MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jekk jogħġbu jressaq it-tieni mozzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Mr Speaker, nipproponi:
Billi skond id-dispożizzjoni ta’ subartiklu (1) ta’ artiklu 48 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, għandu jkun hemm President ta’ Malta li jiġi maħtur b’Riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati;
U billi skond subartiklu (3) ta’ l-istess artikolu tal-Kostituzzjoni l-kariga tal-President ta’ Malta waslet biex issir vakanti;
Għalhekk il-Kamra tad-Deputati bis-saħħa u għall-finijiet ta’ l-imsemmi artikolu 48 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tirrisolvi li malli sseħħ dil-vakanza, taħtar lill-Professur Edwin Grech President ta’ Malta.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. GEORGE VELLA: Nissekonda.
MR SPEAKER: Rimarki? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, l-ewwelnett nixtieq nippreżenta lill-kandidat tagħna, il-Prof. Edwin Grech, persuna li kellha karriera distinta kemm barra minn xtutna kif ukoll f'Malta. Dan huwa importanti għaliex naħseb li huwa l-ewwel kandidat għall-presidenza li l-karriera personali tiegħu ma żviluppatx biss f'sens politiku hawn Malta imma żviluppat ukoll f'sens professjonali għal żmien twil kemm f'Malta kif ukoll barra. Il-Prof. Edwin Grech twieled fl-1928 u għalhekk huwa kandidat li mhux biss ikun qed jippreżenta esperjenza fil-politika imma jkun qed jippreżenta wkoll esperjenza professjonali wiesgħa, li hija wkoll esperjenza internazzjonali professjonali mhux fil-politika.
Fi żmenijiet fejn ħafna li jixtiequ jitolbu jew jagħmlu l-punt li tajjeb li ma jkunx biss politiku li jiġi ppreżentat bħala kandidat għall-presidenza, il-Prof. Grech f'dan is-sens diġa' jillustra t-tip ta' profil fejn mhux biss għandek l-element politiku imma anke elementi oħra ta' esperjenza u ta' ħidma.
Il-Prof. Grech kien attiv ħafna b'mod professjonali għal bosta snin u fl-Ingilterra mexa 'l quddiem fil-karriera tiegħu u serva b'distinzjoni fl-Afrika tal-Lvant, f'Zambia u fl-Afrika ta' Isfel, fejn kellu karigi professjonali ta' l-aqwa kwalita'. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' pajjiżna, kien il-Prof. Grech li żamm għaddej is-servizz tas-saħħa fi żmenijiet diffiċli. Kienu żmenijiet li fihom il-poplu Malti u Għawdxi kellu bżonn min isostni s-servizz tas-saħħa u minkejja l-kondizzjonijiet diffiċli li fihom ħadem il-Prof. Grech flimkien ma' oħrajn, kien strumentali biex ir-rikonoxximent akkademiku u professjonali li s-servizzi u l-professjoni tas-saħħa f'Malta kienu tilfu jerġgħu jinkisbu f'temp qasir. Bil-ħidma tiegħu u bil-ħidma ta' nies li kienu fl-istess linja tiegħu, reġgħet ġiet stabilita l-linja 'l quddiem tal-professjoni medika u tas-servizzi tas-saħħa f'pajjiżna, ħaġa li għaliha l-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun grat għal żmien twil lejn il-Prof. Edwin Grech.
Hawnhekk tajjeb li nsemmu wkoll il-kwalitajiet personali tal-Prof. Edwin Grech, bniedem serju u bilanċjat. Ħaġa li rari ssemmiet hija kif dan il-bniedem, meta ġie lura Malta u kellu ċans jikkapparra ċerti pożizzjonijiet professjonali fil-pajjiż, qagħad attent li ma jagħmilx hekk. Per eżempju, ma ssemmietx li meta l-Prof. Grech ġie lura Malta, il-post ta' direttur fid-dipartiment tas-saħħa u l-post akkademiku afferenti għal dak ix-xogħol kien effettivament vakanti u l-Prof. Grech kien qed jagħmel ix-xogħol ta' direttur tad-dipartiment tas-saħħa. Kieku ried, minflok il-post ta' acting director, kien ikollu l-post substantive bħala direttur tas-saħħa u anke tal-post akkademiku li kien marbut miegħu pero' b'għażla personali mill-aktar retta u rigoruża, il-Prof. Grech baqa' jinsisti li jkun acting bil-ħsieb li jekk min kien jokkupa dik il-kariga jerġa' jiġi lura Malta, allura dak il-post jibqa' għad-dispożizzjoni tiegħu. Din hija xi ħaġa li ġrat mhux f'temp ta' sitt xhur jew tmien xhur imma ġrat f'temp ta' snin sħaħ. Meta nbidlu l-affarijiet u l-persuna li minflokha kien qed jaħdem il-Prof. Grech baqgħet ma ġietx f'pajjiżna, il-gvern ta' wara l-1987 mhux talli ma kkonfermax lill-Prof. Grech u ma tahx ċans li jagħmel b'mod sostantiv il-kariga tiegħu, talli keċċih minn professur u minn direttur tad-dipartiment tas-saħħa. Minkejja dawn it-tip ta' esperjenzi u esperjenzi personali ħafna aktar ħorox, wieħed jista' jippreżenta lill-Prof. Grech bħala xempju ta' moderazzjoni f'dan il-pajjiż, ħaġa li jien nagħmilha mingħajr ebda riżerva.
Kull meta kelli x'naqsam mal-Prof. Grech f'diskussjonijiet dwar alternattivi li għandhom isiru - issa jien ili nafu ftit iktar minn għaxar snin - il-vuċi tiegħu dejjem kienet waħda ta' moderazzjoni, ta' bilanċ, ta' sens ta' kif tara n-naħa ta' kulħadd u kif tipprova timxi 'l quddiem, tagħżel toroq ta' deċiżjoni u ta' tmexxija li jipprovaw iżommu lil kulħadd on board, hu ta' liema kulur hu. Veru li kultant il-mod kif jitkellem huwa dirett pero' jiena, għaliex forsi nitkellem bħalu, napprezza ħafna l-mod dirett tiegħu u f'kull ħaġa li jagħmel kelli ċ-ċans nammira kemm bis-sens dirett tiegħu jkun qed jiċħad u jbarri kull sens ta' ipokrezija. Jekk tikkuntrasta dan ma' kif wieħed jista' jimxi b'mod ipokrita, tidħak u titbissem u tieħu b'idejn kemm trid imma ħafna drabi jkollok is-sikkina lesta taħt il-minkeb ... Il-Prof. Grech jaħdem b'mod dirett, fejn dak li għandu jgħid jgħidu, u jien naħseb li f'pajjiżna l-politika għandha bżonn tissaffa ftit mill-ipokrezija li ħafna drabi qisha bħal trab fl-arterji. Xi kultant tħoss li l-ipokrezija hija l-iktar ħaġa li timxi 'l quddiem f'dan il-pajjiż, pero' ċertament li l-Prof. Grech huwa wieħed minn dawk il-persuni li juru kif anke fil-politika tista' tkun dak li int; m'hemmx għalfejn la t-tbissim u lanqas il-pożi ta' l-ipokrezija imma tgħid dak li għandek tgħid u timxi b'sens onest.
Il-bilanċ u l-moderazzjoni tal-Prof. Grech ħarġu wkoll fil-ħidma u fil-karriera politika tiegħu. Fuq il-bażi tal-Partit Laburista, il-Prof. Grech ħa sehem fil-ġlieda kontra dak li kien perċeput bħala dellijiet ta' korruzzjoni u ta' abbuż ta' poter billi ħa sehem f'wieħed mill-aqwa esperimenti politiċi li ġraw f'pajjiżna u li b'xorti ħażina għadu limitat għall-Partit Laburista biss. Qed nirriferi għall-bord ta' viġilanza u dixxiplina awtonomu tal-Partit Laburista, fejn il-Prof. Grech kellu u għad għandu l-inkarigu li jaħdem minnufih fuq kull akkuża u allegazzjoni ta' korruzzjoni jew abbuż ta' poter. Hemmhekk, għal temp ta' ħames snin, il-Prof. Grech ta xogħol ta' siwi u rigorożita' kbira. Huwa kkontesta l-elezzjonijet ġenerali erba' darbiet, ġie elett darbtejn u serva bħala ministru fil-Gvern Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998, fejn kellu jiffaċċja ċerti sfidi li b'xorti ħażina, minħabba dak li ġara, il-pjani li kienu qegħdin jitħejjew biex l-affaffarijiet jimxu 'l quddiem ma kellhomx ċans jaslu għall-frott tagħhom. Għalhekk meta wieħed iħares lejn il-karriera kemm professjonali kif ukoll politika tal-Prof. Edwin Grech, ikollu jirrikonoxxi li huwa persuna li mhux biss huwa idonea għall-preżentazzjoni tagħha bħala President ta' Malta imma li għandu wkoll fond ta' esperjenza, ta' għerf u ta' tagħlim li jkunu jiswew ta' mitqlu deheb fix-xogħol u fil-ħidma ta' President ta' Malta. Sur President, tajjeb li nsemmu wkoll xi konsiderazzjonijiet politiċi li jorbtu man-nomina li qed tagħmel l-oppożizzjoni.
