Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 467,41 Kb.
səhifə1/8
tarix16.01.2019
ölçüsü467,41 Kb.
#97520
  1   2   3   4   5   6   7   8
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 17


It-Tlieta, 28 ta'Jannar, 1997

Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 17


It-Tlieta, 28 ta' Jannar, 1997

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.10 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 17
It-Tlieta, 28 ta' Jannar, 1997

WERREJ

MINUTI 181

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 181

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA 187

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 189

KUMITAT TA' PROVVISTA' 189

ESTIMI ĠENERALI 1997 189

IT-TIENI JUM STABBILIT 189

MINISTERU TAL-KUMMERĊ 189

AĠĠORNAMENT 224

MISTOQSIJIET-IMWIEĠBA BIL-MIKTUB 224





MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 16 li saret fit-28 ta' Jannar, 1997 ġew konfermati.


MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



AKKOMODAZZJONI ALTERNATTIVA

164. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-possibilitajiet li persuna minn Santa Venera - dettalji tagħha qed jintbagħtu taħt separate cover - li applikat sa mill-1989 tingħata akkomodazzjoni alternattiva?
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar): Il-persuna li għaliha qed issir riferenza ma tantx għandha prospetti li tinqeda malajr u dan għaliex il-post fejn toqgħod mhux f'kondizzjoni ħażina. Barra minn hekk, din il-persuna diġa' bbenefikat minn skema ta' sussidju tal-kera fuq il-post fejn toqgħod.

ENEMALTA - TA' RABBAT - SUBSTATION

187. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tal-Kummerċ: Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari Nru. 5, jekk kemm-il darba dik l-informazzjoni issa nġabret ?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Kummerċ): Jiena mgħarraf lill-Onor. Membru li ma jirriżultax li hemm element ta` inkonvenjenza jew periklu raġonevoli li jirrikjedi li s-substation f`tar-Rabbat għandha tiġi spustjata. L-EneMalta għandha diversi minn dawn is-substations fejn hemm appartamenti b`apoġġ dirett magħhom jew saħansitra fuqhom.
Is-substation l-oħra li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru x'aktarx hija dik ta` Triq Clarence fil-Pieta li kienet ġiet spustjata mhux minħabba raġunijiet ta` inkonvenjenza jew periklu, iżda biex tagħmel wisa` għall-bini tad-dar ta` l-anzjani .
MADAM SPEAKER(L-Onor Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Censu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Fil-passat, f'każi fejn xi ħadd kien qed jiżviluppa blokki ta' appartamenti ta' ċertu daqs, fis-sens li f'blokk ikollok 15 jew 20 appartament, Enemalta kienet qed tinsisti li s-sid ta' l-istess blokk jibni għas-spejjeż tiegħu substation, jew xi tip ta' substation, sabiex tagħti servizz lil dak il-blokk. X'inhija l-policy attwali ta' Enemalta f'dan ir-rigward? Hemm xi ħsieb li din il-policy tinbidel għax jien naħseb li din qed tikkawża xi problemi kemm lis-sid kif ukoll lil min jixtru dawn l-appartamenti?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Jien naqbel ma' l-Onor. Membru li din hija problema u sa dalgħodu stess kelli meeting maċ-Chairman u l-Financial Controller ta' Enemalta fuq dan is-suġġett. Jien naħseb li wieħed irid jaqsam din il-problema fi tnejn, jiġifieri, dawk il-każi li diġa' qegħdin f'din is-sitwazzjoni u dawk il-każi li għad jistgħu jiġu fiha u, f'dan il-kontest, jien diġa' tlabt lill-bord il-ġdid ta' Enemalta biex fl-iqsar żmien possibbli jieħu policy line kemm fuq dak li diġa' hemm kif ukoll fuq x'għandu jsir għall-futur u li tali policy tiġi mgħarrfa lil pubbliku.

