex dan l-iskart ma' jitħallix imur fis-sistema, kif ukoll nuqqas ta' nies fid-Dipartiment imħarrġa professjonalment għal dan ix-xogħol li qed jikkawża nuqqas ta' spezzjonijiet, "sampling" u "monitoring".


INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU - TINDIF MIT-TIFRIK TAL-VEJIKOLI

2249. L-ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 868 ċioe' billi ħafna drabi jiġri wara inċidenti tat-traffiku ta' ċerta entita' li fit-triq fil-post ta' l-inċident jibqgħu iż-żjut u l-frak tat-tifrik tal-vejikoli involuti għal ħafna żmien wara - bħalma għad hemm fl-inċidenti li ġraw fl-ewwel ġranet tas-sena, jista' l-Ministru jara li tidħol id-drawwa li minnufih isir it-tindif meħtieġ u mhux noqogħdu nistennew li dan isir miż-żmien u l-karozzi li jgħaddu mit-triq?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: It-tindif mitlub mill-Onor. membru dejjem sar mill-Pulizija.


AMBJENT - TBATTIL TA' SKART INDUSTRIJALI

2254. L-ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 874 u billi napprezza li t-tbattil ta' skart industrijali fis-sistema tad-drenaġġ hija responsabbilta' tat-Taqsima tad-Drenaġġ, meta għal dan ma jkunx hemm diffikultajiet. Meta jkun hemm u hemm il-possibilita' li tali skart jakkumula jew jintefa' post ieħor, nifhem li din is-sitwazzjoni kif se tiġi evitata ssir responsabbilta' tad-Dipartiment tal-Protezzjoni ta' l-Ambjent. Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fil-konsiderazzjoni ta' dan meta għaldaqsant se niġi mogħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 874, dejjem jekk jeżistu dawn id-diffikultajiet?

ONOR. GEORGE VELLA: Ma hemmx problemi li ma kienux mistennija meta tfasslet il-liġi. Prinċipaljament trid tinbena fuq linji professjonali il-unit li jaħdem dwar ir-regolamenti.
Huwa maħsub li problemi istituzzjonali u tekniċi (fl-industrija) jkunu resolti sakemm l-impjanti tat-tisfija jinbnew u jibdew jaħdmu.

KUMITAT INTER-MINISTERJALI

2261. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Billi l-Ministru iddikjara f'dan il-Parlament illi twaqqaf "Kumitat Inter-ministerjali flimkien mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali u mal-Ministeru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja sabiex isir eżerċizzju dwar dawk l-affarijiet li fuqhom għandna bżonn naħdmu b'mod koordinat biex intejbuhom" (Seduta Nru. 5 16.12.96), jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm-il darba ltaqa' dan il-kumitat inter-ministerjali u x'deċiżjonijiet u/jew inizjattivi ittieħdu sal-lum?

ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

SEGRETARJI PRIVATI - MEMBRI

2262. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Prim Ministru: Billi issa għaddew tliet xhur minn meta seħħet il-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż, u allura għandi nifhem li l-istruttura tas-Segretarji Ministerjali hi konsolidata, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex f'qagħda li jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 389?

ONOR. ALFRED SANT: Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 389.

PSC - "WARD CLERKS"

2263. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 475, jista' jispjega sewwa sew x'ried jgħid bil-frażi "wara li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku teżamina l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kap tad-Dipartiment konċernat?" Jista' l-Prim Ministru jserraħ ras l-applikanti li għaddew mill-eżami billi jikkonferma li xejn m'hu qed isir, fid-Dipartiment jew band'oħra, li jista' jfixkel il-proċess naturali ta' l-eżami u tal-ħatriet?