Jien niftakar li f'waħda mill-ewwel stqarrijiet li għamilt meta sirt Kap ta' l-Oppożizzjoni fl-1992, kont semmejt preċiżament l-oġġettiv li dan il-pajjiż ikun tassew pajjiż ta' kulħadd, li mhux għax hemm gvern ta' kulur allura dawk li huma ta' kulur ieħor iħossu li dan m'huwiex pajjiżhom. (Onor. Membri: Hear, hear) U huwa f'dan is-sens li jien nemmen li wieħed għandu jħares lejn din in-nomina. Ma jistax ikun - u din nibqa' ngħidha u nibqa' ngħidha - li pajjiżna jibqa' maqsum u li l-istituzzjonijiet ikunu kollha kkapparati minn min ikollu l-gvern f'idejh. Bejn l-1996 u l-1998 il-Gvern Laburista kien għamel tentattivi kuraġġużi u konna bdejna esperimenti ta' kif nistgħu nkissru din l-għoqda li biha kollox irid ikun ta' kulur wieħed, u batejna talli għamilna din il-ħaġa għaliex kellna ċerti riperkussjonijiet li għadhom jinħassu sal-lum. Imma jien xorta waħda nemmen li dan huwa għan nobbli f'pajjiżna u għalhekk f'dan il-qasam inħoss li n-nomina li qed nagħmlu llejla timxi f'din it-triq, aktar u aktar għaliex nemmen li fost il-maġġoranza kbira tan-nies f'pajjiżna jnissel ċertu sens ta' fair play il-ħsieb li l-istituzzjonijiet, il-mod kif issir il-politika u l-mod kif jimxu l-affarijiet ikunu bbażati fuq element ta' ġustizzja.
Sur President, jien nemmen li meta n-nies iħarsu lejn il-lista ta' presidenti li kellna sal-lum u jaraw kif tqassmu l-karigi u kif saru l-ħatriet, bla dubju ta' xejn ikun hemm persentaġġ sostanzjali li jgħidu li s-sens ta' fair play kellu jwassal biex in-nomina ta' President ta' Malta din id-darba, aktar u aktar wara dak li ġara fl-aħħar sentejn, tkun ta' persuna li toħroġ mill-kamp Laburista. Qgħadna attenti wkoll biex in-nomina li nagħmlu tkun ta' persuna li nqatgħet għal xi żmien mill-politika, fis-sens li peress li l-Prof. Grech b'xorti ħażina ma telax fl-aħħar elezzjoni, diġa' ilu sitt xhur maqtugħ minn kull polemika politika. U dan naħseb li huwa punt ta' importanza. Fl-imgħoddi l-prattika kienet li meta jkun hemm xi ħadd li se jiġi nominat biex isir president, jinqata' mill-politika mhux fl-aħħar jumejn imma għal temp ta' xahar jew xahrejn. Jekk niftakar tajjeb din kienet il-prattika li kien segwa Dr. Anton Buttiġieġ u li anke segwiet Miss Agatha Barbara. Għalhekk il-fatt li l-Prof. Grech għamel sitt xhur maqtugħ juri iktar is-sens politiku ta' kif qed issir din in-nomina.
Fi żmien fejn l-istituzzjonijiet parlamentari ġew kompletament kapparrati mill-partit fil-gvern sempliċement għaliex irnexxielu jġib ċerta maġġoranza fl-aħħar elezzjoni, li kienet elezzjoni barra minn żmienha - u allura l-ħatra ta' Speaker ittieħdet b'ċerta arroganza u anke ċerti affarijiet oħra bħal ħatriet f'bordijiet u korporazzjonijiet fejn ġew misjuqa 'l barra dawk in-nies li b'xi mod jew ieħor kienu għenu lill-gvern ta' qabel - aktar u aktar naħseb li l-poplu Malti u Għawdxi jitlob li jkun hawn sens ta' fair play u tiġi nnominata persuna li tħaddan twemmin Laburista.
Sur President, huwa b'sens ta' unur kbir li jien qed inressaq in-nomina tal-Prof. Edwin Grech bħala kandidat għall-President ta' Malta u nemmen li huwa l-aħjar għażla li nistgħu nagħmlu fiċ-ċirkostanzi kollha tal-lum. Grazzi, Mr Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Ministru Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, meta wieħed jiġi f'sitwazzjoni bħal din, importanti li ssir premessa minn qabel. U l-premessa li nixtieq nagħmel jien hija li m'iniex beħsiebni nidħol fil-merti tal-persuna nnominata bħala kandidat ta' l-oppożizzjoni f'din il-mozzjoni. Jiena nirrispettah bħala persuna li ddedika parti minn ħajtu għall-politika u allura offra li jkun ta' servizz għall-pajjiż u jien nirrispetta lil kull min jagħmel dan il-pass għaliex huwa pass fejn tissagrifika mhux biss l-interessi personali imma anke l-ħajja personali tiegħek u tal-familja biex tkun ta' servizz għall-pajjiż. Għalhekk irrid nenfasizza ħafna li bl-ebda mod ma rrid nitfa' xi riflessjoni fuq il-Prof. Edwin Grech. Il-punt li xtaqt nagħmel m'huwiex marbut mal-persuna nnominata imma huwa marbut mal-mod kif saru l-affarijiet u mal-proċedura li qed tadotta l-oppożizzjoni, safejn naf jien għall-ewwel darba minn mindu pajjiżna beda jaħtar il-President.
Irrid infakkar hawnhekk li proprju fil-bidu ta' din is-sena kienet saret konsultazzjoni bejn il-Prim Ministru u l-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar il-persuna li kellha tiġi maħtura bħala President ta' Malta ma' l-għeluq tat-terminu tal-ħatra ta' Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Fil-fatt l-ewwel inkontru li kien sar bejn il-Prim Ministru u l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien fil-11 ta' Jannar. Kulħadd jaf - għaliex huwa pubbliku - li l-proposta li ressaq il-Prim Ministru lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni għall-konsiderazzjoni tiegħu bl-iktar mod ċivili ta' kif għandhom isiru l-affarijiet, kienet waħda li kienet tinvolvi l-possibbilita' li nemendaw il-Kostituzzjoni biex ikun jista' jerġa' jinħatar Ugo Mifsud Bonnici bħala President. Dakinhar il-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien talab żmien sabiex jikkonsidra din il-proposta - kif wara kollox huwa xieraq - u fil-fatt hekk sar u l-Kap ta' l-Oppożizzjoni ngħata żmien biex ikun hemm il-konsiderazzjoni għal din il-proposta jew għal xi toroq alternativi oħra. Irridu niftakru li f'Jannar konna għadna tliet xhur bogħod mid-data ta' l-iskadenza tal-presidenza u ż-żmien kien propizju biex wieħed jirrifletti u jiddiskuti. Pero' li ġara kien li fit-22 ta' Frar ġiet preżentata din il-mozzjoni li għandna quddiemna. Jien m'iniex qed ngħid li l-oppożizzjoni m'għandhiex tippreżenta mozzjoni jew li m'għandhiex tippreżenta individwu, xejn minn dan, imma rrid nenfasizza xi ħaġa li l-grupp parlamentari tan-naħa tal-gvern esprima b'mod pubbliku anke fl-istqarrija li ħareġ proprju l-għada li ġiet ippreżentata din il-mozzjoni.
Il-mozzjoni li l-oppożizzjoni ppreżentatu fit-22 ta' Frar kienet tfisser li ħames ġimgħat qabel l-għeluq tat-terminu tal-President attwali, hija għalqet il-pożizzjoni tagħha stess. Jien naħseb li din il-mozzjoni tressqet mingħajr ma kien hemm konsiderazzjoni biżżejjed u fil-fond ta' x'kienet il-konsegwenza tal-fatt li tippreżenta mozzjoni bħal dik ħames ġimgħat qabel ma jagħlaq it-terminu ta' presidenza attwali, ħames ġimgħat li kienu jiswew mitqlu deheb għaliex fihom wieħed seta' jkompli jiddiskuti u jesplora jekk kenux jeżistu toroq alternattivi oħra. Din il-proċedura, li ħames ġimgħat qabel iż-żmien l-oppożizzjoni għal xi raġuni jew oħra tagħlaq il-bieb għal possibbilitajiet oħrajn, ikunu x'ikunu anke jekk jidhru diffiċli u tpoġġi lilek innifsek f'pożizzjoni li kważi lanqas tista' tiddiskuti alternattivi oħrajn, għadni sal-lum ma nistax nifhimha. Naħseb li mill-mument li ġiet preżentata din il-mozzjoni, nerġa' nirrepeti ħames ġimgħat qabel it-terminu taż-żmien, tqegħedna f'pożizzjoni lkoll kemm aħna, inkluż l-oppożizzjoni, li ma kienx konċepibbli iżjed li wieħed jaħseb fuq alternattivi oħra għaliex ma jistax ikun li jkollok persuna nnominata f'mozzjoni u fl-istess ħin tikkonsidra alternattivi oħra.
Sinċerament ngħid li dan huwa żball, anke tal-mod kif isiru l-affarijiet, għaliex jien naħseb li wieħed irid dejjem iħalli sa l-aħħar mument biex jara hemmx il-possibilita' li jinstab ftehim. Jekk imbagħad ma jinstabx ftehim, allura ħalli wieħed jiġi hawnhekk u jressaq mozzjoni u jekk hemm bżonn jittieħed il-vot fuqha, imma li tieħu pass bħal dan daqshekk kmieni fil-proċess ipoġġik f'pożizzjoni imbarrazzanti. Jien m'għandix dubju li kieku l-oppożizzjoni ġietha t-tentazzjoni li tikkonsidra alternattivi oħrajn, kienet tispiċċa fil-pożizzjoni imbarrazzanti li rabtet idejha stess. Dan huwa mod żbaljat ta' kif wieħed jagħmel l-affarijiet u dan kien il-punt li l-grupp parlamentari tal-gvern għamel pubbliku bħala reazzjoni immedjata tiegħu, proprju l-għada li ġiet preżentata din il-mozzjoni. Għamilna din il-pożizzjoni u qed nirrepetuha issa mingħajr ebda riflessjoni fuq il-persuna involuta, għaliex inħoss li anke għal quddiem, għal dak li jista' jiġri ħames snin oħra, għaxar snin oħra, għal min għad irid jgħaddi minn din l-esperjenza, dan il-preċedent m’għandux jerġa' jiġi kkupjat imma għandhom jibqgħu miftuħin sa l-aħħar mument possibbli l-possibbilitajiet kollha. Effettivament b'din is-sitwazzjoni dan ma kienx possibbli u tista' tgħid li fit-22 ta' Frar, mal-preżentazzjoni ta' din il-mozzjoni, ingħalaq il-bieb għal kwalunkwe alternattivi oħrajn.
Mr Speaker, fl-opinjoni tiegħi, fl-eżerċizzju ta' tfittxija għal persuni idonei għal ċerti karigi, anke jekk napprezza ġenwinament li kultant jista’ jidher diffiċli u d-diffikultajiet jistgħu jidhru ebsin, l-esperjenza ta' pajjiżna sal-lum uriet li kapaċi nsibu nies, anke jekk għall-ewwel wieħed jista' jkun ftit xettiku dwar kemm jistgħu jiġbru consensus madwarhom. M'hemm xejn li għandu jaqtgħalna qalbna mill-fatt li jeżistu numru konsiderevoli ta' individwi f'pajjiżna li huma stess jgħollu lilhom infushom 'il fuq minn kwalunkwe pożizzjoni partiġġjana jew interess partikolari. Pajjiżna tana prova li dan jista' jsir u allura tajjeb li lkoll kemm aħna nħallu sa l-aħħar minuta ċans biex nipprovaw infittxu dawn it-toroq, imbagħad jekk ma naslux ma jkun ġara xejn, imma almenu fil-kuxjenza tagħna nkunu għidna li għamilna minn kollox biex nippruvaw insibu t-triq.
L-aħħar kumment żgħir li nixtieq nagħmel huwa dwar il-fatt li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni għamel argument tista' tgħid politiku u f'mument minnhom uża l-kliem “fair play”, qisu ried jindika li issa wasal it-turn tagħhom. Għalkemm nifhem il-punt li qed jagħmel, bir-rispett kollu naħseb li jkun żball kbir għalina u għall-pajjiż kollu jekk inħarsu lejn ċerti karigi mill-ottika ta' issa jmiss lili u għada jmiss lilek. Jien naħseb li dan huwa żbaljat għaliex jekk se noqogħdu sejrin hekk, nispiċċaw nargumentaw b'mod redikolu ta’ tlieta kelli jiena u tlieta kellek int. Sinċerament naħseb li dan m’għandux ikun u nerġa’ ngħid li l-istorja ta' pajjiżna wrietna li din m’hijiex kwestjoni ta’ t-turn ta' min hu imma hija kwestjoni ta' l-persuna li tintgħażel u l-mod kif taqdi d-dmirijiet tagħha f'dik il-kariga. Jiena nsostni bil-qawwa kollha li pajjiżna wera li kapaċi jsib nies li jaqdu l-inkarigu li jkollhom għaliex ikunu huma stess responsabbli biżżejjed biex jerfgħu l-piż ta’ dik il-kariga fuq spallejhom, liema kariga tirrikjedi minnhom responsabbilta' u delikatezza kbira. L-istorja urietna li kellna u għandna nies bħal dawn u allura m'għandniex naqtgħu qalbna u nispiċċaw naqgħu fis-soluzzjonijiet ta' issa jmiss lili u għada jmiss lilek, qisna qegħdin nilagħbu musical chairs, illum imiss lili biex inpoġġi fuq dan is-siġġu u għada jmiss lilek biex tpoġġi fuqu. Naħseb li dan ikun żball kbir għal pajjiżna u jkun ifisser li qegħdin naċċettaw il-falliment u qegħdin inċedu quddiem sitwazzjoni fejn qed naqtgħu qalbna li kapaċi nsibu nies li ġenwinament jiġbru lil kulħadd madwarhom. L-istorja u l-fatti juru li mhux hekk.
Jiena nieqaf hawn pero’ nerġa' nirrepeti li l-pożizzjoni ta' din in-naħa tal-Kamra hija kif espressa pubblikament fl-istqarrija li ħareġ il-grupp parlamentari, ċioe' li aħna ma naqblux ma’ din il-mozzjoni għall-mod u għall-proċedura li ntużat biex tressqet u għall-impatt u l-effett li fil-fatt kellha fuq il-proċess kollu li qed jiġi diskuss u magħluq f'din is-seduta tal-lejla. Grazzi, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jista' jgħaddi biex jagħmel il-winding up.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, ladarba l-Onor. Gonzi għoġbu jqajjem il-proċeduri li ntużaw, tajjeb li nitkellmu fuqhom. Huwa veru li fil-11 ta' Jannar jiena kelli diskussjoni mal-Prim Ministru, fejn qalli li bl-iktar mod personali u konfidenzjali kien qiegħed jagħmilli l-proposta li nikkonsidraw li lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici nġeddulu l-ħatra għal ħames snin oħra. Għalkemm jien issorprendejt ruħi b'din il-proposta, għax niftakar li ħames snin qabel l-Onor. Fenech Adami kien daħak bija pubblikament meta sssuġġerejt l-istess ħaġa fir-rigward ta' Dr. Ċensu Tabone, jien għedtlu li fuq bażi konfidenzjali kont se nagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa u tlabtu ġimgħatejn jew tlieta ċans.
Niftkar li dakinhar stess filgħaxija tlabt lil sieħbi l-Onor. George Vella u lil sieħbi Dr. Joe Brincat sabiex nitkellmu ftit bejnietna ħalli naraw kif nistgħu nipproċedu fuq din it-talba u għedtilhom li għalissa din hija materja konfidenzjali, imbagħad wara nitkellmu mal-grupp parlamentari fuq bażi konfidenzjali. L-għada filgħodu niftaħ il-gazzetta "The Times" - fil-fatt lanqas kelli għalfejn niftaħha għaliex kienet front page - u sibt li kien hemm il-proposta konfidenzjali tal-Prim Ministru argumentata u lesta. Imbagħad niftaħ - lanqas hawnhekk ma kelli għalfejn niftaħ għaliex kienet front page ukoll - "The Malta Independent" u f'paragrafu minnhom nara l-istess argument żviluppat. Imma, per carita', ejjew ma nibqgħux nidħku bina nfusna b'dan il-mod, taparsi nagħmlu ċerti proċeduri u konsultazzjonijiet meta l-id ix-xellugija u l-id il-leminija jkunu qed jaħdmu mod ieħor! (Onor. Membri: Hear, hear) Kif nistgħu minn din in-naħa tal-Kamra nafdaw lin-naħa l-oħra meta tiġi titkellem b'dan il-mod? Anke issa, per eżempju, suppost li għaddejja konsultazzjoni oħra fuq kif se jinbidlu l-membri ta' l-awtorita' tax-xandir. Nhar l-Erbgħa kont qed nitkellem kunfidenzjalment ma' l-Onor. Gonzi - suppost li bagħatlu messaġġ il-Prim Ministru - u s-Sibt filgħodu nara dak li għidt jien f’dik il-laqgħa f'"In-Nazzjon". Xi proċeduri huma dawn sinjuri? Dawn huma l-proċeduri ta' konsultazzjoni fejn suppost nitkellmu bejnietna u niftehmu? Ma tarawx! (Onor. Membri: Hear, hear)
Imbagħad, meta saret id-diskussjoni fil-grupp parlamentari, bdejna naraw l-istorja ħierġa fil-gazzetti, li se jiġi nominat Dr. de Marco, u li Dr. de Marco huwa front runner. Kif fil-bidu "The Times", "The Malta Independent" u gazzetti oħra ntużaw bħala parti mill-proċess, ċertament imbagħad three quarters of the way forward kienu qed jintużaw bl-istess mod. U allura meta taqra f'"The Times" li Dr. de Marco huwa front runner u li hemm Dr. Michael Refalo jiġri warajh, allura l-froġa diġa' qed issir. X'konsultazzjonijiet u xi proċeduri huma dawn? Jekk jogħġobkom ejjew ma nidħkux bina nfusna! Allura hemmhekk id-deċiżjoni tagħna kienet ċara: Iva, aħna se nieħdu l-pożizzjoni tagħna. U l-pożizzjoni tagħna għallinqas se tkun skjetta, ċara u diretta u mhux ipokrita. L-ipokreziji nħalluhom għal tan-naħa l-oħra.
L-Onor. Gonzi ġab l-argument li aħna semmejna persuna u allura issa marbuta magħha, ma nistgħux niċċaqalqu minn dik il-pożizzjoni. Skużi ta, imma kif saret il-ħatra ta' l-iSpeaker ta' din il-Kamra f'din is-sezzjoni? Morna jien u l-Onor. George Vella għand l-Onor. Fenech Adami, fejn kien hemm ukoll l-Onor. Gonzi, u qalulna li l-iSpeaker se jkun il-persuna li hemm. Daqshekk, diġa' lesta. Dawn huma konsultazzjonijiet ta' finta jew ta' veru? U allura ma nistgħux nibqgħu nidħku, la bina nfusna u lanqas b'din l-istituzzjoni. Jekk se nkunu ċari, allura ejjew inkunu ċari, u jekk se naħdmu b'mod ta' konsultazzjoni allura nżommuha, mhux ngħidu ħaġa u nagħmlu oħra! Dawn x'affarijiet huma! Allura, bir-rispett kollu, meta jien nisma' dak li għadu kemm qal l-Onor. Gonzi ngħid li m'aħniex qed nitkellmu b'mod frank, hemm l-arma ta' l-ipokrezija għaddejja, l-arma tad-doppia faccia, l-arma fejn titbissem u tieħu b’idejn kulħadd minn naħa mbagħad toħroġ is-sikkina minn taħt.
Sur President, jien nitkellem b’mod ċivili kemm hemm bżonn imma fl-istess ħin irridu ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Jien nibqa' nirritjeni li l-proċedura li adottat din in-naħa tal-Kamra hija wara kollox proċedura Ewropea u jadottaha wkoll il-Parlament Ġermaniż. Fil-Parlament Ġermaniż hemm in-naħa ta' l-oppożizzjoni u n-naħa tal-gvern u t-tnejn jagħmlu l-proposta tagħhom. Mhux veru li l-President Ġermaniż jagħżlu l-poplu, huwa l-parlament li jagħżlu. Allura aħna m'għamilna xejn ta' barra minn hawn, qisna ħriġna b'xi ħaġa fejn qed noħolqu affarijiet ġodda! (Onor. Membri: Hear, hear) Qed nagħmlu affarijiet li suppost lilkom jogħġbukom għax ħlief Ewropa, Ewropa, Ewropa ma tgħidux! Allura issa għaliex qed nagħmlu ħaġa Ewropea, tgħidulna le fuqha wkoll? Skond l-Onor. Gonzi, il-fatt li aħna nixtiequ li jkun hemm ċerta alternanza qisna qed ngħawġu l-istituzzjonijiet. Jiġifieri li jkun hemm darba wieħed u darba ieħor hija ħażina imma li jkun hemm dejjem wieħed hija tajba! Imma dawn x'argumenti huma! (Onor. Membri: Hear, hear)
Jien għadni nemmen - minkejja li jikkritikawni min-naħa tiegħi, mhux is-sinjuri li għandi hawnhekk imma n-nies tal-partit tagħna, u jien kultant nifhem l-uġigħ tagħhom - li f'dan il-pajjiż huwa tajjeb li meta jkun hemm xi ħadd fil-gvern, in-nofs l-ieħor ma jħossuhomx qishom qed jgħixu f'pajjiż barrani pero’ naħseb li tan-naħa l-oħra din ma jemmnuhiex. U bħalissa l-Laburisti hekk qed iħossuhom, li qed jgħixu f'pajjiż barrani. Naħseb li huwa fl-interess tad-demokrazija li nipprovaw nibbilanċjaw l-affarijiet. X'hemm ħażin li nipprovaw nagħmlu hekk? Allura naċċettaw il-political cleansing fid-dipartimenti u fil-ministeri qisu ma ġara xejn? (Onor. Membri: Hear, hear) Dak ifisser il-fair play, li mhux għax xi ħadd għen lill-Gvern Laburista - jista' ma jkunx Laburista - jiġi cleansed. Darb'oħra nibagħtulhom il-political cruise missiles biex nirranġawhom l-affarijiet! Din hija l-ipokrezija li qed ngħixu bħalissa f'dan il-pajjiż.
Sur President, jekk dan il-pajjiż verament irid jitmexxa b'mod modern u demokratiku, fejn kulħadd iħoss li qed jieħu nifs f'pajjiż li huwa tiegħu, allura għandna nagħmlu ftit ċaqliqa. Aħna konna bdejna nagħmlu dan iċ-ċaqliq - u batejna politikament minħabba f’hekk - u ma qgħadniex ngħidu li kollox tagħna. Allura billi noqogħdu nagħmlu kliem biz-zokkor u tbissim taz-zokkor, ir-realta' tibqa’ dik li hi. Kien hemm ċans fejn in-naħa l-oħra turi li tajjeb niċċaqalqu ftit imma minflok għamlet hekk, kompliet sammret l-affarijiet ‘l isfel. Mhux veru li aħna sammarna l-affarijiet ‘l isfel. Jien ħadt gost li l-Onor. Gonzi tkellem fuq il-proċedura għaliex stennejtu jagħmel hekk.
Jien ngħid li hekk kien hawn min uża l-proċedura apposta biex iwaddab it-torpedos, din kienet in-naħa tal-gvern, il-Prim Ministru u l-Onor. Gonzi wkoll. Kif nista' nafda iktar meta jgħiduli li dak li nkunu qed ngħidu jkun qed jingħad b'mod konfidenzjali bejnietna jekk naf li l-għada jew il-pitgħada dak li nkun għedt se joħroġ f’"The Times", f'"The Malta Independent" jew f'"In-Nazzjon"? (Onor. Membri: Hear, hear) Tajjeb li l-affarijiet isiru retti u dritti.
Jien ngħid li l-iktar ħaġa onesta li qed issir illum f'dan il-parlament - apparti mir-ringrazzjament li tajna lil Dr. Ugo Mifsud Bonnici - hija din il-mozzjoni ġenwina, onesta u li tagħmel sens demokratiku għall-pajjiż u li biha l-oppożizzjoni qed tgħid lin-naħa l-oħra: Aqblu magħna, ivvotaw għall-Prof. Edwin Grech bħala President ta' Malta. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hija l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU: Division.
MR SPEAKER: Din id-division tittieħed minn hawn u 20 minuta oħra.
Il-Kamra ġiet sospiża fis-7.31 p.m. u rriżumiet 20 minuta wara. MR SPEAKER: Se nerġa' npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
ONOR. MEMBRU: Division. MR SPEAKER: L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, din in-naħa tal-Kamra qed titlob sabiex il-votazzjoni tittieħed bil-mod li kull Onor. Membru jqum u jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu.
MR SPEAKER: Hemm oġġezzjoni? (Onor. Membri: No) L-Iskrivan tal-Kamra jista' jsejjaħ l-ismijiet ta' l-Onor. Membri.