ONOR. LOUIS GALEA: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
VETTURI - REĠISTRAZZJONI
5932. L-ONOR. DOLORES CRISTINA staqsiet lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi reġistrati li għandhom 'il fuq minn 5, 10, 15, 20, 25, 30, 35 u 40 sena?
22/03/99
ONOR. ĊENSU GALEA: Jien informat li l-karozzi rreġistrati f`Malta li għandhom is-snin indikati hawn taħt huma:
inqas minn 5 snin 35,780
minn 5 snin sa 10 snin 48,101
minn 10 snin sa 15 il-sena 28,512
minn 15 il-sena sa 20 sena 20,666
minn 20 sena sa 25 sena 16,324
minn 25 sena sa 30 sena 18,088
minn 30 sena sa 35 sena 10,184
minn 35 sena sa 40 sena 4,684
`l fuq minn 40 sena 2,991 Dan in-numru ma jinkludix informazzjoni dwar vetturi kummerċjali.
VETTURI
5933. L-ONOR. DOLORES CRISTINA staqsiet lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi privati li ġew garaged jew scrapped mill-1993 sal-lum, sena b'sena?
ONOR. ĊENSU GALEA: Jien informat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ma jżommx statistika tan-numri ta` vetturi li ġew garaged jew scrapped skond il-kategorija tal-vettura. Għalhekk qed tingħata l-informazzjoni bbażata fuq il-vetturi kollha.
SENA `GARAGED` `SCRAPPED` 1993 - 2,261
1994 1,463 1,641
1995 2,088 1,761
1996 3,683 2,224
1997 7,959 2,480
1998 4,110 3,599 Id-Dipartiment m`għandux statistika ta` kemm kien hemm vetturi garaged fl-1993.
PA - PA1084/98
5934. L-ONOR. ALFRED SANT staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5839 dwar żvilupp fi Triq Antonio Schembri, Attard?
ONOR. TONIO BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5839 ingħatat f'Seduta 78.
SKEJJEL - GĦAWDEX
5935. L-ONOR. CARMELO BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġunijiet fil-Higher Secondary School ta' Għawdex, il-lezzjonijiet tal-matematika tnaqqsu minn erbgħa għal tnejn fil-ġimgħa? Minn meta tnaqqsu dawn il-lezzjonijiet? Hemm possibbilta' li jerġgħu għan-numru li kienu qabel, speċjalment minħabba l-eżamijiet li l-istudenti jridu jagħtu?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li minn Jannar 1999 'il hawn l-istudenti kollha li qegħdin isegwu xi kors fil-matematika kemm f'livell ordinarju, intermedjarju u avvanzat fiċ-Ċentru għall-Istudji Ogħla Sir Mikiel Refalo Għawdex għandhom il-lezzjonijiet kollha li suppost għandhom.
Fil-bidu ta' din is-sena skolastika, minħabba n-numru kbir ta' studenti li għażlu l-Matematika u minħabba nuqqas żgħir ta' għalliema, l-istudenti li kienu qegħdin isegwu l-kors ta' reviżjoni f'livell ordinarju ingħataw tnejn minn erba' lezzjonijiet bejn Ottubru u Diċembru 1998.
KMĦ - MEMBRI
5936. L-ONOR. CARMELO BORG staqsa lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Ministru jgħid xi kwalita' ta' membri fadlilha l-Koperattiva Maltija tal-Ħalib, jiġifieri l-KMĦ?
Għal-liema sena l-aħħar li rċevew l-imgħax fuq l-ishma l-membri tal-ħalib li kellha?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-Malta Milk Producers Co-operative Society Limited kif kienet reġistrata taħt l-ordinanza ta' l-1946, din illum qegħda reġistrata bħala Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, skond l-Att ta' l-1978 dwar l-Għaqdiet Koperattivi.
Il-membri ta' din il-koperattiva huma raħħala (Maltin u Għawdxin) li jipproduċu ħalib għall-ippasturiżżar.
Is-sehem ta' membru f'din il-koperattiva hi ta' Lm1 u bħala regola ma jiġix dikjarat "dividend" għal sehem ta' Lm1. Iżda l-koperattiva tqassam kull sena benefiċċji kbar lill-membri - bħal servizz ta' veterinarju b'xejn, skonti, apparat u gaġeġ, u benefiċċji oħra li f'sena jammontaw eluf kbar ta' liri.
RESEARCH DEVELOPMENT CENTRE - RAPPORT
5954. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport maħruġ mir-Research Development Centre ta' l-ETC f'Settembru 1997 bit-titolu "Employment and Unemployment within the Cottonera area"?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Kopja tar-rapport maħruġ mir-Research Development Centre ta' l-ETC f'Settembru 1997 bit-titolu Employment and Unemployment within the Cottonera Area tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
BORMLA - PEDESTRIAN CROSSINGS
5955. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li fi Triq Santa Tereża, Bormla quddiem il-Knisja ta' Santa Tereża isir xi tip ta' pedestrian crossing bħal zebra crossing jew xi traffic lights?
ONOR. ĊENSU GALEA: Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista jsir.
PA - PROPRJETAJIET
5956. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy u allura x'isir meta persuna jkollha proprjeta' li tkun affettwata bi proġett ta' slum clearance?
ONOR. TONIO BORG: L-Onor. Membru huwa mitlub jagħti iktar dettalji, jiġifieri jgħid jekk huwiex jirreferi għas-sid jew għall-kerrej tal-proprjeta' affettwata. Jekk qiegħed jirreferi għall-kerrej, huwa mitlub jgħid jekk il-fond huwiex residenza, ħanut jew x'użu ieħor qiegħed isir minnu.
PRODOTTI - ĦLAS TA' DAZJI
5957. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi trattament speċjali fuq ħlas ta' dazji, VAT, u courier service fuq oġġetti essenzjali (bħal spare parts ta' xi makkinarju użat għall-industrija) li ma jinstabux lokalment, allura tkun trid timportahom bilfors?
ONOR. JOHN DALLI: Il-Malta Development Corporation toffri sistema ta` exemptions mid-dazju fil-każi msemmija, għalhekk wieħed jista` jirreferi għall-Corporation għal aktar tagħrif.
L-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud ma jipprovdi għall-ebda trattament speċjali fuq ħlas ta` VAT fuq oġġetti bħal spare parts ta` makkinarju wżat għall-industrija. Kull ammont ta` VAT li titħallas fuq l-importazzjoni ta` dawn l-oġġetti tista` tintalab lura lid-Dipartiment fid-denunzja għall-perjodu tat-taxxa relattiv.
Madanakollu, intrapriżi li jesportaw il-prodotti tagħhom jistgħu jagħmlu talba lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp biex il-ħlas tal-VAT dovut fuq l-oġġetti importati minnhom ikun jista` jiġi diferit. Għal dan il-għan il-korporazzjoni toħroġ ċertifikati apposta fil-każ li t-talba tiġi milqugħa.
BIR TAL-MADONNA TAŻ-ŻEJT
5959. L-ONOR. RITA LAW staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jpoġġi kopja ta' l-iktar riżultat riċenti li l-esperti għamlu fuq is-samples mill-Bir tal-Madonna taż-Żejt? Kemm intnefqu flus fuq dan it-tħaffir? Kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fulltime u part-time? X'kien ix-xogħol tagħhom? X'kienu l-aħħar żviluppi? X'se jsir issa?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ir-riżultati tal-kampjuni miġbura mill-bir Madonna taż-Żejt għandhom valur kummerċjali u mhux prudenti li jitpoġġew fuq il-Mejda.
Informat li l-ispejjeż sa 5,000 metru laħqu madwar Lm5.3 miljun u dawk bejn 5,000 metru u 8,012 metru inklużi l-provi, mistennija jlaħħqu madwar Lm5 miljun oħra. Madwar Lm4.8 miljuni minn dawn l-ispejjeż huma provduti taħt ir-Raba' Protokol bejn Malta u l-Italja.
Hemm ħamsa u tletin ħaddiem Malti jaħdem mas-Saipem fuq it-tħaffir tal-bir. Tnejn minnhom jaħdmu part-time. Dawn huma: 3 Assistant Drillers, 3 Derrickmen, 9 Floormen, 9 Roughnecks, 2 Electricians, 2 Mechanics, 1 Welder, 2 Office
Clerks, 2 Nurse/Clerks, 2 Watchmen (part-time).
L-aħħar żviluppi fuq il-bir jirrigwardaw provi ta' produzzjoni li saru bejn l-10 ta' Marzu u l-15 ta' Marzu 1999. Dawn il-provi wrew li l-gass li nstab fil-bir fil-livell bejn 5,800 u 6,000 metru mhux kummerċjali.
Bħalissa qegħdin isiru preparamenti meħtieġa fil-bir biex isiru provi oħra f'livell ieħor fejn instab il-gass.
UE - TAĦDIDIET
5960. L-ONOR. RITA LAW staqsiet lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet ta' Malta u l-Unjoni Ewropea? Ma' min qed isiru t-taħdidiet?
ONOR. JOE BORG: Wara li Malta rrijativat t-talba taggħa għal sħubija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ħarġet rapport aġġornat fis-17 ta'Frar li fih tat parir lill-Kunsill tal-Ministri li l-proċess ta' screening ma' Malta jingħata bidu kemm jista' jkun malajr b'mod li n-negozjati għal sħubija jibdew fl-aħħar ta' din is-sena. Minn naħa tiegħu, il-Kunsill, fit-22 ta' Marzu, approva il-parir tal-Kummissjoni.
Għalhekk huwa maħsub li t-taħdidiet ma' Malta fil-qafas tal-proċess ta' screening jibdew bejn it-tieni u t-tielet ġimgħa ta' Mejju u jsiru bejn l-awtoritajiet Maltin u l-Kummissjoni Ewropea.
SKEJJEL - FGURA - TRASFERIMENT
5961. L-ONOR. RITA LAW staqsiet lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ħa transfer wara 14-il sena jaħdem bħala handyman fi Skola Primarja A. Fgura?
Jaf il-Ministru li fl-istess skola Primarja B kien hemm vakanza li ilha battala għal ħafna żmien?
X'kienet ir-raġuni li ngħata transfer meta hemm post vojt fl-istess skola?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li l-persuna msemmija qed tagħmel xogħol ta' Cleaner għax il-Grade tiegħu huwa ta' General Hand.
Kien hemm bżonn li din il-persuna tmur l-iskola fejn intbagħtet għax fl-iskola ta' Fgura Primary 'B' hemm żewġ cleaners ma' 17-il klassi.
TA' QALI NATIONAL PARK COMMITTEE
5962. L-ONOR. JOSEPH M. SAMMUT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5776 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' jgħid jekk Ta' Qali National Park Committee għadux jiffunzjona? Jekk fl-affermattiv, min kienu l-membri ta' l-istess kumitat għas-sena 1997 - 1998 u 1999?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ir-risposta hija fin-negattiv.
PERIT MINTOFF - PROPRJETA' "TA' L-GĦARIX"
5963. L-ONOR. GAVIN GULIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5808 u billi f'dik ir-risposta il-Ministru tkellem dwar xi imgħaxijiet li għandhom jitħallsu, jista' l-Ministru jgħid f'liema klawsola tal-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998 huwa pprovdut li l-gvern, barra il-Lm128,000 li għandhom jitħallsu bħala danni, għandhom ukoll jitħallsu l-imgħaxijiet fuq dan l-ammont?
ONOR. TONIO BORG: Qari akkurat tar-risposta tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 5808, jindika li jiena użajt il-kliem 'imgħax/danni'. Ma tajt l-ebda ndikazzjoni li jista' jkun hemm ħlas ta' imgħax barra ħlas ta' danni. Minn korrispondenza nterna ta' żmien l-Amministrazzjoni preċedenti jirriżulta li l-ammont ta' danni in kwestjoni ġie maħdum a bażi ta' imgħax fuq is-somma prinċipali tal-kumpens.
PERIT MINTOFF - PROPRJETA' "TA' L-GĦARIX"
5964. L-ONOR. GAVIN GULIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5808, jista' l-Ministru jgħid f'liema klawsola tal-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998 hemm ipprovdut li l-proprjeta' "Ta' l-Għarix" m'għandhiex tgħaddi lill-Gvern Malti qabel il-Gvern Malti jħallas il-kumpens proprju għall-esproprjazzjoni de facto tal-proprjeta' in kwestjoni?
ONOR. TONIO BORG: Huwa ċar mil-Letter of Intent tat-22 ta' Mejju, 1998, li t-trasferiment isir malli jsir it-trasferiment ta' l-art tal-Fawwara; ġaladarba dik ma saritx, ma jistax isir it-trasferiment ħlief naturalment permezz ta' ordni ta' esproprjazzjoni.
DJAR - APPARTAMENTI TAL-GVERN
5967. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-introduzzjoni ta' lift f'appartamenti tal-gvern fejn joqogħdu ħafna anzjani fis-sulari ta' fuq bħal, per eżempju, l-appartamenti fi Triq Sant'Anna fil-Furjana u dawk f'2, Melita Str, Valletta?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Kif aktarx jaf l-Onor. Interpellant, ftit tal-ġimgħat ilu ħabbart li l-Awtorita' tad-Djar se tniedi skema ta' stallazzjoni ta' lifts f'bini tal-Gvern fil-Kottonera, il-Belt u l-Furjana. Għandi pjaċir ninformah ukoll li d-dettalji ta' din l-iskema se jitħabbru fil-futur qarib.
MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - IMPJEGATI
5968. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-suġġetti li huma kwalifikati fihom l-impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu fir-responsabbilta' tiegħu li għalihom igawdu minn allowance għal degree jew diploma? X'inhu x-xogħol relattiv li dawn l-impjegati qegħdin jagħmlu bħalissa?
ONOR. LOUIS GALEA: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5613.
SERVIZZ ĊIVILI - OPERATIONS MANAGER
5969. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni li ġew promossi għal grad ta' Operations Manager mill-1 ta' Jannar, 1990 sal-lum? X'kienu l-kwalifiki ta' dawn il-persuni meta applikaw għal promozzjoni?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Jiena nformat illi kien hemm żewġ persuni li ġew appuntati Operations Manager mill-1 ta' Jannar 1990 sa llum wara sejħa għal applikazzjonijiet.
Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant jidhru fl-Iskeda li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
LUKANDA VERDALA
5970. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-lukanda Verdala għaddiet għand il-privat?
ONOR. JOSEF BONNICI: Il-kuntratt li għalih qed jirriferi l-Onor. Interpellant hu wieħed pubbliku u għalhekk jista' jinkiseb mill-Arkivji Notarili bħal kull kuntratt ieħor ta' dan it-tip.
DIPARTIMENT TAX-XOGĦLIJIET - ROAD ROLLERS
5971. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid kif tqassmu ir-road rollers li nxtraw mid-diviżjoni tax-xogħlijiet f'dawn l-aħħar ġimgħat? Kemm inxtraw min dawn ir-rollers?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ninsab informat li minn dawn ir-road rollers inxtraw sitta u tqassmu fid-Distretti Nri 2,4,9,10,11 u 13.
SERVIZZ ĊIVILI - TRASFERIMENT
5972. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi ffinalizzat it-transfer tal-persuna (li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) mid-dipartiment tas-saħħa għal mad-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ninsab informat illi l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant se tirritorna fid-Diviżjoni tas-Saħħa fuq talba tad-Diviżjoni stess fejn tista' tagħmel xogħol kompatibbli mal-grad tagħha.
TARXIEN - SITI STORIĊI
5973. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Ħal Tarxien ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
ONOR. TONIO BORG: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 4343 f'Seduta 69.
XOGĦOL TA' MISSJUNARJI - BENEFIĊĊJI
5980. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jikkonsidra l-Ministru li jibdew jingħataw exemptions lil dawk il-Maltin miżżewġin u bit-tfal li jwettqu xogħol missjunarju barra minn Malta għal perijodu twil ta' żmien sabiex ma jibqgħux jiġu mċaħħda mic-Childrens' Allowance li jkunu ntitolati għalih waqt il-ħidma missjunarja volontarja barra minn Malta?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
SANTA LUCIJA - PARKEĠĠ ĦDEJN L-ISKOLA
5981. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni: Jikkonsidra l-Ministru li l-biċċa art kollha ħamrija li hemm fil-kantuniera bejn Triq Kaħwila u Triq Katerina Vitale f'Santa Luċija ssir parking space sabiex il-mini vans tat-tfal tal-Junior Lyceum ta' Margaret Mortimer f'Santa Lucija jkollhom fejn jipparkjaw? Jista' jsir l-istess bil-biċċa art mhux mibnija, proprjeta' tal-Gvern li hemm bejn Triq Kaħwila u Triq l-Istefanotis ġewwa Santa Luċija?
ONOR. ĊENSU GALEA: Jien infOrmat li l-proġett qiegħed jitmexxa mid-Dipartiment ta` l-Edukazzjoni. L-Onor. Interpellant hu mitlub li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
ENEMALTA - ELECTRICAL FITTERS
5982. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm electrical fitters bil-licences A u B impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi vacancies f'dan il-grad u f'tali każ meta huwa maħsub li jimtlew?
ONOR. JOSEF BONNICI: L-Enemalta għandha mpjegati magħha 78 electrical fitters bil-liċenzja A u 70 bil-liċenzja A u B.
Jekk mill-eżerċizzju tal-Human Resource Audit jirriżulta li hemm vakanzi f`dan il-grad, jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jimtlew tali vakanzi.
RAĦAL ĠDID - SITI STORIĊI
5984. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Raħal Ġdid ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
ONOR. TONIO BORG: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 4343 f'Seduta 69.
GUDJA - SITI STORIĊI
5985. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal tal-Gudja ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
ONOR. TONIO BORG: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 4343 f'Seduta 69.
PIXXINA NAZZJONALI
5991. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq manutenzjoni ġenerali fil-pixxina nazzjonali min Settembru 1998 sal-15 ta' Marzu, 1999? Fuq liema xogħol? Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni dwar min kien responsabbli għall-fatt li sena ilu kellha tingħalaq il-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq minħabba tiswijiet fil-madum tal-pixxina?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li minn Settembru 1998 sal-15 ta' Marzu 1999, intefqu Lm16,956.75 (Lm11,491.86 infiq rikorrenti u Lm5,464.89 infiq kapitali). Dawn intefqu hekk:
Infiq Rikorrenti / Manutenzjoni Generali
LM
Tindif u Pest Control 4550.10
Manutenzjoni fuq il-lift 400.00
Waterproofing 942.72
Taghmir għal kontra n-nirien u manutenzjoni 130.25
Spares għall-Plant Room 840.15
Manutenzjoni tal-follodlighting 815.13
Manutenzjoni ta'spectator seating 860.19
Printing, Stationery u Computer supplies 1172.19
Pjanti 400.00
Hwejjeg Mixxellanji ohrajn (liema infiq ma
jeccedux aktar minn Lm20 fuq kull item
individwali) li jinkludu spejjez ghat-tigdid
tar-reception area u tibdil ta' kmamar f'
changing rooms 1381.13
Infiq Kapitali
Lanes godda, computerisation, partitioning
ta' kmamar 5464.89 Id-deċiżjoni dwar ir-responsabbilta' tal-ħsara li kienet ġrat fil-madum tal-Pixxina għadha ma ttieħditx peress li r-rapport ta' l-istħarriġ għadhom qegħdin jiġu studjati
PIXXINA NAZZJONALI - IMPJEGATI
5992. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjani biex ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu fuq bażi part-time fil-pixxina nazzjonali jingħataw xogħol fuq bażi permanenti? Jista' jgħid kemm hemm ħaddiema li huma impjegati part-time? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'inhi l-paga tagħhom u kemm ilhom impjegati mal-pixxina nazzjonali?
ONOR. LOUIS GALEA: Dwar l-ewwel parti, nirriferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 5870.
Informat li bħalissa hemm 7 ħaddiema impjegati part-time fil-Pixxina Nazzjonali. Id-dettalji huma:
Deckhands (4) Ottubru 1996 Lm1.65 fis-siegha
Novembru 1996 Lm1.65 fis-siegha
Frar 1997 Lm1.65 fis-siegha
April 1998 Lm1.65 fis-siegha
Security/Maintenance (1) April 1997 Lm1.80 fis-siegha
Cleaner (1) Novembru 1997 Lm1.60 fis-siegha
Deckhand/Reception (1) Marzu 1995 Lm1.80 fis-siegha
ĊINA - DELEGAZZJONI
5993. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid min se jakkumpanja lis-Segretarju Parlamentari fid-delegazzjoni fiż-żjara li dan se jagħmel fiċ-Ċina? Kemm se tiġi tqum din iż-żjara u min se jħallas?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li ż-żjara li se jagħmel is-Segretarju Parlamentari fiċ-Ċina kienet ippjanata li ssir fil-bidu ta' Settembru 1998 iżda kellha tiġi posposta minħabba li f'dak iż-żmien kien hemm l-Elezzjonijiet Ġenerali. Is-Segretarju Parlamentari se jkun akkumpanjat mid-Direttur u l-Kap tat-Taqsima Sport tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, mill-Programme Coordinator tal-Youth Studies ta' l-Universita' ta' Malta u miċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport. Kull Dipartiment se jkun responsabbli għall-ħlas tal-biljetti ta' l-ajru tad-delegat rispettiv. Din iż-żjara se ssir fuq stedina tal-Gvern Ċiniż li tinkludi l-akkomodazzjoni. Is-Sinjura Mugliett se takkumpanja wkoll lid-delegazzjoni a spejjeż tagħha.
SAĦĦA - SRNS
5998. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu applications għal SRNs fulltime għal Malta?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet li ntbagħtu għas-sejħa li ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta' Novembru, 1998 għall-mili ta' Staff Nurses fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Għalhekk m'hemmx ħsieb li toħroġ xi sejħa oħra.