ONOR. ALFRED SANT: Skond il-proċedura stabbilita l-Bord tal-Għażla jrid jissottometti r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u jibgħat ukoll kopja lil Kap tad-Dipartiment biex dan ikun jista jagħmel il-kummenti tiegħu fuq ir-rapport jekk ikun il-każ u jirrakkomanda l-applikanti li jkunu għaddew skond ordni tal-mertu magħmul mill-Bord biex jimtlew il-postijiet battala.
Il-Kummissjoni wara li tkun irċeviet il-kummenti, jekk ikun hemm, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kap tad-Dipartiment, tkun tista' tgħaddi biex tikkonsidra r-rapport u, jekk ikun kollox sew, bil-pubblikazjoni tar-riżultat u bir-rakkomandazzjoni tagħha dwar il-ħatriet.
Nista ngħid illi r-rapport tal-Bord tal-Għażla diġa' qiegħed għand il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li, kif jaf l-Onor Membru, hija Kummissjoni ndipendenti li ma jindaħlilha ħadd u, għalhekk, il-biża li qiegħed isemmi l-Onor Membru ma jiftehimx.


TAL-QROQQ - PIXXINA NAZZJONALI

2264. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 296 li saret fl-10 ta' Diċembru, 1996?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Minn mindu nfetħet il-Pixxina tal-Qroqq, it-tmexxija kienet f'idejn Management Committee, magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern, ta' l-Universita' u tal-MOC.
F'Ottubru ta' l-1995 ġiet reġistrata kumpanija Malta University Sports Complex Limited bil-għan li tieħu f'idejha t-tmexxija tal-Kumpless kollu ta' l-isports ta' l-Universita' li jinkludi wkoll il-Pixxina u tmexxi dan bħala riżors Nazzjonali. Biex dan iseħħ, kien meħtieġ li l-ewwel jintlaħaq Operational Agreement bejn il-kumpanija u x-'Shareholders' tagħha li huma l-Gvern u l-Universita' fuq bażi ta' Business Plan.
Id-Diretturi, flimkien ma 'Cooper and Lybrand' lestew Business Plan li ġie ppreżentat lix-'Shareholders' f'Ottubru ta' l-1996. Sadattant peress li r-rappreżentanti tal-Management Committee kienu wkoll membri tal-Bord ta' din il-kumpanija, u l-kumpanija ma setgħetx topera kummerċjalment qabel ma jintlaħaq ftehim fuq l-Operational Agreement, il-Bord iddeċieda li l-membri tal-Management Committee jibqgħu jmexxu sakemm jintlaħaq dan il-ftehim u l-kumpanija tkun tista' tibda topera kummerċjalment.

L-Amministrazzjoni preżenti qiegħda flimkien ma l-Universita' tistudja l-Business Plan ippreżentat bil-għan li jsiru d-deċiżjonijiet meħtieġa.


L-istruzzjonijiet tal-Bord huma li dejjem ikun hemm tnejn minn nies bħala Water Guards fuq id-deck waqt li n-nies ikunu qegħdin jgħumu.
B'kollox il-Pixxina għandha sebgħa minn nies li għamlu kors fil-'First Aid' u f'Jannar hemm maħsub 'course' ieħor.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kontijiet tal-Pixxina mill-1994 sal-1996.


GĦAQDIET SPORTIVI

2265. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 498 li ta l-Ministru fit-13 ta' Jannar, jista' jekk jogħġbu jgħid jekk issa huwiex f'qagħda li jikkompleta t-tweġiba?
24/01/97

ONOR. EVARIST BARTOLO: Peress li d-dettalji mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 498 għadhom ma inġabrux għadu mhux f'qagħda li tingħata l-kumplament tat-tweġiba.


ĊENTRU NAZZJONALI TA' L-ARTI

2266. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 543 fit-13 ta' Jannar li għadda, jista' l-Ministru jgħid speċifikament għal liema istituzzjonijiet irrefera u x'se jagħmel konkretament il-Gvern biex, skond ma' stqarr il-Ministru fit-tweġiba, dawn l-istituzzjonijiet "jissaħħu"?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

RAĦAL ĠDID - FTUĦ TA' L-IPOĠEW

2267. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba ta mistoqsija parlamentari numru 571 li ta l-Ministru fl-14 ta' Jannar li għadda, jista' l-Ministru jikkonferma li meta semma' l-Ipoġew ta' Raħal Ġdid hu maħsub li jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku "f'Marzu jew April tas-sena d-dieħla", kien effettivament qed jifhem li l-Ipoġew se jinfetaħ "f'Marzu jew April ta' din is-sena"?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant lil-uffiċċjali tal-Mużewijiet għarrfuna li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 571 kellha tiftiehem 'għal madwar Marzu jew April ta' din is-sena'; jiġifieri ta' l-1997.


BIRKIRKARA - TRIQ F. GENESTE - TISWIJA

2271. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jinkludi fil-lista tat-toroq li jiġu ffurmati Triq F. Geneste, f'Birkirkara?
ONOR. CHARLES MANGION: Il-Kostruzzjoni ta' toroq ġodda mhix ir-risponsabbilita' tal-Kunsilli Lokali jew ta' dan il-Ministeru.
Għalhekk il-Onor.Membru hu mitlub jindirizza il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

QORTI - SENTENZA KOSTITUZZJONALI

2272. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: In vista tas-sentenza kostituzzjonali tas-17 ta' Jannar, 1997 li biha ġie deċiż li l-Kodiċi Ċivili, in kwantu ma jħallix lil ġenitur iktar minn terz tal-leġittima lil tfal illeġittimi, meta jkun hemm tfal leġittimi, jmur kontra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jidhirlux il-Ministru li sar iktar urġenti li jiġi propost l-abbozz ta' liġi ppreparat mill-amministrazzjoni preċedenti li jemenda il-Kodiċi Ċivili?
ONOR. CHARLES MANGION: "L-abbozz ta' liġi msemmi mill-Onor.Interpellant qed jiġi studjat mill-ġdid minħabba xi ħwejjeġ li jirrikjedu studju ulterjuri. Fost il-proposti li hemm fl-abbozz ippreparat taħt l-amministrazzjoni preċedenti, hemm dik illi tfal illeġittimi għandhom jibqgħu żvantaġġati f'każijiet ta' suċċezzjoni intestata. Din il-proposta flimkien ma' oħrajn trid tiġi studjata bir-reqqa qabel ma wieħed jipproċedi ulterjoment.

B'KARA - TRIQ PSAILA - TISWIJA

2273. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-diffikultajiet reali sabiex titranġa Psaila Street, B'Kara? Peress li ninsab informat li jkun għaqli li tinbidel ukoll is-sistema ta' kanen ta' distribuzzjoni ta' l-ilma fl-istess triq, hi spiża kbira, jistgħu għallinqas isiru xogħlijiet temporanji sabiex tissewwa din it-triq, imqar temporanjament?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Saru studji neċessarji għal biex titranġa Psaila Street u li jinkludu wkoll pjani sabiex jinbidlu l-kanen tad-distribuzzjoni ta' l-Ilma.
Fil-preżent qiegħed isir "Pilot Project" fi Triq Żabbar Road il-Fgura u mir-riżultat ottenut f'dan il-"Pilot Project" ikun jistgħu jsiru pjanijiet fit-tul għal lokalitajiet oħra nkluża din it-triq. Xogħol ta' manutenzjoni isir minn żmien għal żmien mid-Dipartiment tat-Toroq f'din it-triq.


ANZJANI - RESIDENZI

2274. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani residenti f'istituzzjonijiet tal-Gvern? Jista' jingħata "breakdown" istituzzjoni b'istituzzjoni?

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: In-numru ta` anzjani residenti f`istituzzjonijiet tal-Gvern huwa kif ġej;
Dar għall-Anzjani Numru ta` Anzjani
Furjana 29

Gżira 31


Mosta 63

Msida 47


Mtarfa 58

Żejtun 60



Residenza San Vincenz de Paule 1052 residenti.

PULIZIJA - KORS GĦAL SPETTURI

2275. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx ħsieb li jinfetaħ kors ieħor għal Spetturi, sabiex kandidati kwalifikati minn barra l-Korp tal-Pulizija ikunu jistgħu jsiru uffiċjali tal-Korp?

ONOR. ALFRED SANT: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar paragrafu tat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 428.
PITKALIJA - BEJGĦ

2276. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ mill-Pitkalija, ġimgħa ġimgħa fl-aħħar 12-il ġimgħa (mid-data tal-lum), u kemm kien il-bejgħ fl-istess perijodi fil-ħames snin preċedenti?

ONOR. NOEL FARRUGIA: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


PITKALIJA - XOGĦOL TA' MANUNTENZJONI

2277. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol ta' manutenzjoni sar fil-Pitkalija fl-aħħar tliet xhur; u jekk sarx xi intervent straordinarju f'xi proġett fil-Pitkalija fl-istess perjodu?

ONOR. NOEL FARRUGIA: Il-Ministeru ta' l-Agrikoltura b'ko-ordinazzjoni mal-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubblici u Kostruzzjoni ħa ħsieb biex il-Pitkalija ta' Ta'Qali tingħata dehra nadifa kif jixraq f'post ta' din ix-xorta.
Beda' x-xogħol ta' traqqiegħ ta' toroq li kienu fi stat ħazin. Sar xogħol ta 'rranġar ta' ħitan li kienu traskurati u mwaqqa'. Beda x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-'Cold Room' sabiex din tibda tintuża għall-iskop ewlieni li għalih kienet inbniet.
Sar sforz kbir biex it-tindif fil-Pitkalija jitjieb u jsir b'sistema moderna li saħansitra tinkludi tindif tat-toroq u l'platforms'regolarment, għal dan il-għan sar kuntratt bi prova mat-Taqsima tat-Tindif Pubbliku biex tibda tieħu ħsieb dan it-tindif. Ingħatat ukoll tindifa lis-Sezzjoni tal-Frott impurtat.
Fil-preżent qed ikomplu xogħolijiet ta' tindif tal-'area'għal-frott li kienet abbandunata matul dawn l-aħħar 10 snin biex tiġi utilizzata flok titħalla żdingata.


BDIEWA - SKEMA TA' SUSSIDJU

2278. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Rigward l-iskema li permezz tagħha bdiewa jingħataw sussidju ta' 4.5% fis-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati applikazzjonijiet mill-BOV u mill-Mid-Med Bank fl-aħħar tliet xhur (mid-data tal-lum)?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. membru li sat-23 ta'Ottubru 1996, l-Ministru ta' qabli mhux biss kien nefaq il-flus kollha li kien hemm ivvutati għal- għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u s-sajjieda għas-sena 1996, iżda wkoll b' mod irrisponsabbli approva għajnuna lill-bdiewa u sajjieda meta ma' kienx hemm flus għal dan il-għan.
Għal dawn ir-raġunijiet ma' kienx prudenti li jiena napprova applikazzjonijiet għall-għajnuna meta ma' kienx hemm flus.
B' dan kollu l-Politka tal-Gvern hija kommessa li tkompli tgħin lill-bdiewa u s-sajjieda kif sejjer inħabbar fil-budget minkejja d-diffikultajiet li writna.


SKEJJEL - TA' L-ISTAT/PRIVATI - "FACILITATOR"

2279. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2102 u r-risposta rilevanti, jista' l-Ministru jgħid b'mod ċar jekk jiddistingwix bejn talba għal "facilitator" minn skejjel ta' l-Istat u oħra minn skejjel privati ġaladarba fir-risposta tiegħu qal li "ma tiddistingwix bejn skejjel ta' l-Istat u skejjel tal-Knisja"? Jista' l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-ftehim bejn l-Eden Foundation u l-Gvern Malti li għalih rrefera l-Ministru fir-risposta tiegħu?
ONOR. EVARIST BARTOLO: 1. Kif jaf l-Onor. Interpellant jeżistu:
a) skejjel ta' l-istat;

b) skejjel tal-Knisja;



c) skejjel privati oħra.
Nirrepeti li kull talba għal servizz ta' facilitator fl-iskejjel ta' l-istat u l-iskejjel tal-Knisja tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha u mingħajr distinzjoni.
Din l-amministrazzjoni, bħal dik preċedenti, ma estenditx dan is-servizz lill-iskejjel privati l-oħra (mhux tal-Knisja).
2. Il-ftehim bejn l-Eden Foundation u l-gvern Malti kien ġie ffirmat fit-12 ta' April, 1996.

WTO - KONFERENZA MINISTERJALI

2280. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tal-Kummerċ: Wara l-ewwel Konferenza Ministerjali tal-World Trade Organization (WTO) li saret f'Singapore f'Diċembru 1996 u l-ftehim li sar biex jelimina t-tariffi fuq il-prodotti fil-qasam ta' l-informazzjoni teknoloġika, jista' l-Ministru jgħid x'pożizzjoni addotta jew se jaddotta l-Gvern Malti rigward dan il-ftehim?
ONOR. LEO BRINCAT: Rigward dan il-ftehim, il-Gvern Malti qiegħed janalizza f`livell tekniku d-dokument li qablu fuqu l-Ministru tal-Kummerċ fil-Konferenza ta` Singapore.
Il-Gvern qiegħed isegwi mill-qrib id-diskussjonijiet speċjalizzati li qed isiru f`Ġinevra biex tkun tista` tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta` l-iżviluppi fin-negozjati. Qed issir ukoll analiżi ta` l-istatistika relevanti biex jiġi assessjat l-impatt ekonomiku li jista` jkollu, kemm fuq is-settur li huwa orjentat għall-esportazzjoni, kif ukoll fuq dawk il-kumpaniji żgħar li huma orjentati għas-settur lokali.
Għalhekk, f`dan ir-rigward, il-Gvern ser jinvolvi lis-settur privat sabiex id-deċiżjonijiet fil-livell politiku, li jkun hemm bżonn jittieħdu fl-istadji kollha ta` dan il-proċess, ikun fl-aħjar interess tad-diversi industriji Maltin.


ŻGĦAŻAGĦ, SPORT U KULTURA - BDIL TA' L-EMBLEMA

2281. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jispjega l-ħtieġa li tinbidel l-emblema tas-Segreterija (Dipartiment) għaż-Żgħażagħ, Sport u Kultura kif indikat fl-avviż li ħareġ l-istess uffiċċju dwar kompetizzjoni pubblika għad-disinn ta' emblema ġdida?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Logo il-ġdid ta' Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti ġie deċiż li jinbidel biex jirrifletti l-oqsma kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet il-ġodda ta' dan is-Segretarjat, inkluża l-Arti. Dan it-tibdil sar ukoll bil-ħsieb illi tingħata opportunita' lill-artisti żgħażagħ ta' mhux aktar minn 35 sena li jkunu huma stess li joħorġu b'emblema li tirrappreżentahom.
Diġa' saret l-għażla tal-logo il-ġdid minn fost dawk li ssottomettew ix-xogħol tagħhom għal din il-kompetizzjoni imħejjija mis-Segretarjat.
B'hekk hu maħsub li l-logo il-ġdid tkun magħmul minn nies ikkonċernati u mhux imposta bħalma sar fl-imgħoddi.
Dalwaqt tiġi mħabbra l-logo rebbieħa ta' din il-kompetizzjoni wara li l-preparamenti tekniċi neċessarji jkunu finalizzati.

Yüklə 467,41 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin