PULIZIJA - LIĊENZJI TAL-ĦWIENET
2282. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet xahar b'xahar, fl-1996 għal-liċenzji ta' ħwienet ġodda?
ONOR. ALFRED SANT: In-numru ta' applikazzjonijiet li saru mall-Pulizija għall-ftuħ ta' ħwienet ġodda matul l-1996 kien ta' 540, kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
ŻEBBUĠ - SMW CORTIS - ESTENSJONI TAL-FABBRIKA
2283. L-ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-fabbrika ta' SMW Cortis ta' Ħaż-Żebbuġ diġa' ġiet rifjutata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, l-Environmental Impact Assessment li sar jindika li dan l-iżvilupp se jkompli jiggrava l-problema diġa' eżistenti ta' emmissjoni ta' gassijiet tossiċi mill-fabbrika li mhijiex 'il bogħod mill-abitat, saret protesta kontra dan l-iżvilupp minn residenti u bdiewa ta' dan il-lokal li se jkunu milquta jekk l-iżvilupp iseħħ minħabba li se tingħalaq triq pubblika li ilha eżistenti għal ħafna snin, inġabret petizzjoni b'800 firma kontra dan l-iżvilupp u l-iżvilupp se joħnoq il-mitħna storika fil-viċinanzi kompletament, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'pożizzjoni se jieħu l-Ministeru tiegħu fuq dan il-każ? Ta min wieħed isemmi li hemm żewġ applikazzjonijiet kważi identiċi għal dan il-proġett quddiem l-Awtorita': PA 2523/92 u PA 7781/95.
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq nikkonferma li kif qal l-Onorevoli Interpellant, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar irċiviet żewġ applikazzjonijiet dwar il-każ imsemmi.
L-Applikazzjoni Numru PA 2523/92 ġiet rifjutata. Preżentament, din l-applikazzjoni qiegħda quddiem il-bord tal-Appell. Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf, li dan il-bord huwa entita' differenti mill-bqija tal-Awtorita'.
L-aaplikazzjoni l-oħra msemmija, Numru PA 7781/95 tinsab għand l-uffiċjal inkarigat biex din tiġi pproċessata.
ŻURRIEQ - MIŻBLA TA' WIED FULIJA
2284. L-ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' tibda tintuża l-miżbla ta' Wied Fulija limiti taż-Żurrieq kif ġie suġġerit fin-North West Local Plan maħruġ mil-Local Plans Unit ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (Sezz. 10.7) f'Diċembru 1996?
ONOR. GEORGE VELLA: Tul dawn l-aħħar ġimgħat saru konsultazzjonijiet mal-Ministeri u mal-Membri Parlamentari, eletti minn dawk in-naħat fuq il-Pjan Lokali għall-Majjistral. Dawn il-konsultazzjonijiet qed isiru qabel ma l-Pjan jiġi approvat mill-Awtorita' u jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika. Għalhekk id-dokument li ġie ċirkolat għad jista jiġi emendat. Jekk ikollhom xi diffikulta fuq xi proposta li hemm fil-Pjan, l-Onorevoli Membri huma mistiedna jagħmlu kuntatt mat-Taqsima Pjani Lokali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanr.
Rigward Wied Fulija, hemm area illi hija ambjentalment degredata imma pero fil-passat ma ġietx użata għar-rimi ta' l-iskart minħabba li dan jista' jinġarr minn l-ilma tax-xita. Minn diskussjonijiet li saru bejn l-Environmental Protection Department u l-Awtorita' jirriżulta li hemm il-possibilita li jiġi provdut sistema għall-ilma tax-xita b'tali mod illi kwalunkwe rdim ma jinġarrx bl-ilma. L-użu ta' din il-parti għall-irdim, jippermetti li l-area tiġi livellata u għalhekk tiffaċilita r-riabilitazzjoni tagħha. Fl-aħħar parti ta' l-abbozz tal-Pjan Lokali taħt `Area Policies' - Wied Fulija, hemm propost illi l-area tiġi riabilitata għal użu rikreattiv.
TORRI TAL-ĦAMRIJA - RESTAWR
2285. L-ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li jiġi restawrat fil-futur qrib it-Torri tal-Ħamrija fil-viċinanzi tat-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra li qiegħed viċin ħafna ta' kolass totali? Hemm xi ħsebijiet għar-restawr tal-barriera ta' l-irħam biswit it-tempji li hija estetikament kerha ħafna u ilha ma tintuża għal ħafna snin?
ONOR. GEORGE VELLA: Ir-restawr ta' bini storiku m'hix fir-responsabilta ta' dan il-Ministeru. L-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Dwar barrieri, qed jiġi studjat "policy" dwar restawr u/jew riħabilitazzjoni.
MEDSERV - RAPPORT INVESTIGATTIV
2286. L-ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Jista' l-Ministru jikkummissjona r-Rapport investigattiv dwar il-Medserv mitlub minnu diġa' darbtejn fit-13/1/97 u fil-21/1/97 skond mistoqsija parlamentari numru 2068?
ONOR. LINO SPITERI: Jekk inħoss li għandi nagħmel dak li qed jirrikmandali l-Onorevoli Membru, nagħmlu. F`dan l-istadju hemm trattativi għaddejin li ma jġegħlunix inħoss li għandi nwieġeb bil-mod li qed jindika li jixtieq l-Interpellant. Dan ma jfissirx li mhu se jsir xejn biex il-qagħda tal-kumpaniji tkun mgħarbla fejn meħtieġ.
SPIŻERIJI TAL-GVERN - MEDIĊINI
2287. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jieħu ħsieb li "Enalaprie" f'doża ta' 5mg jerġgħu isiru disponibbli għall-pazjenti li ntitolati għalihom peress li qed jiġu "dispensed" biss dawk ta' doża ta' 20mg mill-ispiżeriji tal-Gvern?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Stocks ta` Enalapril 5mg. tablets mit-tender għandhom jaslu fl-aħħar ta` Frar. Pero` qed jinġiebu stocks b`direct orders.
VALLETTA - TRIQ ZAKKARIJA - TISWIJA
2288. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu sabiex ix-xogħol ippjanat fi Triq Zakkarija, l-Belt Valletta jinbeda sebat ijiem oħra kif ġie mwiegħed? Qegħdin jittieħdu prekawzjonijiet sabiex minkejja x-xogħlijiet jibqa' jkun hemm xorta aċċess tan-nies għal djarhom u għall-ħwienet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fost il-passi li ttieħdu sabiex dan ix-xogħol jibda kif ippjanat fl-ewwel ġimgħa ta' Frar, kien hemm li:
a) Intagħżlu n-nies li sejrin jagħmlu dan ix-xogħol.
b) Inħarġu offerti għall-kiri ta' makkinarju
c) Saru laqgħat ta' ko-ordinazzjoni ma' korporazzjonijiet li
għandhom servizzi f'din it-triq.
Għalkemm ix-xogħol mistenni li joħloq xi inkonvenjenzi, sejrin jittieħdu il-prekawzjonijiet neċessarji biex xorta waħda n-nies ikollhom aċċess għal djarhom u ħwienet.
DJAR - TBATTIL TA' APPARTAMENTI
2289. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar: Fid-dawl tal-"policy" tad-dipartiment skond il-mistoqsija parlamentari numru 812 u l-informazzjoni li l-Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wara l-mistoqsija parlamentari numru 2013; u peress li l-familja bin-numru ta' l-applikazzjoni 2263 hi l-unika waħda fl-istess blokk ta' appartamenti li għandha kriterji ta' mard u talba għal anqas taraġ - u dan skond l-informazzjoni mogħtija f'mistoqsija parlamentari numru 2013, x'qed iżomm lill-Ministru/dipartiment milli jalloka l-appartament battal fl-istess blokk lil din il-familja?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: M'għandix xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 2013. Il-każ għadu qed jiġi pproċessat.
KOPERATTIVI ĠODDA
2290. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 2097, jista' l-Ministru jgħid mil-liema dipartimenti ġew il-persuni li wrew ix-xewqa li jiffurmaw koperattivi?
ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
SIGURTA' SOĊJALI - "SOCIAL CLAUSE"
2291. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar l-hekk imsejħa "social clause" li dwarha ta' sikwiet isiru diskussjonijiet fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO)?
ONOR. EDWIN GRECH: Waqt li nifhem l-isforzi li qiegħda tagħmel l- I.L.O fuq front dinji biex jinqatgħu l-abbużi tax-xogħol, u Malta ma tonqosx li tagħti l-kontribut tagħha kif u meta jkun meħtieġ għal dan il-għan, wieħed irid jara sewwa l-implikazzjonijiet tas-`social clause` li l-effetti tagħha jmorru lilhinn mill-qasam fejn topera l- I.L.O.
SKEJJEL - PROGRAMM "SCOOPS"
2292. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel bħalissa qed jitwettaq il-programm "Scoops" li hu ta' ġid kbir għaż-żgħażagħ kemm bħala tagħlim u kemm bħala tħejjija għall-ħajja?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-programm SCOOPS qed jitwettaq f'dawn it-42 skola li ġejjin:
1. Skola Sta Monica, B'Kara
2. Skola St Dorothy, Mdina
3. Maria Regina Junior Lyceum, Blata l-Bajda
4. Skola Sekondarja Lily of the Valley, Mosta
5. Skola Sekondarja Maria Assumpta, Hamrun
6. Skola Sekondarja Sir Luigi Preziosi, St. Andrews
7. Skola Sekondarja Erin Serracino Inglott, Cospicua
8. Kulleġġ St Edwards, Cottonera
9. Skola St Michael, Qormi
10. Kulleġġ San Albert il-Kbir, Valletta
11. Kulleġġ St Martin's, Kappara
12. Mikiel Anton Vassalli Junior Lyceum, l/o Qormi
13. Skola Sekondarja Lorenzo Manche, Floriana
14. Skola Sekondarja Ġuże' D'Amato, Paola
15. Mgr. Pietru Pawl Saydon, Żurrieq
16. Skola tas-Snajja Umberto Colosso, Sta Venera
17. Skola tas-Snajja Dun Ġwann Mamo, Marsa
18. Skola San Anton, Mġarr
19. Skola Speċjali, Wardija
20. Skola Guardian Angel, Ħamrun
21. Lorenzo Gafa Skola Sekondarja tas-Subien, Kalkara
22. Verdala International School, Pembroke
23. Skola St Patrick, Sliema
24. Kulleġġ De La Salle, Birgu
25. Kulleġġ Savio, Dingli
26. Salvatore Dimech for Craftsmen, Tarġa Gap, Mosta
27. Ġużeppi Despot Junior Lyceum, Verdala School, Bormla
28. Skola Sekondarja Fra Diegu Bonanno, Marsa
29. Skola Sekondarja tal-Bniet Adelaide Ċini, Ħamrun
30. Furto Selvatico Opportunity Centre, Naxxar
31. Skola Kan. Pawl Pulliċino, Rabat
32. Kulleġġ San Alwiġi, B'Kara
33. Skola Sekondarja Dun Karm Psaila, Żebbuġ
34. Skola Sekondarja Ġuże' Delia, B'Kara
35. Carlo Diacono Junior Lyceum, Żejtun
36. Convent of the Sacred Heart, St Julians
37. Skola tal-Bini Ġirolmu Cassar, Floriana
38. Skola Santu Wistin, Pieta'
39. San Franġisk Agius De Soldanis, Victoria, Għawdex
40. Skola tas-Snajja Mary Meilaq, Xagħra, Għawdex
41. Ninu Cremona Junior Lyceum, Victoria, Għawdex
42. Skola Carmelo Refalo, Rabat, Għawdex
P.A. - PROPRJETA'
2293. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel sabiex tissolva l-problema li qegħda tirriżulta meta xi ħadd jixtri proprjeta' għal residenza jew kummerċ, li jkun jifforma parti minn kumpless akbar u l-bqija tal-kumpless ma jkunx komplut bl-aperturi (per eżempju) bil-konsegwenza li l-"building inspector's report" jew "compliance report" ma jinħariġx, u għaldaqstant ix-xerrejja wara sagrifiċċji kbar ta' flus ma jkunux jistgħu jużaw il-proprjeta'?
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed tiġi diskussa `Legal Notice' sabiex tirregola dawn is-sitwazzjonijiet.
PA - "ENFORCEMENT OFFICERS"
2294. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-"complement" ta'l-"Enforcement Officers" fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm hemm uffiċjali preżentement impjegati f'dan il-grad?
Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li minħabba n-nuqqas ta' uffiċjali ta' l-"Enforcement", "building inspection" mhux qiegħed isir? X'qiegħed jagħmel il-Ministru sabiex jirranġa dawn in-nuqqasijiet?
ONOR. GEORGE VELLA: Il-`Complement' ta' l-`Enforcement Officers' fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar huwa ta' 30 persuna.
Mqassma hekk:
5 Senior Enforcement Officers (Grade 7)
7 Encormcement Officers II (responsabbli għal spezzjonijiet ġenerali) (Grade 6)
18 Enforcement Officers I (responsabbli għal spezzjonijiet ġenerali) (Grade 5)
Bħalissa fil-grad ta' Enforcement Officer I hemm 10 vakanzi, fil-waqt li fil-gradi l-oħra hemm `full complement'.
Building Inspections qegħdin isiru skond kriterji u esiġenzi tal-Unit. Ħarġu applikazzjonijiet kemm interni kif ukoll esterni għall-mili ta' dawn il-posizzjonijiet ta' Enforcement Officer I u bħalissa għaddej il-proċess biex isiru l-`interviews'.
VAT - "RETURNS" TAL-VAT
2295. L-ONOR. JOHN DALLI staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Jista' l-Ministru jagħti analiżi tar-"returns" li rċieva d-Dipartiment tal-VAT fl-1995 u fl-1996, separatament? Jista' jagħti din l-analiżi settur b'settur (NACE code) u juri għal kull settur ir-"returns" li suppost intbagħtu; ir-"returns" li ntbagħtu; "turnover"; xiri; "input tax"; u "output tax"?
ONOR. LINO SPITERI: L-Onorevoli Interpellant jaf biżżejjed li din l-informazzjoni qatt ma ngħatat u kemm tieħu żmien biex tinġabar, jekk tista` tinġabar. Barra minn hekk, ma nifhimx għaliex l-Onorevoli Sinjur qed jitlob tagħrif li kien f`idejh.
MIA - "BACKGROUND MUSIC" FIŻ-ŻMIEN TAL-MILIED
2296. L-ONOR. BERTU PACE staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Malta International Airport matul il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena ma ndaqqx "background music/christmas carols" bħalma kien isir fis-snin ta' qabel? Minn ħa din id-deċiżjoni u għaliex?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nfurmat li sabiex ditta, ħanut jew xi entita bħall-ajruport jdoqq mużika f'post pubbliku, dan legalment jrid bil-fors iħallas miżasta lill-Performing Rights Society Limited, u dan skond il-kobor tal-post.
Jiena nfurmat ukoll li fil-5 ta' Settembru, l-M.I.A. ddeċidiet li ma ġġeddidx il-liċenzja tagħha sabiex iddoqq mużika fl-ajruport u b'hekk il-kumpanija sejra tiffranka Lm3,205.64ċ fis-sena.
Id-deċizjoni ovvjament ttieħdet mill-management tal-kumpanija.
BUSKETT - LETTER BOX
2297. L-ONOR. BERTU PACE staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jieħu passi biex fil-Buskett issir "letter box" għall-konvenjenza tar-residenti kollha tal-Buskett? Qed nissuġġerixxi li din issir ħdejn il-Buskett Forest, Buskett.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nfurmat li l-eqreb kaxxi ta' l-ittri għall-Buskett huma:-
1) qrib l-iskola primarja ta' Ħad-Dingli
2) hdejn San Duminku
3) f'Tal-Virtu
Id-distanza mill-Buskett Forest għal-eqreb kaxxa ta' l-ittri hi ta' ftit iktar minn żewġ kilometri.
Minħabba f'dawn iċ-ċirkustanzji jiena lest li nilqgħa t-talba ta' l-Onorevoli Interpellant u qiegħed nagħddi dan s-suġġeriment lill-Posta Ltd. ħalli tara x'jista jsir għal-konvenjenza tar-residenti tal-Buskett.
SKEJJEL - TA' L-ISTAT - ASSISTENTI KAPIJIET
2298. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu vakanzi bħalissa ta' Assistenti Kapijiet fl-iskejjel sekondarji ta' l-Istat kemm f'Malta u kemm f'Għawdex u billi r-riżultat ta' l-eżami għall-dawn il-postijiet ġie ppubblikat, meta hu mistenni li dawn il-vakanzi jimtlew?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Hemm tnax il-vakanza ta' Assistent Kapijiet fl-iskejjel sekondarji ta' l-istat f'Malta u Għawdex.
Seba' vakanzi ser jimtlew fit-3 ta' Frar u qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu mimlija l-vakanzi l-oħra.
GĦAWDEX - KORS FIL-FERGĦA TA' L-I.T.S.
2299. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda għall-ewwel darba l-kors fuq bażi "full-time" fil-fergħa ta' l-I.T.S fil-Qala, Għawdex u kemm attwalment hemm studenti xebbiet u ġuvintur isegwu dan il-kors?
ONOR. KARMENU VELLA: Il-Kors CATERING OPERATIONS inbeda fuq bazi full-time ghall-ewwel darba fil-fergha ta'l-ITS fil-Qala, Ghawdex, fl-10ta'Ottubru, 1996.
F'dan il-kors qed jattendu 6 tfajliet u 12 il-guvni.
IMPJIEGI - ĦADDIEMA GĦAWDXIN
2300. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru issa jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 994?
ONOR. EDWIN GRECH: Iċ-ċifri mitluba għax-xahar ta` Novembru (mistoqsija parlamentari numru 994) u ta` Diċembru ma jistgħux jingħataw għaliex għadhom qegħdin jinġabru.
Dostları ilə paylaş: |