DJAR - FILE NO. H12428

188. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tiegħi Nru. 1 tas-Seduta Nru. 2?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jiena diġa' weġibtek fis-Seduta Numru 8 tat-13 ta' dan ix-xahar.


QRATI - GĦAWDEX -
250. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: B'riferenza għall-kawża - d-dettalji tagħha qed nibgħathom under separate cover - fejn espressament intqal illi għalissa ma tistax tingħata s-sentenza peress li hemm kontestazzjoni dwar ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati Għawdex, jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir emenda fil-liġi ad hoc ħalli tiġi eliminata din it-tip ta' kontestazzjoni ta' ġurisdizzjoni u hekk jiġu evitati dawn il-ħafna differimenti u ħela ta' żmien?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll, f'isem il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Ninforma lill-Onor.Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

AKKOMODAZZJONI ALTERNATTIVA

251. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-possibbiltajiet li persuna minn Raħal Ġdid, File No. 10783 (li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu under separate cover) tingħata akkomodazzjoni alternattiva? F'liema stadju ta' konsiderazzjoni wasal dan il-każ?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi l-każ għadu qed jiġi investigat.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jista' l-Ministru jikkonfermali li d-dipartiment qed juża xi sistema ta' punti fl-allokazzjoni ta' postijiet li m'humiex ġodda?
MADAM SPEAKER: Il-Minsitru tad-Djar.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li f'dan ir-rigward jiena diġa' tajt risposti bil-miktub u għaldaqstant nissuġġerilu li jirriferi għal dawn it-tweġibiet.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, naħseb li s'issa l-Ministru ma ta l-ebda tweġiba ċara dwar dan is-suġġett.
MADAM SPEAKER: Onor. Cassar, niġbidlek l-attenzjoni li din mhijiex domanda. L-Onor. Censu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fis-sitema tal-punti li kienet għadha tintuża sa tliet xhur ilu?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru tad-Djar.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Fil-fatt jiena kont se nwieġeb li ma kienx hemm tibdil fis-sistema tal-punti u fil-proċedura li kienet tintuża fi żmien il-Gvern preċedenti.


KERA - REVIŻJONI

252. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid meta persuna mill-Belt Valletta, File H 12691 - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu under separate cover - se ssirlha reviżjoni tal-kera? Jista' l-Ministru jgħid għaliex din il-persuna ma ngħatax post meta ġabet 68 punt taħt is-sistema tal-punti?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi l-post fejn joqgħod l-applikant la hu tal-gvern u lanqas hu rrekwiżizzjonat u għalhekk m'hemmx lok għal reviżjoni tal-kera. It-talba tiegħu għal akkomodazzjoni qed tiġi kkonsidrata fid-dawl ta' 'l fuq minn 4,700 applikazzjoni oħra li jinsabu pendenti.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Peress li dalgħodu stess il-Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista kollha ta' l-applikazzjonijiet pendenti, fejn ġie indikat li hemm 4,400 applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva, jista' jispjega kif minn dalgħodu 'l hawn din il-lista żdiedet bi 300 każ?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru tad-Djar.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jiena stennejt illi llejla issirli din il-mistoqsija u fil-fatt ikkonsultajt fuqha mad-direttur u f'dan ir-rigward irrid ngħid li fil-lista li dalgħodu poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra m'hemmx inklużi dawk it-talbiet li jsiru għar-recognition. Din hija r-raġuni għalfejn żdiedu dawk it-300 każ. Jiena din diġa' spjegajtha fil-għodu u jekk l-Onor. Membru jagħmilli mistoqsija oħra bil-miktub inkun nista' nagħtih ukoll kemm żdiedu, xahar b'xahar,

u anke sena b'sena, ħalli nurih kif fl-aħħar sentejn u nofs ta' Amministrazzjoni Nazzjonalista t-talbiet għall-akkomodazzjoni soċjali żdiedu b'aktar minn 100%.


Fl-1991, meta kienet ġejja l-elezzjoni ta' l-1992, intom kontu qassamtu l-postijiet lejliet l-elezzjoni u l-istess ħaġa għamiltu qabel fl-aħħar elezzjoni. Jien għandi ittri li nħarġu mill-Housing Authority bid-data ta' l-24 ta' Ottubru, 1996 meta l-elezzjoni kienet se ssir fis-26 ta' Ottubru, 1996! Dak li dejjem għajjarnikom bih kien kollu veru. (Interruzzjonijiet) Intom ridtuha din u ġejtu għaliha. l-ex-Ministru Hyzler, li kien responsabbli mill-Housing, għall-mistoqsijiet parlamentari li kont għamiltlu jien kien ammetta li veru saru kuntratti fil-jum ta' l-elezzjoni ta' l-1992. U hekk reġa' sar għax għandi ittri li ħarġu mill-Awtorita' tad-Djar bid-data ta' l-24 ta' Ottubru li bihom informaw lin-nies li kienu ħadu l-post, allavolja kienu għadhom ma sarux il-verifiki. X'uħud ġew b'dawn l-ittri għandi dak inhar ta' l-elezzjoni filwaqt li ħafna oħrajn ġew bihom għandi wara l-elezzjoni
MADAM SPEAKER: Ippermettuli ftit. Bejn is-seduta ta' dalgħodu u din tal-lejla saru diversi mistoqsijiet u dħalna fil-fond ħafna ta' dan is-suġġett. Għaldaqstant ikun xieraq sew għall-Membri li hawn f'din il-Kamra kif ukoll għas-semmiegħa - tafu li aħna jkollna lill-pubbliku li jkun qed jisma' dan id-dibattitu fuq ir-radio - li jekk ikun hemm mistoqsijiet oħra ta' interess pubbliku għandhom jiġu mogħtija l-air time tagħhom ukoll. Allura issa ngħaddu għall-mistoqsija supplimentari mingħand l-Onor. Ċensu Galea u mbagħad ngħaddu għall-mistoqsija li jmiss, liema mistoqsija tittratta suġġett differenti.
ONOR. ĊENSU GALEA: Peress li minn meta nbeda l-proċess ta' applikazzjonijiet - dak il-proċess li rrifera għalih il-Ministru - issa għaddew tliet xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm imqar bidla waħda minn dak li kien sar sa dak inhar? Dan qed nistaqsih għaliex mhux biss kienu saru l-verifiki talli dawn kienu saru għal darba, tnejn, tlieta. L-applikanti kienu jafu x'kienet is-sitwazzjoni tagħhom. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Galea, jekk jogħġbok ejja għall-mistoqsija tiegħek.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jista' l-Ministru jgħid jekk meta beda l-proċess ta' l-allokazzjonijiet sarx il-proċess kollu li s-soltu jsir kull sena f'kull applikazzjoni partikolari u jekk kienx hemm xi bidla f'dawk l-allokazzjonijiet?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru tad-Djar.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Kien hemm min li wara li saret il-verifika ma ħax post.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, bir-rispett kollu, il-mistosijiet supplimentari m'għandhomx x'jaqsmu mal-fatt li dawn is-seduti qed jiġu trasmessi fuq ir-radju. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Iva, imma għandna lista twila ta' domandi quddiemna u dak li għidt għidtu fl-ispirtu illi kulħadd għandu jkollu ċans li jekk għandu xi mistoqsija ta' interess, kemm għal min qiegħed hawn ġew kif ukoll għall-pubbliku, jagħmilha. Fl-aħħar mill-aħħar, mingħajr il-pubbliku li jkun qed jismagħna, aħna m'aħna xejn.


ARTIJIET - ESPROPRJAZZJONI

974. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Tony Abela) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm l-Ordni/Notice Presidenzjali għall-esproprjazzjoni saret fl-1988, raħal b'raħal kif ukoll :- (a) kemm minn dawn ġew finalizzati; (b) kemm minn dawn għadhom pendenti; (c) kemm minn dawn għadhom ma rċevewx in-notice to treat; (d) kemm minn dawn qegħdin fi trattati fuq prezz u għadu ma sarx ftehim fuqhom; (e) kemm minn dawn huma ta' sidien mhux magħrufa; (f) kemm minn dawn jinsabu mwaħħlin peress li l-Avukat tad-Dipartiment ta' l-Artijiet għadu ma ffinalizzax l-eżami tiegħu tad-dokumenti; (g) meta hu maħsub illi dawn jiġu finalizzati; u (h) meta hu maħsub li jitħallsu dawk konernati ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): M'hemm xejn aktar x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Numru 461, b'mod partikolari għall-ewwel parti ta' dik it-tweġiba.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jista' l-Ministru jgħid illum f'liema pożizzjoni jinsab id-Dipartiment ta' l-Artijiet fis-sens, jekk jafx kemm għandu jagħti lil dawk li l-art tagħhom kienet ġiet esproprjata u meta hemm il-ħsieb illi dan il-ħlas isir?

MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, il-problema hija li dawn ir-records m'humiex kumputerizzati u allura ma tistax tingħata tweġiba għal din it-tip ta' domanda. Irrid inżid ukoll illi s'issa l-Gvern qatt ma kien jaf eżattament kemm għandu jagħti għall-esproprjazzjoni ta' l-art u r-raġuni hija li l-valur ta' l-art ivarja minn ġurnata għall-oħra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jista' l-Ministru jintrabat li jibda joħroġ il-ħlas almenu f'dawk il-każi li l-iktar ilhom pendenti? Dan qed ngħidu għax inkella se jiġri li aktar ma jgħaddi żmien iktar se jinbidel il-valur ta' din l-art!
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Filwaqt li naqbel li min kellu l-art l-iktar li ilha esproprjata għandu jitħallas qabel l-oħrajn, xorta waħda ngħid li din mhijiex proċedura daqshekk faċli. Ħafna drabi jiġri li jkun hemm problemi kemm ta' wirt kif ukoll għall-mod li bih dik il-porprjeta' tkun waslet għand l-individwu u allura ta' min igħid li din ma tkunx biss kwestjoni ta' kemm ilha li ġiet esproprjata l-proprjeta' imma tkun kwestjoni legali wkoll. Għaldaqstant, filwaqt li nifhem li dawn in-nies li tteħditilhom l-art għandhom jingħataw kumpens xieraq wieħed irid iqis wkoll dan il-fattur. Mill-banda l-oħra jiena ċert li dan il-Gvern se jimpenja ruħu biex dawn il-ħlasijiet, li ilhom ħafna żmien pendenti, jiġu ssetiljati kemm jista' jkun malajr u fil-fatt għal dan il-għan din is-sena se tibda l-komputerizzazzjoni ta' dawn ir-records.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Michael Bonnici, mistoqsija supplimentari.

ONOR. MICHAEL BONNICI: Għadha fis-seħħ dik il-policy fejn id-Dipartiment li jkun qed jitlob esproprjazzjoni ta' l-art iħallas għaliha qabel ma din tiġi esproprjata?

Jekk m'iniex sejjer żball, sa ftit ta' żmien ilu l-policy kienet li meta tiġi esproprjata biċċa art, per eżempju, mir-Roads Department, qabel ma' jesproprja l-art, il-Lands Department kien jitlob il-flus tagħha mingħand ir-Roads Department.


MADAM SPEAKER: Il-Ministru tax-Xogħlijiet u Kostruzzjoni.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, m'iniex informat li dik hija l-proċedura, anzi nista' ngħid li l-proċedura li qed jirreferi għaliha l-kollega tiegħi l-Onor. Bonnici qatt ma ġiet ipprattikata. Sa fejn naf jiena li kien isir qabel huwa li r-Roads Department jieħu l-art, jgħaddi triq minnha u mbagħad l-esproprjazzjoni kienet issir wara. Hawnhekk irrid ngħid li dan kien isir b'mod abbużiv u nispera li dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Minbarra l-kwestjoni ta' l-art esproprjata hemm ukoll il-kwestjoni ta' l-art li ttieħdet bil-possession and use. Fil-proċess ta' komputerizzazzjoni li se jagħmel id-Dipartiment ta' l-Artijiet, dawn iż-żewġ kwestjonijiet se jiġu mifrudin minn xulxin jew se jiġu ttrattati bħala ħaġa waħda?

MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Naħseb li huwa minnu li min itteħditlu art bil-possession and use huwa każ differenti u li għandu jingħata aktar attenzjoni għall-fatt illi l-liġi dwar possession and use tipprovdi għall-kumpens li huwa ferm inqas minn dak li tipprovdi l-liġi dwar l-esproprjazzjoni. Għaldaqstant nifhem li jista' jkun il-każ li wieħed jifred il-każi ta' expropriation minn dawk ta' possession and use, kif ukoll li dawn il-każi ta' possession and use għandhom jingħataw prijorita' differenti minn dik li tingħata lill-esproprjazzjoni.

ARTIJIET - ESPROPRJAZZJONI

975. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Tony Abela) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm l-Ordni/Notice Presidenzjali għall-esproprjazzjoni saret fl-1989, raħal b'raħal, kif ukoll:- (a) kemm minn dawn ġew finalizzati; (b) kemm minn dawn għadhom pendenti; (c) kemm minn dawn għadhom ma rċevewx in-notice to treat; (d) kemm minn dawn qegħdin fi trattati fuq prezz u għadu ma sarx ftehim fuqhom; (e) kemm minn dawn huma ta' sidien mhux magħrufa; (f) kemm minn dawn jinsabu mwaħħlin peress li l-Avukat tad-Dipartiment tal-Lands għadu ma ffinalizzax l-eżami tiegħu tad-dokumenti; (g) meta hu maħsub illi dawn jiu finalizzati; u (h) meta hu maħsub illi l-persuni konċernati se jitħallsu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ma hemm xejn aktar x'inżid għat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Numru 461 u b'mod partikolari għall-ewwel parti ta' dik it-tweġiba.

ARTIJIET - ESPROPRJAZZJONI

976. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Tony Abela) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm l-Ordni/Notice Presidenzjali għall-esproprjazzjoni saret fl-1990, raħal b'raħa, kif ukolll:- (a) kemm minn dawn ġew finalizzati; (b) kemm minn dawn għadhom pendenti; (c) kemm minn dawn għadhom ma rċevewx in-notice to treat; (d) kemm minn dawn qegħdin fi trattati fuq prezz u għadu ma sarx ftehim fuqhom; (e) kemm minn dawn huma ta' sidien mhux magħrufa; (f) kemm minn dawn jinsabu mwaħħlin peress li l-Avukat tad-Dipartiment tal-Lands għadu ma ffinalizzax l-eżami tiegħu tad-dokumenti; (g) meta hu maħsub illi dawn jiġu finalizzati; u (h) meta hu maħsub illi l-persuni konċernati se jitħallsu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ma hemm xejn aktar x'inżid għat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Numru 461 u b'mod partikolari għall-ewwel parti ta' dik it-tweġiba.

ARTIJIET - ESPROPRJAZZJONI

977. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Tony Abela) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm l-Ordni/Notice Presidenzjali għall-esproprjazzjoni saret fl-1991, raħal b'raħal, kif ukoll :- (a) kemm minn dawn ġew finalizzati; (b) kemm minn dawn għadhom pendenti; (c) kemm minn dawn għadhom ma rċevewx in-notice to treat; (d) kemm minn dawn qegħdin fi trattati fuq prezz u għadu ma sarx ftehim fuqhom; (e) kemm minn dawn huma ta' sidien mhux magħrufa; (f) kemm minn dawn jinsabu mwaħħlin peress li l-Avukat tad-Dipartiment tal-Lands għadu ma ffinalizzax l-eżami tiegħu tad-dokumenti; (g) meta hu maħsub illi dawn jiġu finalizzati; u (h) meta hu maħsub illi l-persuni konċernati se jitħallsu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ma hemm xejn aktar x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Numru 461, u b'mod partikolari għall-ewwel parti ta' dik it-tweġiba.

ARTIJIET - ESPROPRJAZZJONI

98. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Tony Abela) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm l-Ordni/Notice Presidenzjali għall-esproprjazzjoni saret fl-1992, raħal b'raħal, kif ukoll:- (a) kemm minn dawn ġew finalizzati; (b) kemm minn dawn għadhom pendenti; (c) kemm minn dawn għadhom ma rċevewx in-notice to treat; (d) kemm minn dawn qegħdin fi trattati fuq prezz u għadu ma sarx ftehim fuqhom; (e) kemm minn dawn huma ta' sidien mhux magħrufa; (f) kemm minn dawn jinsabu mwaħħlin peress li l-Avukat tad-Dipartiment tal-Lands għadu ma ffinalizzax l-eżami tiegħu tad-dokumenti; (g) meta hu maħsub illi dawn jiġu finalizzati; u (h) meta hu maħsub illi l-persuni konċernati se jitħallsu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ma hemm xejn aktar x'inżid għat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Numru 461 u b'mod partikolari għall-ewwel parti ta' dik it-tweġiba.

ARTIJIET - ESPROPRJAZZJONI

979. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Tony Abela) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm l-Ordni/Notice Presidenzjali għall-esproprjazzjoni saret fl-1993, raħal b'raħal, kif ukoll:- (a) kemm minn dawn ġew finalizzati; (b) kemm minn dawn għadhom pendenti; (c) kemm minn dawn għadhom ma rċevewx in-notice to treat; (d) kemm minn dawn qegħdin fi trattati fuq prezz u għadu ma sarx ftehim fuqhom; (e) kemm minn dawn huma ta' sidien mhux magħrufa; (f) kemm minn dawn jinsabu mwaħħlin peress li l-Avukat tad-Dipartiment tal-Lands għadu ma ffinalizzax l-eżami tiegħu tad-dokumenti; (g) meta hu maħsub illi dawn jiġu finalizzati; u (h) meta hu maħsub illi l-persuni konċernati se jitħallsu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ma hemm xejn aktar x'inżid għat-tweġiba li tajt għall-Interpellanza Numru 461 u speċjalment għall-ewwel parti ta' dik it-tweġiba.
ENVELOPES TAL-GVERN

1058. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Peress illi b'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 409, l-Prim Ministru qal li jaħseb li "hu importanti li l-Ministru jibgħat jinforma liċ-ċittadini bil-postijiet u l-ħinijiet fejn jistgħu jiltaqgħu miegħu" meta, kif intqal fid-domanda, din l-informazzjoni kienet intbagħtet f'envelopes immarkati "Gvern ta' Malta", jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux lest jestendi l-istess faċilita' lid-deputati kollha ta' din il-Kamra?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 409.

SERVIZZ ĊIVILI - IMPJIEGI

1060. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Peress li l-Prim Ministru ġie rrapportat li qal li mhix l-intenzjoni tal-Gvern li jimpjega aktar nies miegħu, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li jagħti l-istess struzzjonijiet lill-enti statutorji, korporazzjonijiet u kumpanniji kkontrollati mill-Gvern?
ONOR. ALFRED SANT: Il-policy tal-Gvern kif spjegajtha kemm il-darba fir-rigward tas-suggett imqajjem mill-Onor. Interpellant qed tiġi applikata mill-ministeri konċernati u li għandhom responsabbiltajiet ta' amministrazzjoni u sorvelja fuq dipartimenti u korpi oħra tal-gvern.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin għall-mistoqsijiet għadda. Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.

Yüklə 467,41 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin