Malta debates tal-kamra tad-deputati


THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor Anġlu Farruġia)



Yüklə 467,41 Kb.
səhifə4/8
tarix16.01.2019
ölçüsü467,41 Kb.
#97520
1   2   3   4   5   6   7   8

THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor Anġlu Farruġia): Onor. Frendo, rrid niġbidlek l-attenzjoni li fadallek biss żewġ minuti.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Mr Chairman, se nagħlaq billi ngħid li kien allura l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li kabbar il-qasam kummerċjali għax f'dan ir-rigward kellu viżjoni ċara quddiemu. Il-partit li llum hemm fil-gvern, bir-rispett kollu, ifakkarni fil-kliem ta' l-awtur Ruman Seneca, illi kien jgħid: "Jekk ma tafx fejn int sejjer l-ebda riħ m'hu tajjeb għalik".
THE DEPUTY CHAIRMAN : L-Onor. Gavin Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA: Sur President, dan se jkun it-tielet intervent tiegħi fil-Parlament. Fl-ewwel żewġ interventi tiegħi tkellimt dwar l-Employment and Training Corporation u dwar il-Korporazzjoni Enemalta biex issa wasal il-mument li nitkellem ukoll dwar is-segretarjat parlamentari ġdid tiegħi. Qabel ma nidħol fil-qafas tad-diskors tiegħi nixtieq nirriferi għal dak li qal l-abbli kollega tiegħi, l-Onor. George Hyzler, li d-destin donnu jrid li jġibna dejjem flimkien, kemm fil-qorti u anke issa hawnhekk fil-Kamra tad-Deputati fejn qegħdin nitrattaw propju l-istess materja, jiġifieri l-qasam tas-self-employed. Filwaqt li jiena nawguralu fir-rwol il-ġdid tiegħu u nirringrazzjah anke għall-intervent li għamel, nixtieq nibda billi ngħid li l-pariri li għoġbu jgħaddili fl-intervent tiegħu se nikkonsidrahom, pero' nista' niggarantilu li kont diġa' qiegħed nikkonsidrahom u forsi kien ikun iktar utli kieku l-parir li ta dwar skemi ta' assistenza u dwar skemi finanzjarji għan-negozjanti ż-żgħar għaddihom lil sħabu fil-Gvern Nazzjonalista matul id-disa' snin u nofs li għamlu fil-gvern. Dan għaliex li matul id-disa' snin u nofs ta' Amministrazzjoni Nazzjonalista qualsiasi inizjattiva fil-qasam tas-self-employed kienet notevoli aktar għal dak kollu li ma tinkludix milli għal dak kollu li kienet tinkludi dwar is-self-employed. Se nagħmel riferenza speċifika - ikolli opportunita' li nitrattaha aktar fit-tul f'dan l-intervent - għas-self-employed scheme li kienet saret fl-1989 - fil-fatt din kienet daħqa fil-wiċċ - u li kienet intiża sabiex jitqaċċtu numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw taħt l-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol.
L-Onor. Hyzler għamel osservazzjoni dwar l-Estimi fejn irrefera għall-maiden speech tiegħi fejn tkellimt dwar it-taħriġ li hemm bżonn li jsir u semma l-Lm2,000 li hemm ivvotati għal taħriġ taħt is-segretarjat parlamentari tiegħi. Jien nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-abbli kollega tiegħi illi dik l-allocation hija ntiża naturalment għal taħriġ ta' l-istaff tal-ministeru u allura jista' jkun li forsi l-kollega tiegħi ma nterpretax l-Estimi tajjeb. It-taħriġ għas-self-employed jaqa' taħt l-isfera ta' l-Employment & Training Corporation li kif qal tajjeb huwa torganizza ċerti korsijiet. Nerġa' nenfasizza issa stess li minn 557 kors li l-Employment & Training Corporation organizzat matul l-1995, 375 kienu dedikati għal computer skills u allura għalhekk jiena kont irrimarkajt illi l-Employment & Training Corporation kienet irrisolviet ruħha f'computer skills training corporation. Kien hemm biss 15-il kors li kellhom x'jaqsmu mal-ħteġijiet ta' self-employment fuq bażi maniġerjali pero' dwar dan ikolli l-opportunita' li nitkellem aktar 'il quddiem.

Mr Chairman, settur li ilu jeżisti bħala pilastru ta' l-ekonomija ta' pajjiżna huwa bla dubju s-settur tas-self-employed. Bla dubju wkoll, sa ftit xhur ilu dan is-settur kien nieqes minn struttura nazzjonali li tkun immirata lejn il-ħarsien sħiħ - issa nispjega għalfejn qed ngħid sħiħ - ta' l-interessi ta' dan is-settur, interessi li huma uniċi. It-twaqqif ta' dan is-Segretarjat huwa wkoll maħsub lejn l-indirizz ta' diversi problemi u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom is-self-employed minn żmien għal żmien fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Ngħid li kien hemm bżonn li jsir dan l-iżvilupp sabiex ikun hemm ħarsien sħiħ għaliex sfortunatament is-self-employed kellu jipprova jsolvi jew jindirizza l-problemi tiegħu b'mod frammentat ħafna u ma kienx jaf fejn għandu jirrikorri għall-għajnuna. Naturalment hemm diversi aspetti li jolqtuh bħal dak soċjali u ekonomiku, u allura kien ikollu jirrikorri għand diversi dipartimenti. Il-ħsieb tal-Partit Laburista - konna diġa' aċċennajna għalih fil-manifest elettorali u din il-wegħda il-Gvern Laburista żammha - kien proprju li joħloq struttura li s-self-employed iż-żgħir - hawnhekk nenfasizza l-kelma "ż-żgħir" - ikun jista' jirrikorri għaliha bħala one-stop shop. F'din l-istruttura l-problemi tiegħu jkunu jistgħu jiġu identifikati aħjar u jkunu jistgħu jiġu solvuti għas-sodisfazzjon tiegħu kemm jekk jaħdem waħdu - għaliex hemm ħafna self-employed li ma jimpjegawx nies - u kemm jekk jimpjega xi ħaddiema oħra miegħu. Għall-ewwel darba fl-istorja politika ta' Malta, kif ukoll għall-ewwel darba mill-perspettiva amministrattiva, twaqqaf segretarjat parlamentari li diġa' beda bil-ħidma tiegħu sabiex iħares b'mod sħiħ l-interessi tas-settur tas-self-employed. Għalhekk ta' min jgħid mill-bidunett li l-Gvern ġdid Laburista żamm il-wegħda li kienet imnaqqxa fil-manifest elettorali tiegħu li jitħabat sabiex jitnissel sens ġdid ta' fiduċja fis-settur kummerċjali u dan iseħħ l-aktar fost in-negozjanti ż-żgħar li qalgħu ħafna fuq rashom mingħand il-Gvern Nazzjonalista fis-snin li għaddew. Għalhekk jiena ssorprendejt ruħi li l-kollega tiegħi kien qed jistenna li fi żmien tliet xhur nibdew nitkellmu dwar skemi ta' assistenza teknika u assistenza finanzjarja - għalkemm dan diġa' qed nagħmluh u nistudjawh - meta f'disa' snin u nofs sħaħ il-Gvern Nazzjonalista ta aktar attenzjoni lin-negozjant il-kbir u lil big business - dan jidher evidenti mill-promulgazzjoni ta' ħafna liġijiet, fosthom l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali - u injora kompletament lin-negozjant iż-żgħir mill-aspett ta' assistenza teknika u assistenza finanzjarja.


Naħseb li huwa tajjeb li nidentifikaw min huwa s-self-employed. Huwa faċli li wieħed jgħid li dan huwa dak il-bniedem li narawh fil-ħanut ibiegħ il-prodott tiegħu biex jaqla' l-għajxien tiegħu, iżda l-figura tas-self-employed hija ċertament ħafna iktar komplessa minn hekk u żgur li m'hijiex daqshekk spempliċi. Is-self-employed, żgħir kemm huwa żgħir, jiffunzjona b'mod li kapaċi jaqdi l-funzjonijiet ta' sitt impjegati f'daqqa. Dan jiġġestixxi n-negozju tiegħu u jieħu ħsieb li jimporta l-oġġett li jrid ibigħ fis-suq u, jekk hu ma jkunx l-importatur, ikun irid jimmanifattura l-prodott hu. Fl-istess ħin is-self-employed irid imexxi l-affarijiet tiegħu filwaqt li jieħu ħsieb il-credit facilities u l-accounts tiegħu kif ukoll iħejji programm finanzjarju. Tajjeb li wieħed jenfasizza ftit id-dimensjoni soċjali tal-familja għas-self-employed għax, bħal kwalunkwe ħaddiem ieħor, dan għandu dritt sagrosant li jgawdi u jgħaddi iktar ħin mal-familja tiegħu minkejja t-taħbit li jkollu jiltaqa' miegħu fit-tmexxija tan-negozju tiegħu. Fil-fatt waħda mill-problemi li jiffaċċja s-self-employed huwa l-fattur tal-ħin għax għas-self-employed m'hemmx ħin għax dan jaħdem f'ċirkostanzi li fis-suq huma imprevidibbli. Ħafna drabi is-self-employed jiddependi mill-performance ta' ħaddieħor bħal, dipartimenti tal-gvern, korporazzjonijiet, kumpanniji u ta' terzi persuni. Jingħad li l-ħaddiem self-employed m'għandu lil ħadd min jikkmandah u li ħadd m'huwa sidu imma fil-fatt din hija illużjoni għaliex dan huwa ħaddiem bieżel u skjav tan-negozju tiegħu stess. M'huwiex faċli, per eżempju - biex nieħu eżempju fqir - sabiex self-employed jieħu ġurnata jew ġimgħa leave bħalma jieħu impjegat ordinarju - li kull ma jrid jagħmel biex jieħu ftit ġranet ta' mistrieħ huwa li sempliċement jimla formola - għax is-self-employed li jieħu ħsieb in-negozju tiegħu jkun irid jagħlaq in-negozju tiegħu jew ikun irid isib persuna tal-fiduċja tiegħu li tkun tista' tmexxilu n-negozju fl-assenza tiegħu. Minn dawn l-aspetti kollha nindunaw li l-problemi u d-diffikultajiet li jiltaqa' magħhom is-self-employed huma

kumplessi u għalhekk ikun jeħtieġ li dawn ikunu indirizzati b'mod iktar mill-qrib.


Sur President, huwa f'dan l-isfond u hija b'din il-konoxxenza tal-karattru kumpless ta' dan is-settur li spira lill-Partit Laburista u lill-Gvern Laburista ġdid li jagħraf il-ħtieġa li jkun ħafna iktar viċin il-bżonnijiet tas-self-employed u fil-fatt, l-ewwel pass għal dan kien proprju t-twaqqif ta' dan is-Segretarjat Parlamentari. Peress li aħna ridna nolqtu u nħarsu d-drittijiet u l-interessi tas-self-employed b'mod sħiħ, u mhux b'mod frammentat, kien importanti li bħala l-ewwel pass jitwaqqaf proprju dan is-Segretarjat Parlamentari għax permezz ta' dan l-uffiċċju s-self-employed jista' jidentifika u ma jkollux għalfejn jirrikorri 'l hawn u 'l hemm u lanqas min jibagħtu 'l hawn u min jibagħtu 'l hemm sabiex jinqeda fil-bżonnijiet tiegħu. Iva, kien hemm bżonnu dan is-Segretarjat Parlamentari u dan ma ngħiduhx aħna bħala l-Gvern ġdid Laburista u l-Partit Laburista biss, għax hawnhekk irrid nirringrazzja lill-abbli kollega tiegħi li qabel ma' dan is-Segretarjat Parlamentari u dak li qal naħseb rrifletta wkoll l-opinjoni ġenerali ta' l-Oppożizzjoni. Pero' aktar minn hekk kien importanti ħafna li qablu wkoll dawk l-assoċjazzjonijiet u l-unions li jirrappreżentaw il-ħtiġijiet tas-self-employed kif ukoll tas-self-employed individwalment u dan rajnieh proprju as from day one li twaqqaf dan is-Segretarjat Parlamentari għax fil-fatt mill-ewwel bdew ġejjin għall-assistenza nies self-employed. GĦalhekk fiha nnifisha din hija prova li l-problemi kienu qegħdin hemmhekk - s'intendi dawn il-problemi għadhom hemmhekk - u kienet l-eżistenza ta' dawn il-problemi li ġustifikat it-twaqqif ta' dan is-Segretarjat Parlamentari.
Hawnhekk ikun tajjeb jekk ngħid li ma sarux biss viżiti ta' kortesija għaliex meta minbarra li wieħed jiltaqa' ma' l-assoċjazzjoni jew mal-union li tkun tirrappreżenta lis-self-employed, saru ħafna wkoll laqgħat u working committees sabiex jiġu identifikati aħjar il-problemi li qed jiffaċċjaw ħafna mis-self-employed u sabiex flimkien - għax dan importanti li nagħmluh flimkien - naraw x'inhuma l-aħjar soluzzjonijiet li nistgħu nipproponu għalihom. Fil-fatt kellna diversi laqgħat ta' working committees mal-GRTU, mal-Kamra tal-Kummerċ, ma' l-unions tal-ħaddiema u ma' xi kunsilli lokali, għax huwa importanti li aħna nisimgħu l-problemi li jkollhom dawn l-assoċjazzjonijiet u kunsilli lokali fil-komunita' kummerċjali tagħhom. Il-kollega tiegħi semma li każ partikolari huwa l-Mosta imma jien nista' ngħid li mhux fil-Mosta biss jeżistu dawn il-problemi għax meta tħaddidna ma' kunsilli lokali oħra dawn speċifikaw x'kienu l-problemi li qed jiffaċċjaw il-komunitajiet kummerċjali. Fil-fatt aħna fuq dawn il-problemi ħafna drabi qed naħdmu f'kollaborazzjoni ma' dipartimenti tal-gvern u jkun tajjeb li ngħid li rnexxielna nsolvu ħafna minn dawn il-problemi. Imma mbagħad hemm problemi oħra li jeħtiġilhom a long term approach u dwar dawn aħna qegħdin naħdmu u nfasslu policies tagħna. GĦalhekk kien importanti u qed nieħu pjaċir li l-Oppożizzjoni taqbel mat-twaqqif ta' dan is-Segretarjat.
F'dan l-istadju jiena m'iniex se noqgħod nispjega dettaljatament xi problemi qegħdin jiltaqgħu magħhom is-self-employed, pero' mill-esperjenza qasira li kellna wara li tħaddidna u kellna kuntatt ma' diversi assoċjazzjonijiet u wkoll ma' individwi, nixtieq nenfasizza żewġ problemi li nħoss li hemm bżonn li jiġu ndirizzati. Dawn huma l-problemi li semma l-abbli kollega tiegħi, jiġifieri l-assistenza teknika u l-assistenza finanzjarja. Huwa evidenti li dawn huma ż-żewġ problemi l-kbar li qegħdin jiffaċċjaw is-self-employed proprju għaliex Gvern Laburista ġdid sab ineżistenza assoluta ta' skemi ta' assistenza finanzjarja u ta' assistenza teknika għas-self-employed iż-żgħir. Hemm skemi taħt liġijiet industrijali, per eżempju, li jassistu, jgħinu u jinċentivaw l-industrija l-kbira, jiġifieri, li huma ntiżi għal min, per eżempju, jagħmel investiment ta' xi Lm100,000. Għal dak ħadu ħsieb u ħarġu skemi u għamlu rati ta' imgħax sussidjati fuq self biex jiffinanzja dak l-investiment, pero' mbagħad ma sibna xejn għal min huwa żgħir. Saħansitra l-industrial grants, li jingħataw bl-agency agreement li hemm bejn l-MDC u l-ETC, jingħataw lil dawk id-ditti li huma export-oriented, pero' hemm vacuum kbir f'dak li għandu x'jaqsam ma' assistenza finanzjarja kemm sabiex is-self-employed iż-żgħir ikun jista' jiżviluppa aktar u anke assistenza fuq livell ta' taħriġ. Dawn is-self-employed iż-żgħar m'għandhom l-ebda alternattiva ħlief li jirrikorru għall-banek kummerċjali u allura jkunu jridu jħallsu r-rati kummerċjali fuq l-imgħax.
Nixtieq ukoll niftaħ ftit fuq il-problema ta' l-assistenza teknika billi hawnhekk nagħmel distinzjoni, Mr Chairman. Is-self-employment m'huwiex biss dak kummerċjali imma huwa wkoll dak professjonali u fil-fatt aħna kellna laqgħat ma' korpi professjonali bħall-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra ta' l-Ispizjara u l-Medical Association of Malta, li jirrapreżentaw professjonisti li jaħdmu bħala self-employed. Jiena skoprejt li fuq livell ta' taħriġ, it-taħriġ professjonali huwa ħafna aktar żviluppat minn dak li hu kummerċ tekniku. Is-Sinjorija Tiegħek tapprezza, Sur President, li biex insiru avukati, tobba, periti jew spiżjara rridu ngħaddu minn proċess edukattiv fuq livell terzjarju. Imma mhux hekk biss għaliex anke fil-prattika ukoll trid it-taħriġ għax għalkemm inti tista' ssir avukat jew tabib, fil-prattika d-dinja hija differenti minn dik li tkun ġiet ippreżentata lilek akkademikament. GĦar-rigward tat-tħejjija akkademika fuq livell ta' professjonijiet nistgħu ngħidu illi hemm taħriġ tajjeb li tagħtihulna l-Universita', pero' jien għamilt din id-distinzjoni għax hemm differenza kbira fit-tħejjija teknika għal min irid jiftaħ negozju and for he who plunges into the waters of trade. Fil-fatt, min irid jibda negozju jista' jaqbad u jiftaħ negozju mingħajr xkiel ta' xejn; jista' jiftaħ ħanut tal-ħwejjeġ jew taż-żraben jew inkella jaħdem ta' electrician, għalkemm fil-każ ta' electrician naturalment dan irid jgħaddi minn kors biex iġib il-Licence "A" jew il-Licence "B", pero' li rrid ngħid jien huwa li dawk li jaħdmu fil-kummerċ, speċjalment il-ġodda, huma neqsin mit-taħriġ tekniku u kultant dawn is-self-employed ma jkollhomx idea kif iħaddmu l-finanzi, il-cash flow u kif jipprogrammaw il-finanzi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jamministraw ħwejjiġhom aħjar. Fil-fatt, jien nixtieq nenfasizza dan il-punt għax huwa punt kruċjali.
Sur President, mill-esperjenza tiegħi bħala avukat jien iltqajt ma' ħafna nies illi jibdew in-negozju tagħhom, ikollhom ħafna inizjattivi - fil-fatt hemm min huwa fortunat u jirrikorri anke għar-riżorsi tiegħu stess biex jibni l-business tiegħu - ikollhom klijentela u dħul ġmielu, pero' wara ftit snin tara lill-kredituri jiġru warajh. Din hija sfortuna għax fil-fatt imbagħad tirrealizza illi l-problema kollha kienet illi dan ma kienx jaf kif iħaddem il-finanzi tiegħu. Għalhekk jien nappella li huwa importanti ħafna li jsir it-taħriġ u illi s-self-employed, kemm dawk li jkunu se jiftħu negozju ġdid kif ukoll dawk illi diġa' jkunu ilhom jaħdmu fin-negozju għal ħafna snin pero' jixtiequ jiftħu linja ta' negozju ġdida, jimpenjaw ruħhom u jersqu lejn il-korsijiet illi torganizza l-Employment and Training Corporation.
Sur President, rigward l-Employment and Training Corporation jien xtaqt nerġa' nenfasizza illi saru 15-il kors fuq managing finance, managing people, managing cash flow u fuq suġġetti simili. Dawn il-korsijiet kollha huma importanti ħafna għas-self-employed u għalhekk jien nixtieq inħeġġeġ pubblikament lil dawn in-nies sabiex jersqu lejn dawn il-korsijiet. Jien inħoss li l-Employment and Training Corporation setgħet għamlet ħafna iktar pubbliċita' u setgħet ħadmet aktar fuq livell ta' relazzjonijiet pubbliċi sabiex tirreklama li hemm dawn il-korsijiet għax l-impressjoni tiegħi hija li ħafna nies self-employed ma jafux li jeżistu dawn il-korsijiet. GĦalhekk dan is-Segretarjat Parlamentari, b'koordinazzjoni kemm ma' l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tas-self-employed kif ukoll mal-kunsilli lokali, se jaħdem sabiex iqajjem awareness dwar l-eżistenza ta' dawn il-korsijiet li jkunu jistgħu jattendu għalihom is-self-employed. Hawnhekk nixtieq nenfasizza wkoll li jeżistu skemi li jkunu tailor-made għall-bżonnijiet tal-self-employed iż-żgħir. L-unika skema li kien hemm u li assolutament ma kenitx skema sabiex tippromwovi l-interessi tas-self-employed kienet is-Self-Employed Scheme ta' l-1989 u kien hemm ukoll l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali fejn, kif diġa' spjegajt, kien hemm skemi li ma jistgħux jibbenefikaw in-negozjanti kollha għax dan l-Att huwa iktar ippernjat għall-industrijalist il-kbir li jiflaħ jagħmel investiment taż xi Lm100,000 u għalhekk self-employed żgħir li jixtieq jinvesti f'makkinarju ta' xi Lm10,000 ma jistax jirrikorri għall-assistenza finanzjarja mill-MDC.
Sur President, għalhekk fil-budget issemmiet miżura oħra li se jieħu ħsieb il-Gvern Laburista, jiġifieri li se jieħu ħsieb li jsiru skemi ta' għajnuna għas-self-employed iż-żgħir u dan se nagħmluh għaliex aħna sibna li s-self-employed iż-żgħir ma għandux assistenza finanzjarja mentri aħna rridu li dan ikollu aċċess aħjar għal credit facilities. Dan se jkun anke l-impenn tas-Segretarjat Parlamentari sabiex ngħinu lis-self employed iż-żgħir ikompli jikber, ikattar u jieħu aktar interess li jinċentivah. GĦaldaqstant din m'hijiex kwestjoni ta' x'għandna nagħmlu għax din hija xi ħaġa li qegħda msemmija fil-budget u fil-fatt ma nafx kif l-abbli kollega tiegħi, l-Onor. Hyzler, ma rrealizzahiex. B'hekk il-Gvern Laburista ġdid qed iżżomm il-wegħda tiegħu li jħares mill-qrib l-interessi tas-self-employed proprju billi jgħin sabiex mhux biss l-industrijalist l-kbir ikun jista' jkollu aċċess għal credit facilities imma anke s-self-employed iż-żgħir.
Sur President, x'għamel il-Gvern Nazzjonalista għas-self-employed iż-żgħir? Fl-1989 għamel skema, li kien isejħilha s-Self-Employed Scheme, li kienet daħka fil-wiċċ għax fil-fatt din l-iskema kienet intiża sabiex tqaċċat in-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw taħt l-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol. Minn din l-iskema setgħu jibbenefikaw dawk li kienu tad-Dejma, l-irregulars u nies oħra li bejn wieħed u ieħor kienu f'dawk il-kategoriji u kienu qegħdin jirreġistraw taħt l-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol. Hawnhekk ta' min isemmi wkoll li waħda mill-kondizzjonijiet kienet li dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema - din l-iskema kienet tagħti grant ta' Lm500 sabiex wieħed jiftaħ għal rasu u aċċess għal self b'imgħax sussidjat ta' Lm3,000 mill-Bank of Valletta u dan l-ammont kellu jitħallas f'terminu ta' żmien - ma jkunux jistgħu jerġgħu jirreġistraw taħt l-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol għal żmien 18-il xahar. GĦalhekk billi bbenefikaw minn din l-iskema daqs 1,811-il ruħ, naturalment dawn tqaċċtu minn fuq ir-reġistru tax-xogħol għal full employment. Kieku dawn l-1,811-il ruħ sabu verament xogħol serju għal rashom kieku lill-Gvern Nazzjonalista konna ngħidulu prosit għax l-iskema ħadmet, pero' fil-fatt irriżulta li kien il-Gvern Nazzjonalista stess li fl-1993 neħħa din l-iskema u naturalment neħħiha għax ma kenitx qiegħda tasal fejn xtaq il-Gvern Nazzjonalista. Fil-fatt, li ġara kien li lanqas inżamm monitoring ta' x'kien qed jiġri u sal-ġurnata tal-lum din l-informazzjoni m'hijiex obtainable.
Lanqas ma nafu kemm impjegati marru lura mal-gvern peress li kien hemm skema oħra, il-Government Industrial Employees, fejn min kien qed jaħdem mal-gvern ingħata l-opportunita' li jissieħeb f'din l-iskema u ma nafux kemm minnhom irritornaw lura mal-Gvern u kemm minnhom reġgħu bdew jirreġistraw wara 18-il xahar. Tmur għand l-MDC, għand il-banek, għand l-ETC u ħadd ma jagħtik informazzjoni. Li ġara hu li kien hemm min anke approfitta ruħu, qabad il-Lm500 grant li tah il-Ministeru tal-Politika Soċjali u lanqas biss mar biex jieħu l-loan mill-Bank of Valletta. Dan x'mar jagħmel b'Lm500? Mar biex jiftaħ business għal rasu? Kif jista' jkun? Ma sarx monitoring, saru l-abbużi u f'ħafna ċirkostanzi l-flus minflok ma kienu jintużaw sabiex wieħed jiftaħ business għal rasu kienu jintnefqu għal skopijiet oħra. Din l-iskema kienet intiża - nenfasizza dan il-punt - mhux biex jippromwovu lis-self-employed, mhux biex jagħtuh assistenza teknika u finanzjarja, xejn minn dan kollu, imma din kienet gimmick sabiex jaqbdu u jaqtgħu kważi 2,000 ruħ mir-reġistru ta' dawk li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Dawn l-2,000 ruħ, sal-ġurnata tal-lum - naħseb li lanqas in-naħa l-oħra m'hi kapaċi tagħtina din l-informazzjoni - ħadd ma jaf x'sar minnhom. GĦandna indikazzjoni tajba li għad hemm numru kbir ta' defaulters, nies li bbenifikaw minn din l-iskema u għadhom lanqas biss ħallsu l-flus lura kif ukoll li ħafna minnhom qegħdin jirċievu assistenza finanzjarja bħala employment benefits. Jiġifieri anke l-irkupru ta' dawn il-flus huwa diffiċli ħafna u, biex tgħaqqad kollox, l-Gvern daħal garanti ta' din l-iskema sabiex jagħmel tajjeb mal-bank għal dawn id-defaulters. Skond l-istatistika li akkwistajt il-ġimgħa l-oħra jirriżulta li għad iridu jitħallsu mhux inqas minn Lm375,000 mingħand dawn id-defaulters. Hemm nies li m'humiex defaulters iżda għadhom qegħdin iħallsu bil-mod lill-gvern, imma dawn potenzjalment jistgħu jsiru defaulters ukoll u allura fil-futur dan in-numru kapaċi jikber.
Hawn wieħed jara kemm fil-fatt l-iskemi ta' assistenza finanzjarja fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu irriżorji. Ħafna xinxilli, ħafna daqq ta' trumbetti dwar skemi għas-self-employed u fil-fatt inqdejna bil-paraventu tas-self-employed għal skopijiet oħrajn. Mhux veru li kien hemm assistenza teknika u wisq inqas kien hemm assistenza finanzjarja. Is-Segretarjat Parlamentari tas-self-employed se jkun qiegħed jara li fi kwalunkwe skema li ssir ikun hemm aċċess tajjeb għall-kreditu mis-self-employed u li dan isir b'mod serju, mhux bħala paraventu biex noqogħdu naqtgħu n-nies mill-ewwel part tar-reġistru tax-xogħol. Irridu li din tkun xi ħaġa serja u allura se nagħmlu l-parameters sabiex naraw min jista' japplika, naraw li nagħtu inċentiv għal dawk li huma start-ups u nidentifikaw min hu serju, min irid verament

jiftaħ business għal rasu u min huwa serju żgur li se jsib il-kollaborazzjoni u l-assistenza ta' Gvern Laburista ġdid.


Mr Chairman, huwa tajjeb li ngħid ukoll żewġ kelmiet dwar qasam ieħor fejn il-Gvern Nazzjonalista kellu non-curanza assoluta u dan huwa l-qasam tax-xogħlijiet pubbliċi. Ħafna kienu dawk is-self-employed li matul dawn l-aħħar snin batew minħabba xogħlijiet pubbliċi li saru b'mod diżastruż. Dawn huma nies li jiġu l-uffiċċju tiegħi jgħiduli kemm batew bħal, per eżempju, n-negozjanti ta' Buġibba u kemm batew is-self-employed iż-żgħar, ir-retail outlets, ir-restaurants, kif ukoll in-nies ta' Triq Marina u Triq il-Gardjiel ġo Wied il-GĦajn. Kien hemm toroq li nfetħu erba' darbiet f'erba' snin u kultant anke darbtejn f'sena waħda, imbagħad joħorġu ħafna gimmicks u slogans li rnexxielna u rnexxielna imma mbagħad ma jkun irnexxielna xejn għaliex minn fażi jfaqqsu fażijiet oħrajn li jkunu falluti. Huwa żgur li se tingħata l-attenzjoni li jixraqlu lis-self-employed li jkun qiegħed f'żoni kummerċjali sensittivi u diġa' qegħdin isiru inizjattivi b'kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari tas-self-employed u l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni. Diġa' rajna inizjattivi fil-proġett ta' Palazzo Castellania u fil-proġett ta' Triq Żekka, il-Belt fejn qegħdin isiru konsultazzjonijiet mill-qrib mas-settur kummerċjali ta' dawn l-inħawi sabiex jiġi assigurat li x-xogħol ma jsirx b'mod u manjiera li jfixkel l-operat ta' dawn is-self-employed li, wara kolox, ikunu investew ħafna flus kultant anke mill-banek - għax m'għandhomx minn fejn iġibu assistenza sussidjata - u mbagħad jitilfu l-klijentela minħabba xogħlijiet pubbliċi li jkunu saru bl-addoċċ. Dan m'huwiex l-ispirtu li għandu jiggwidana imma għandna naħdmu id f'id mas-settur privat u mas-settur kummerċjali sabiex naċċertaw illi dawn ma jbatux.
Miżura oħra li se jieħu Gvern Laburista ġdid fil-qasam tas-self-employed u li ssemmiet ukoll fil-budget hija l-kummissjoni li se tistudja u tistħarreġ id-drittijiet soċjali tas-self-employed. Dan huwa żvilupp pożittiv li se jsir fil-futur qarib u huwa riflessjoni ta' l-aspettattiva u ta' l-indikazzjonijiet li aħna rċevejna mis-self-employed individwalment kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom. Fil-fatt hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunita' sabiex nirringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għaż-żgħażagħ kif ukoll lis-Segretarjat Parlamentari għad-drittijiet tan-nisa għall-kollaborazzjoni tagħhom. Din il-kummissjoni, li se jkollha nies li jirrappreżentaw strata differenti tas-soċjeta' tagħna, jiġifieri nies li huma self-employed u nies li jkunu ħadmu fl-amministrazzjoni taċ-Ċivil - speċjalment fil-qasam tas-sigurta' soċjali -se sservi biex is-self-employed iż-żgħir ma jibqax iħossu ċittadin tat-tieni klassi. Dan huwa ċittadin li wkoll iħallas il-bolli u t-taxxi. Mhux kulħadd huwa ħalliel, kif in-naħa l-oħra dejjem irriferiet għas-self-employed. Huma ġejjin jgħallmuna kif aħna għandna mmexxu lis-self-employed meta f'dawn id-disa' snin u nofs sħaħ ħlief ħallelin ma għajjruhomx! Dan se jkun impenn tal-Gvern Laburista ġdid, jiġifieri li jħares ukoll l-interess u l-bżonnijiet soċjali tal-self-employed proprju bit-twaqqif ta' din il-kummissjoni taħt l-awspiċi tas-Segretarjat Parlamentari għas-self-employed.
Jien, Mr Chairman, nagħlaq billi nirringrazzja ħafna lil dawk l-assoċjazzjonijiet u l-unions kollha rappreżentattivi tas-self-employed li rrikorrew għall-assistenza mis-Segretarjat Parlamentari kif ukoll li ressqulna u ddentifikaw magħna l-problemi tagħhom għaliex b'dan il-mod huma qegħdin jgħinu fit-twaqqif u l-formazzjoni ta' dan is-Segretarjat Parlamentari. Nixtieq li nirringrazzja pubblikament lis-self employed individwalment li rrikorrew direttament għall-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari u ntenni li aħna se nkomplu nikkolloboraw sabiex ngħinu u nkomplu ngħollu l-livell tas-self employed u ntejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Grazzi.
Yüklə 467,41 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin