Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 490,66 Kb.
səhifə8/8
tarix07.01.2019
ölçüsü490,66 Kb.
#91054
1   2   3   4   5   6   7   8
SKEJJEL - STIPENDJI

6004. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi onorata l-wegħda elettorali li jingħataw stipendji sħaħ? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm saru laqgħat bejn il-Ministru jew uffiċjali oħrajn tal-Ministeru jew tad-Dipartiment tal-KSU u meta saru? Saru laqgħat bejn il-kumitat li twaqqaf dwar l-istipendji u l-KSU? Jekk iva, meta saru? Meta hemm il-ħsieb li jiġi ppubblikat ir-rapport dwar l-istipendji?
ONOR. LOUIS GALEA: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

TASK FORCE TAL-GVERN

6005. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5389 dwar it-Task Force tal-Gvern fuq il-privatizzazzjoni, dan ifisser li l-membri appuntati u li aċċettaw li jservu fuq din it-Task Force, m'humiex imħajrin li jixtru ishma f'entitajiet li l-gvern għoġbu jipprivatizza?
ONOR. JOHN DALLI: F`pajjiżna jeżistu liġijiet dwar Insider Trading u Professional Secrecy li japplikaw ukoll għall-membri tat-Task Force li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant.

IMPORTATURI/BEJJIEGĦA

6007. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4970, jista' l-Ministru jagħtini lista ta' mediċini li suppost roħsu?
ONOR. JOSEF BONNICI: Eżempji ta` mediċini li l-prezz tagħha ġie mnaqqas dan l-aħħar mill-importatur fuq inizjattiva tiegħu stess wara li raħset minn barra kienet din:
Cardura 1mgx28 tablets minn Lm10.08c niżlet għal Lm 5.34c

Cardura 2mgx28 tablets minn Lm13.42c niżlet għal Lm 8.45c

Diflucan 150mgx1 minn Lm 6.87c niżlet għal Lm 4.76c

Diflucan 50mgx7 minn Lm15.78c niżlet għal Lm11.50c



BORD TAT-TASK FORCE

6008. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-bord il-ġdid tat-Task Force li se jipprepara programm għall-privatizzazzjoni f'Malta ma ġewx inklużi rappreżentanti tat-Trade Unions? Ma jaħsibx il-Ministru li t-Trade Unions jistħoqqilhom li jkunu konsultati dwar il-proċess ta' privatizzazzjoni ladarba l-privatizzazzjoni żgur li se tħalli impatt fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħhom? Kif jista' l-gvern jikkontrolla abbużi fis-sens li jista' jkun hemm individwi li jkollhom aċċess għall-inside knowledge (għax qegħdin fuq il-board), liema informazzjoni tista' tiġi wżata biex tiffaċilita' li huma stess, jew permezz ta' intermedjarji jew kumpanniji, jixtru x-shares għalihom infushom? Jista' l-Ministru jassigura lill-poplu Malti li dawk li se jagħtu l-parir lill-gvern permezz ta' dan it-task force mhux se jkunu l-istess nies li jixtru x-shares u forsi jispiċċaw biex bejniethom jikkontrollaw il-kumpanniji li se jiġu privatizzati? X'miżuri se jieħu l-gvern biex jiżgura li ma jkunx hemm konflitt ta' interess f'dan it-task force?
ONOR. JOHN DALLI: F`dan l-istadju ta` programmar, inħass li jkun biżżejjed li fuq it-Task Force ikun hemm persuna ntiża dwar ir-relazzjonijiet industrijali fil-qasam parastatali. Dwar il-mistoqsijiet l-oħra, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li f`pajjiżna jeżistu liġijiet dwar Insider Trading u Professional Secrecy li japplikaw ukoll għall-membri tat-Task Force li għaliha qiegħed jirriferi l-Onor. Interpellant.

BIRKIRKARA - ĊENTRU ĊIVIKU

6009. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid x'funzjonijiet se jaqdi ċ-Ċentru Ċiviku ta' Birkirkara? Meta se jinfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa f'Birkirkara?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Ninforma l-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel parti tad-domanda, din għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli lokali.
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' B'Kara beda joffri servizz limitat fit-8 ta' Marzu 1999. Minħabba nuqqas ta' tobba, is-servizzi offruti għalissa huma:

1 Servizzi ta' Klinika tat-tabib tal-Familja u Nurse kuljum mit-8.00am sal 11.00am, mit-Tnejn sal- Ġimgħa.


2. Servizz ta' Spiżerija għat-tqassim ta' mediċini b'xejn.
3. Servizz ta' Podoloġija.
4. Servizz ta' Fiżjoterapija.
5. Servizz ta' Speech Therapy.

SVPR/ĦAS-SERĦ - IMPJEGATI

6010. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Minitsru jgħid kemm tħallsu overtime il-ħaddiema kollha ta' San Vinċenz de Paule/Ħas-Serħ xahar b'xahar, minn Settembru, 1998 sa Frar, 1999?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Bejn Settembru 1998 u Frar 1999 il-ħaddiema kollha ta' San Vincenz de Paule tħallsu ta' dan l-overtime.
Settembru 1998 Lm25,352.968

Ottubru 1998 Lm41,137.255

Novembru 1998 Lm33,206.465

Dicembru 1998 Lm35,648.409

Jannar 1999 Lm38,025.173

Frar 1999 Lm30,571.347


SKEJJEL - ĦAMRUN - ADELAIDE CINI

6011. L-ONOR. RITA LAW staqsiet lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jaf il-Ministru li l-Iskola Adelaide Cini tal-Ħamrun ilha mingħajr head għal ħafna ġimgħat? Meta jaħseb li se tintbagħat head ieħor/a f'din l-iskola minħabba l-urġenza tal-każ?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li l-Iskola Adelaide Cini ilha mingħajr head minn meta l-head ħadet promotion ta' Assistant Director.
Head oħra tintbagħat malli tinstab il-persuna addatta biex timla din il-kariga.

SKEJJEL - ĦAMRUN - ADELAIDE CINI

6012. L-ONOR. RITA LAW staqsiet lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid kif għadha ma ssewwietx il-ħsara fl-elettriku fl-Iskola ta' Adelaide Cini, fil-Ħamrun? Jaf il-Ministru li ħafna mil-lezzjonijiet bħal dawk tal-computer u tal-Home Economics u użu ta' laboratorju, eċċ qed jiġu mħassra? X'sar wara r-rapporti li għamlu għalliema u oħrajn? X'inhi proprju l-ħsara? X'se jagħmel il-gvern biex din l-iskola tibqa' għaddejja bit-tagħlim?
ONOR. JOSEF BONNICI: Il-ħsara msemmija hija parti mis-sistema interna ta' l-iskola u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta.
RECURRENT EXPENDITURE CONTROL

6014. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir min-naħa tal-gvern dwar dak li għandu x'jaqsam ma' recurrent expenditure control?
X'inhi l-politika ta' dan il-gvern dwar supplimentary estimates?
ONOR. JOHN DALLI: Qiegħed isir monitoring kull xahar, fuq bażi ta` kull dipartiment, u tintalab spjegazzjoni (jekk ikun il-każ) fejn u meta jinħass li jista` jkun hemm varjazzjoni fl-infiq li tista` twassal biex l-allokazzjoni originali tkun maqbuża.
Fondi supplimentari jiġu pprovduti biss jekk jinqalgħu kontinġenzi neċessarji u urġenti li ma kienux previsti waqt il-preparazzjoni ta` l-Estimi.

REVENUE EXPENDITURE

6015. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-projections tal-gvern għal rata li huwa dħul u ħruġ (revenue and expenditure) humiex on track meta mqabbla mal-figuri attwali għal Jannar u Frar?
ONOR. JOHN DALLI: Id-dħul u l-infiq attwali fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena huma fil-fatt fuq l-istess livell ta` kemm kienu mistennija li se jkunu.

SPTARIJIET - PAZJENTI

6016. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jattendu persuni fl-Isptar San Luqa, fl-Isptar Sir Paul Boffa, fl-Isptar Monte Carmeli, eċċ kif ukoll il-Health Centres sabiex jiġbru l-mediċini li jkunu ntitolati għalihom?

ONOR. LOUIS DEGUARA: Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li ma speċifikax il-perjodu li għalih talab l-informazzjoni, ninformah li l-medja ta' pazjenti li jattendu kull xahar fl-ispiżeriji tal-Gvern huwa ta' 52420, li jinkludi fih dawk it-talbiet għal-mediċini permezz tas-Servizz Postali (li jlaħħaq medja ta' 6197 fix-xahar).

DJAR - AKKOMODAZZJONI ALTERNATTIVA

6035. L-ONOR. RITA LAW staqsiet lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Ministru jikkonsidra t-talba ta' familja minn Bormla bil-File No. H.0311 li ilhom jitolbu għal post alternattiv għal dawn l-aħħar 40 sena? Jista' l-Ministru jibgħat għal din il-familja biex jikkonferma t-talba ta' dawn l-anzjani in vista tal-fatt li dawn lanqas jistgħu jinżlu t-taraġ minħabba diżabilita' kaġun ta' problemi ta' mard?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Jien informat illi l-każ tal-familja ndikata qed jiġi kkonsidrat, fil-fatt id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali diġa' offrilhom żewġ postijiet fil-pjan terran, kif jgħidu li għandhom bżonn, iżda rrifjutawhom għax kienu fil-lokal li joqogħdu huma stess, ġewwa Bormla.

MUŻEW TA' L-ARKEOLOĠIJA

6036. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm nies żaru l-Mużew ta' l-Arkeoloġija, xahar b'xahar, minn meta reġa' nfetah f'April li għadda?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li l-lista ta' kemm nies żaru l-Mużew ta' l-Arkeoloġija, xahar b'xahar hi kif ġej:

XAHAR B'XEJN BI HLAS TOTAL

April 1977 7864 9841

Mejju 469 6333 6802

Ġunju 428 3262 3690

Lulju 602 3887 4489

Awissu 111 5079 5190

Settembru 630 5318 5948

Ottubru 1048 6484 7534

Novembru 995 5503 6498

Diċembru 1486 4453 5939

Jannar 832 3141 3973

Frar 619 3318 3937


SERVIZZ ĊIVILI - ĦADDIEMA AWŻILJARJI

6037. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħtini tagħrif dettaljat dwar fiex waslet il-ħidma tal-Ministeru tiegħu għar-rigward ta' dawk il-ħaddiema awżiljarji li setgħu ġew impjegati rregolarment xi snin ilu? Jidhirlu l-Prim Ministru li wasal iż-żmien li l-pożizzjoni tagħhom tiġi regolarizzata?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ninsab informat illi għalkemm sar progress fir-rigward ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-ħaddiema nvoluti, għad jonqos xi stħarriġ li jrid isir.
Dan huwa mistenni li jintemm fi żmien qasir.

QORMI - XOGĦLIJIET

6038. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol li kien qiegħed isir Ħal Qormi fejn il-fabbrika tal-Lowenbrau waqaf ħesrem? Għaliex it-traffic islands ma tkomplewx u t-triq li tagħti għal area ta' Fleur-de-Lys tħalliet fi stat deplorevoli b'periklu għat-traffiku? Għaliex fil-korsa tal-wied tħalla materjal u ġebel? Meta se jitkompla x-xogħol?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ninsab infurmat li:
* Ix-xogħol ħdejn il-fabbrika tal-Lowenbrau għadu għaddej pero' b'workforce imnaqqsa;
* It-traffic islands tan-naħa tat-triq ta' l-Erba' Qaddisin u t-triq li tgħaqqad magħha ma tkomplewx ghax:
(i) Għad trid titlesta house connection tad-drenaġġ minn terzi persuni;
(ii) Għad qed jiġi diskuss mar-residenti ta' l-inħawi kif l-aħjar isir xi parkeġġ pubbliku.
* Ix-xogħol tat-tindif se jsir.


SAĦĦA - OFFICER I/C OF TRANSPORT

6039. L-ONOR. GEORGE VELLA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' persuni li applikaw għall-post ta' Officer i/c of Transport u r-rapport li sar mill-board li għarbel l-applikanti u fuq liema bażi ta' argumentazzjoni waslu biex għamlu l-għażla tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista bl-ismijiet tal-persuni li applikaw u ġew intervistati mill-Bord ta' l-Għażla maħtur mill-Bord precedenti tal-F.M.S. Peress li r-rapport ta` l-interviews huwa ta' natura kunfidenzjali, mhux xieraq li nagħmel il-kummenti tal-Bord pubbliċi għal raġunijiet ovvji. Pero' lest nurihom lill-Onor. Interpellant privatament.
Dwar il-persuna li isimha ntbagħat separatament, qed impoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapport tal-Bord tal-Għażla bir-riferenzi u rakkomandazzjonijiet dwarha. Informat li fatt deċiziv kien li din il-persuna kellha diġa' esperjenza ta' 21 xahar bħala Manager fil-Garage ta' l-Ambulanzi, li erbatax il-xahar minnhom kienu taħt il-Gvern preċedenti. Infurmat li fatt iehor deċiziv kien ir-rakkomandazzjonijiet qawwija li saru minn ex-Supridendent tal-Isptar San Luqa, mis-Supridendent preżenti u mid-Direttur Finance and Administration.
Din il-ħatra saret bl-istess proċeduri kif kien gie magħzul l-I.T. Systems Manager tal-G.P.S. taħt l-amministrazzjoni preċedenti.


UNIVERSITA' - STIPENDJI TA' L-ISTUDENTI

6047. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-istipendji ta' l-istudenti ta' l-Universita' li tkellem dwaru is-Segretarju Parlamentari Mugliett?

ONOR. LOUIS GALEA: Iva, beħsiebni nagħmel dan fil-mument opportun.

IMPJIEGI

6048. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li biddlu l-impjieg tagħhom minn Ottubru 1998 sa Frar 1999, xahar b'xahar maqsumin f'irġiel u nisa u bl-etajiet? Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jaħdmu mingħajr permess minn Ġunju 1998 'l hawn? Kemm minn dawn kienu barranin? Kemm minnhom kienu jieħdu r-relief jew jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minnhom għadhom ma għalqux is-16-il sena? Jista' jagħti l-informazzjoni xahar b'xahar, maqsuma f'irġiel u nisa u bl-etajiet?
ONOR. LAWRENCE GONZI: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.


DIPARTIMENT TAT-TAXXI INTERNI - ARRETRATI

6049. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1547?

ONOR. JOHN DALLI: Il-bilanċ ta` arretrati ta` Income Tax li jidher dovut lill-gvern fuq assessments magħruġa sall-11 ta` Novembru 1998 hu ta` Lm166 miljun. Din iċ-ċifra tinkludi l-ammont ta` taxxa maħruġa fuq bażi ta` ex officio u l-penalitajiet relattivi. Dawn l-ammonti qegħdin taħt oġġezzjoni u normalment jonqsu sew meta l-oġġezzjonijiet jiġu likwidati.
Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni jistma, anke fuq eżerċizzju ta` sampling li sar fuq dawn l-objections, li t-taxxa mitluba skond l-assessments li nħarġu tista tiġi mnaqqsa f`ħafna każijiet b`sittin fil-mija (60%) ta` l-ex officio assessment oriġinali.
Għaldaqstant hu stmat li l-arretrati li jmiss jinġabru jammontaw għal Lm50 miljun.
ŻABBAR - BYPASS - CENTRAL STRIP

6050. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li kienet inbdiet central strip fil-bypass ta' Ħaż-Żabbar għal Wied il-Għajn ftit metri bogħod mill-bidu tal-bypass, in-naħa ta' Ħaż-Żabbar fil-parti l-wiesgħa ħafna, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titkompla din is-central strip għaliex hemm il-ħtieġa li jsir xi ħaġa peress li hemm periklu għan-nies biex jaqsmu?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

ŻABBAR - TRIQ LIA

6051. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Peress li fi żmien il-gvern Laburista kien hemm il-ħsieb li jitkompla l-asfaltar ta' Triq Lia, f'Ħaż Żabbar, fil-parti li tmiss ma' Triq il-Karmnu, jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt se jsir dan l-asfaltar?


ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

NADUR - TOROQ

6068. L-ONOR. CARMELO BORG staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Taf il-Ministru li Triq il-Madonna ta' Fatima, Vjal l-Imnarja u Triq il-Madonna ta' Lourdes, kollha fin-Nadur, Għawdex, jintħieġu resurfacing? Tista' tgħid meta beħsiebu jsir l-imsemmi resurfacing fit-toroq fuq imsemmija?

ONOR. GIOVANNA DEBONO: It-toroq imsemmija huma mdaħħla fil-programm ta' xogħolijiet ta' resurfacing.

GĦAWDEX - BIR MADONNA TAŻ-ŻEJT

6077. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tax-xogħol u t-testijiet li saru fil-bir esploratorju Madonna taż-Żejt? Jista' jagħti stima ta' l-ispejjeż involuti?

ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-bir Madonna taż-Żejt kopra diversi affarijiet, fosthom il-preparazzjoni tas-sit, provista ta' l-ilma għat-tħaffir, tħaffir sa fond ta' 8,012 metri b'wisgħa ta' bejn 36" u 5 7/8" djametru, it-twaħħil ta' conductor pipe ta' 30", it-twaħħil ta' casings ta' 20", 13 3/8" u 9 5/8", it-twaħħil ta' liners ta' 7" u 5",

reġistrazzjoni ta' diversi logs, provi ta' produzzjoni, monitoraġġ u konsulenza ta' esperti fuq il-post u minn barra, analiżi ta' kampjuni fuq il-post u barra, twettiq ta' diversi studji, u xogħol anċillari ieħor.


Infurmat ukoll li l-provi ta' produzzjoni li saru sa issa fond ta' madwar 6,000 metru wrew li l-produzzjoni tal-gass

li nstab hi baxxa ħafna u mhux kummerċjali, u li fil jiem li ġejjin ser isiru provi oħra fond ta' madwar 7,000 metru.


Infurmat li l-ispejjeż sa 5,000 metru laħqu madwar Lm5.3 miljuni u dawk bejn 5,000 metru u 8,012 metru, inklużi l-

provi, mistennija jlaħħqu madwar Lm5 miljuni oħra. Madwar Lm4.8 miljuni minn dawn l-ispejjeż huma provduti taħt ir-Raba' Protokol bejn Malta u l-Italja.




MINISTRU TAL-FINANZI - SAFAR

6078. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid mit-8 ta' Settembru sal-lum kemm-il darba siefer fuq xogħol tal-Gvern, f'liema pajjiż mar, min kienu l-membri ta' kull delegazzjoni u x'kien il-għan prinċipali ta' kull safra?

ONOR. JOHN DALLI: Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet numru 3812 u 5764.

SAN ĠWANN - KUMITAT TA' AZZJONI - STQARRIJA

6079. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tad-dipartiment konċernat dwar l-istqarrija maħruġa mill-Kumitat ta' Azzjoni tat-Toroq San Ġwann u l-Iskola fil-Fgura? Kopja ta' din l-istqarrija qed tintbagħat separatament.

ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

PULIZIJA - DIRETTUR TAL-MID-MED BANK

6082. L-ONOR. ANTHONY ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 4955, jista'jkun li ma ġietx mifhuma ċar u għaldaqstant jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra l-eżitu eżatt ta'l-investigazzjonijiet li saru, dettalji qed jintbagħtu separatament, mill-pulizija dwar l-allegazzjonijiet kontenuti f'ittra mibgħuta lill-Prim Ministru mill-ex president u ex segretarju tal-MUBE f'Diċembru, 1998?

ONOR. TONIO BORG: Il-Pulizija kienet investigat ilment li sar minn uffiċjali tal-MUBE dwar nomina ta' direttur fil-Mid-Med Bank u kontra persuna oħra li kienet ex-direttur meta saru l-allegazzjonijiet mill-MUBE.
Dawn l-allegazzjonijiet ġew investigati iktar minn darba mill-Pulizija, u l-każ ġie riferut ukoll lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Kemm il-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali dejjem sostnew li ma jirriżultax li hemm lok għal proċeduri kriminali għax ma jidhirx li ġie mwettaq xi reat kriminali ta' kwalunkwe xorta minn nies jew soċjetajiet li kontrihom saru dawn l-allegazzjonijiet.
Yüklə 490,66 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin