MR SPEAKER: Il-Ministru Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, f’isem il-Prim Ministru nipproponi:
Billi skond id-dispożizzjoni tas-subartikolu (1) ta’ l-Artikolu 48 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta għandu jkun hemm President ta’ Malta li jiġi maħtur b’Riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati;
U billi skond is-subartikolu (3) ta’ l-istess Artikolu tal-Kostituzzjoni l-kariga ta’ President ta’ Malta ssir vakanti fl-4 ta’ April, 1999;
Għalhekk il-Kamra tad-Deputati bis-saħħa u għall-finijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 48 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tirrisolvi li taħtar lill-Professur Guido de Marco President ta’ Malta.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. MICHAEL REFALO (Ministru għat-Turiżmu): Nissekonda.
MR SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, huwa bi pjaċir li qed inressaq din il-mozzjoni għall-approvazzjoni tal-Kamra, mozzjoni li permezz tagħha l-Kamra qed tiġi mistiedna tiddeċiedi li taħtar lill-Prof. Guido de Marco bħala President ta' Malta. (Onor. Membri: Hear, hear)
Qabel xejn naħseb li ta' min wieħed jirrifletti ftit iżjed dwar il-kariga li qegħdin nitkellmu fuqha. Aħna ngħidu li din hija l-ogħla kariga fil-pajjiż u ta' min wieħed jispjega għaliex ngħidu hekk. Din hija l-ogħla kariga għaliex tissimbolizza l-Istat Malti, jiġifieri fiha nnfisha tirrappreżenta dak kollu li huwa Malti u dak kollu li jagħmilna Maltin. Kif għedna diġa' u nerġgħu ngħiduh f'dan il-każ - din hija kariga li titlob l-esperjenza u l-għaqal ta' kif taġixxi f'qafas demokratiku, titlob kapaċita' li tisma' u tagħti valur lil dak li jkun qiegħed jintqal. Hija kariga li min jokkupaha jrid ikun kapaċi jogħla 'l fuq minn kull pożizzjoni partikolari li wieħed ikollu u jfittex u jara dejjem l-interess ta' dan il-pajjiż. Hija kariga li min jokkupaha jrid ikun kapaċi jipproġetta lil pajjiżna bid-dinjita' li jistħoqqlu, kemm lokalment kif ukoll fir-relazzjonijiet ta' pajjiżna ma' pajjiżi barranin. Għalhekk fl-għażla tagħna rridu noqogħdu attenti li l-persuna nnominata jkollha l-attributi kollha biex hi tkun tista' taqdi din ir-responsabbilta' bl-aħjar mod possibbli.
Mr Speaker, jien m'għandix dubju li fil-Prof. de Marco aħna nsibu persuna li għandha dawn l-attributi kollha li jagħmluh personalita' li tista' taqdi din il-kariga u bla dubju ta' xejn se jaqdiha fl-aħjar interess ta' pajjiżna, bil-mod, bil-karattru u bil-personalita' tiegħu stess. Fl-aħħar diskors li huwa għamel f'dan il-parlament, proprju nhar it-Tlieta li għaddew, il-Prof. de Marco stess qalilna li dak kien diskors li jimmarka l-għeluq ta' 33 sena impenn fil-qasam politiku ta' dan il-pajjiż. Fil-fatt lili qalli li 33 sena jagħlaqhom proprju llum id-29 ta' Marzu. Kultant l-istorja fiha nnfisha toħloq dawn iċ-ċirkostanzi ħelwin li għandhom is-sinifikat tagħhom u sinifikat ukoll personali għall-individwu. Bla dubju ta' xejn 33 sena hija karriera politika twila, anzi lanqas insejħilha karriera għaliex fil-persuna tal-Prof. de Marco u f'dak kollu li segwejtu jagħmel f'dan iż-żmien kollu li ili nafu jien, fil-verita' m'hijiex kwestjoni ta' karriera imma hija kwestjoni ta' vokazzjoni. Irrid ngħid li Guido de Marco jissimbolizza l-vokazzjoni politika li wara kollox m'hi xejn ħlief impenn li inti tkun ta' servizz lejn pajjiżek. Jien lill-Prof. de Marco sirt nafu meta kien lecturer tiegħi fl-universita' meta kont għadni student fil-kors tal-liġi. Minn dak iż-żmien jiena rrealizzajt li huwa persuna li l-impenn politiku tiegħu huwa ta' l-ogħla livell possibbli.
Naħseb li jekk wieħed iħares lura lejn dawn it-33 sena ta' xogħol li l-Prof. de Marco ta għall-ġid ta' pajjiżna wieħed isib li hu ta dak il-massimu li kien umanament possibbli fiċ-ċirkostanzi li huwa għex u għadda minnhom, kultant anke f'mumenti diffiċli ħafna. L-impenn politiku tiegħu wrih mhux biss fi żmenijiet meta kien deputat ta' din il-Kamra fl-oppożizzjoni pero' wkoll meta okkupa karigi ministerjali importanti f'pajjiżna, bl-aħħar kariga li huwa ħalla warajh, dik ta' ministru għall-affarijiet barranin. F'dik il-kariga huwa rrappreżenta lil pajjiżna barra minn Malta u jien naf - għaliex kelli anke jien stess diskursati ma' dinjitarji, ministri u personalitajiet ta' gvernijiet barranin meta kont inkun qed immexxi xi delegazzjoni ta' dan il-parlament - li huwa jgawdi rispett fuq livell internazzjonali għall-mod kif hu jaqdi d-dmirijiet tiegħu, għall-kultura tiegħu, għall-intelliġenza tiegħu u għall-kapaċita' li jagħraf janalizza sitwazzjoni politika u jsib f'dik is-sitwazzjoni l-punti li huma l-iktar importanti. Irrid infakkar li barra li huwa għamel isem għalih, għamel isem ukoll għal pajjiżna fuq livell internazzjonali, b'mod speċjali fil-perijodu ta' żmien li kien intagħżel biex jippresjedi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan kien unur għal pajjiżna u bla dubju ta' xejn huwa qeda dik il-funzjoni bl-aħjar mod possibbli, b'mod li wera li għalkemm pajjiżna huwa żgħir xorta waħda jista' jagħti kontribut qawwi fuq livell internazzjonali anke fl-ogħla istituzzjonijiet internazzjonali.
Fost il-kwalitajiet li l-iktar li jimpressjonawni fil-persuna tal-Prof. de Marco hija l-kapaċita' tiegħu li allavolja jkun qiegħed jargumenta jew jeżamina s-sitwazzjoni minn pożizzjoni politika waħda, ifittex l-affarijiet li fuqhom wieħed ikun jista' jsib qbil. Jien naħseb li valur importanti li wieħed bilfors irid japprezza fil-persuna tal-Prof. de Marco, kemm fil-livell politiku kif ukoll fuq livell nazzjonali, hija l-kapaċita' tiegħu ta' medjazzjoni. Jien nista' insemmi żewġ ċirkostanzi - waħda minnhom ma kont involut fiha xejn u l-oħra kont involut fiha sewwa - fejn ħarġet bl-aktar mod ċar din il-kapaċita' ta' medjazzjoni u allura l-kapaċita' biex issib it-triq li dejjem twassal għal dak il-bilanċ li kultant tant hu diffiċli biex issibu. Din il-kapaċita' kien uriha l-ewwelnett fiż-żmien meta kienu qed isiru diskussjonijiet dwar emendi kostituzzjonali f'pajjiżna. Naħseb li dak kien żmien diffiċli għall-pajjiż u li l-pajjiż ħareġ minnu bl-unuri, grazzi għall-kontribut ta' ħafna nies, fosthom għall-kontribut tal-Prof. de Marco.
Ċirkostanza oħra li kont involut jien fiha u allura kont xhud jien stess tal-kapaċita' ta' medjazzjoni tiegħu, ta' kif iġib lil kulħadd madwar mejda biex jipprova jsib il-punt ta' ftehim, kien in-numru twil ta' laqgħat li kienu saru fl-uffiċċju tiegħi - dak iż-żmien kont nokkupa l-kariga ta' Speaker - bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fejn kien qed isir sforz ħalli jsiru tibdiliet - fl-opinjoni tiegħi, tibdiliet importanti ħafna - fir-regolamenti ta' dan il-parlament u li bis-saħħa tagħhom waqqafna l-kumitati permanenti. Jien kont xhud ta' diversi minn dawn il-laqgħat li kienu dejjem immarkati mhux biss b'kordjalita' u rispett reċiproku qawwi imma b'sens ukoll ta' individwi mpenjati biex isibu dak li huwa fl-aħjar interess tal-pajjiż u jipprovaw isibu l-punti li finalment iwasslu għal qbil. Fil-fatt nafu li dawk il-laqgħat taw il-frott tagħhom u kien irnexxielna nemendaw ir-regolamenti ta' din il-Kamra u ndaħħlu l-kumitati permanenti fis-sistema parlamentari tagħna, xi ħaġa li nnotajt li l-Prof. de Marco wkoll jgħożża bħala mument importanti fil-karriera u fil-vokazzjoni politika tiegħu għaliex semmiha hu stess fl-aħħar diskors li għamel f'dan il-parlament.
Mr Speaker, jien m'għandix dubju li l-Prof. de Marco għadda minn dilemma kbira meta ġie ffaċċat bid-deċiżjoni dwar jekk jaċċettax jew le li jkun nominat għall-kariga ta' President ta' Malta. Jien naħseb li din stajna mmissuha b'idejna, narawha b'għajnejna u nisimgħuha b'widnejna lkoll kemm aħna matul il-ġranet li għaddew. Id-diskors tiegħu ta' nhar it-Tlieta f'dan il-parlament jixhed id-diffikulta' li hu kien qed jara quddiem għajnejh, fis-sens li l-fatt li tħalli 33 sena ta' impenn politiku qawwi, tħalli kariga fejn inti qed tirrappreżenta lill-poplu u taqdi funzjoni ta' deputat f'din il-Kamra u tħalli kariga ministerjali forsi f'mument importanti u anke storiku għall-pajjiż tassew hija ħaġa diffiċli. Anke meta ġie biex isellem lill-istaff ministerjali tiegħu huwa qal li sab din id-deċiżjoni diffiċli. Fl-opinjoni tiegħi dan jagħmillu ġieħ. F'mumenti ta' diffikulta' fejn għandek il-liberta' li tgħid iva jew le, u tgħid iva għaliex temmen li se tkun ta' servizz lejn il-pajjiż meta dan ifisser li se tissagrifika parti minnek innifsek, fl-opinjoni tiegħi jagħmillek ġieħ kbir.
Dak li jolqotni wkoll fil-Prof. de Marco huwa s-sens parlamentari qawwi li għandu. Jekk hemm xi ħaġa li naħseb li d-deputati ta' din il-Kamra kollha jaqblu fuqha, indipendentement mill-pożizzjonijiet li wieħed jista' jieħu hija dik li f'dak li rajnih jagħmel u jgħid fid-diskorsi li huwa ressaq quddiem dan il-parlament fis-snin kollha li għaddew, il-Prof. de Marco dejjem wera rispett qawwi lejn l-istituzzjoni parlamentari u lejn id-dmirijiet tiegħu bħala deputat tal-poplu. Fl-opinjoni tiegħi m'huwiex faċli għal kwalunkwe persuna li tgħaddi minn bidla bħal din, bidla li tfisser li trid titlaq dak li inti kont drajt tgħix bih, li temmen fih, u li kont iddedikajt ħajtek għalih għal tant snin, biex tidħol għal kariga li għandha responsabbiltajiet u mpenji kbar. Pero' jien naħseb li dan kollu juri li l-Prof. de Marco għandu, kif dejjem kellu, sens qawwi ta' impenn nazzjonali, sens qawwi ta' dmir lejn il-pajjiż u sens qawwi ta' persuna li taf tagħżel fejn hu tassew l-ewwel dmir tagħha. Jien naħseb li l-pajjiż għandu bżonn li min ikun f'din il-kariga, jokkupaha bl-għaqal u b'mod li jġibna lkoll flimkien biex kull fejn hu possibli u kull meta hu possibbli, naqblu. Fejn f'pajjiżna jkun hawn opinjonijiet differenti għandna bżonn dejjem persuna li jkollha l-kapaċita' ssib il-punti fejn nikkonverġu u mhux il-punti fejn nitbiegħdu minn xulxin. Fl-opinjoni tiegħi, il-Prof. de Marco għandu dawn il-kapaċitajiet kollha, urihom tul ħajtu, urihom tul it-33 sena fil-politika u huma kapaċitajiet aċċettati u rikonoxxuti minn kulħadd.
Jien xtaqt nagħmel riferenza qasira għal dak li kitiblu l-Prim Ministru fl-ittra li bagħatlu proprju meta huwa temm il-kariga tiegħu ta' ministru u ressaq ir-riżenzja tiegħu lil dan il-parlament minn deputat. M'għandix dubju li kieku kien hawn il-Prim Ministru kien jerġa' jenfasizza l-kliem li huwa semmielu fl-ittra tiegħu. Jien se nikkwota paragrafu wieħed biss minn dik l-ittra fejn il-Prim Ministru qallu hekk:
"Matul it-33 sena li int servejt fil-parlament ħdimt b'dehen u bla heda biex pajjiżna jmur 'il quddiem billi jinbidel fejn hemm ħażin u jissaħħaħ fejn hemm tajjeb. Inti tajt kontribut mill-aktar qawwi biex pajjiżna żviluppa fuq il-binarji tad-demokrazija u r-rispett assolut lejn id-dinjita' tal-bniedem.".
Jien naħseb li dawn il-ftit kliem jiġbru s-sustanza tas-sentiment wara l-mozzjoni li qegħdin inressqu quddiem din il-Kamra, mozzjoni li qiegħda tinnomina lill-Prof. de Marco biex jokkupa din l-ogħla kariga tal-pajjiż.
Jien ċert li dak is-sens ta' dedikazzjoni qawwi, dak is-sens lejn il-valur demokratiku u parlamentari ta' pajjiżna, u dak l-impenn li hu dejjem wera biex ifittex dak li huwa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, se jkompli jurih b'aktar impenn minn qatt qabel fil-kariga li qegħdin ninnominawh għaliha. Pajjiżna għandu bżonn personaġġ u personalita' ta' l-intelliġenza u l-kultura tal-Prof. de Marco f'din il-kariga.
Mr Speaker, jien ċert li l-Prof. de Marco se jkun President kif għandu bżonn pajjiżna. Fid-diskors li huwa għamel f'dan il-parlament nhar it-Tlieta li għaddew, fost affarijiet oħra qal li l-ogħla unur għalih kien li hu jkun rappreżentant tal-poplu. Naħseb li dan l-unur juri kemm tassew huwa bniedem li jipprova jagħmel ħiltu biex ifittex dejjem dak li hu fl-interess tal-poplu li huwa jirrappreżenta. L-okkażjoni tal-nomina tiegħu għall-ħatra ta' President tar-Repubblika hija okkażjoni li fiha hu jkun jista' jkompli jaqdi dan id-dmir u jkompli jagħmel ħiltu biex lil pajjiżna u lill-poplu tagħna jġibu flimkien. Jien m'għandix dubju li l-Prof. de Marco se jkun President li jkompli fuq dak li għamlu anke presidenti ta' qablu, jiġifieri li jġib l-għaqda fil-pajjiż u jseddaq lill-poplu Malti f'dak kollu li jagħmilna Maltin, b'identita' li hija tagħna biss u b'kultura li tagħmilna poplu uniku u speċjali.
Mr Speaker, jien bil-qalb kollha nressaq din il-mozzjoni u nitlob lil din il-Kamra sabiex tapprova l-ħatra tal-Prof. Guido de Marco bħala l-President il-ġdid ta' Malta. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, bla ebda eżitazzjoni ta' xejn ngħid li l-oppożizzjoni se tivvota kontra din il-mozzjoni għal tliet raġunijiet prinċipali. L-ewwel raġuni - li diġa' semmejnieha llejla - hija li din in-nomina tivvjola s-sens ta' fair play politiku li d-demokrazija tagħna temmen fiha u li l-poplu fil-maġġoranza kbira tiegħu jemmen fiha. Hija nomina li tmur kontra l-grain ta' min jemmen li pajjiżna għandu jkun tal-poplu kollu.
It-tieni raġuni hija li l-persuna li qed tiġi ndikata hija waħda li sa ftit tal-ġranet ilu kienet attivament tikkappeġġa polemika politika fil-pajjiż u kienet bl-aktar mod qawwi qiegħda tikkontesta l-veduti politiċi ta' din in-naħa tal-Kamra. Sa ġimgħa ilu l-persuna konċernata kienet fuq quddiem nett f'waħda mill-akbar polemiċi politiċi li għadhom għaddejjin fil-pajjiż u li bl-aktar mod reali jeżistu fil-pajjiż, jiġifieri l-politika Ewropea li għandu jsegwi pajjiżna fejn m'hemmx consensus. Anzi meta kien hemm Gvern Laburista, il-persuna konċernata baqgħet fuq dan il-punt m'aċċettatx il-verdett popolari tal-poplu kif mogħti f'Ottubru 1996. Allura ċertament li minn dan il-lat din il-persuna m'hijiex indikata bħala li tista' mil-lum għal għada, f'daqqa waħda, tissimbolizza l-għaqda nazzjonali li għadu kemm tkellem dwarha b'mod elokwenti l-Onor. Gonzi. Allura hija għażla ħażina li persuna li b'daqstant mod ċar ippersonifikat il-polemika politika għal naħa waħda - li għandha kull dritt tagħmel - f'daqqa waħda tittrasforma ruħha biex issir persuna li suppost tirrappreżenta l-poplu kollu.
It-tielet raġuni mbagħad hija raġuni li tmiss mill-qrib l-avvenimenti li ġraw u li wasslu għall-elezzjoni ta' Settembru tas-sena li għaddiet. Il-persuna indikata kienet waħda min-nies b'responsabbilta' ewlenija għall-konfoffi li saru biex il-Gvern Laburista jiġi mminat u biex ikun hemm ċerti affarijiet u ċerti żviluppi li wasslu għal elezzjoni bikrija f'Settembru li għadda. Għalhekk ċertament li din in-naħa tal-Kamra se tivvota kontra n-nomina ta' din il-persuna.
Sur President, nagħlaq billi nagħmel żewġ rimarki. Jien naf li min-naħa l-oħra tal-Kamra ġew espressi veduti kuntrarji għal dak li għedna llejla fuq il-fair play, pero' jien naħseb li hemm bżonn ta' iktar riflessjoni fuq dak il-punt. Ċertament nerġa' ninsisti li din in-nomina tmur kontra s-sens mhux ta' politika, ta' legalita' u ta' kalkoli politiċi imma ta' kif in-nies tħoss il-politika f'pajjiżna. Iva, din in-nomina tmur kontra s-sens ta' fair play li jeżisti f'pajjiżna fil-maġġoranza l-kbira tal-poplu.
It-tieni punt huwa rimarka personali tiegħi. Jien nemmen li l-istituzzjonijiet tagħna huma flessibbli ħafna iktar milli naħsbu aħna u li għadna ma wżajniehomx għall-potenzjal kollu tagħhom. Imma ċertament inkunu qed nimxu fid-direzzjoni l-ħażina jekk dwar ċerti karigi tonqos bejnietna dik li tissejjaħ trust. Ipprovajt insib din il-kelma bil-Malti pero' l-kelma "fiduċja" m'hijiex eżatt; il-verb li jeżisti fil-Malti huwa "tafda". Tista' ma taqbilx ma' xi ħadd, tista' tkun fuq linja politika differenti, tista' tkun l-akbar avversarju imma mbagħad ikollok ċertu trust personali. Filwaqt li jien nemmen fl-istituzzjonijiet tagħna u fl-element flessibbli tad-demokrazija tagħhom, naħseb li nagħmlu żball kbir li naħsbu li dawn l-istituzzjonijiet ma jistax jiġrilhom ħsara jekk ma nibqgħux nagħtu wkoll l-istess importanza lit-trust personali li jrid ikun hemm fuq ċerti karigi f'ċerti funzjonijiet. Jidher li n-naħa tal-gvern ma tagħti l-ebda importanza lil dan l-element, affari tagħhom, imma nixtieq nagħmilha on record li dan l-element ta' trust fuq bażi personali f'ċerti karigi huwa wkoll essenzjali għad-demokrazija daqs l-aqwa istituzzjoni li taħdem tajjeb.
In-naħa ta' l-oppożizzjoni se tivvota kontra din il-mozzjoni, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-Ministru Gonzi jista' jgħaddi biex jagħmel il-winding-up.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, xtaqt nagħmel żewġ kummenti bħala winding-up fuq din il-mozzjoni u biex nirreaġixxi wkoll għal xi punti li għamel il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
Nibda proprju mill-aħħar punt li għamel dwar il-kelma "trust", jiġifieri li bniedem ikollu fiduċja meta jkun qiegħed jittratta madwar mejda u jiddiskuti affarijiet ta' ċerta importanza. Jien wieħed minn dawk li nemmen li anke jekk ma naqblux, kapaċi npoġġu bil-qiegħda madwar mejda u b'din il-fiduċja f'xulxin inkunu kultant kapaċi nsibu s-soluzzjonijiet. U fil-passat urejna li dan jista' jsir għaliex fil-fatt għamilnih. Kemm-il darba kellna ċirkostanzi fejn b'maturita' politika kbira poġġejna madwar mejda u sibna s-soluzzjonijiet. Jien semmejt okkażjoni waħda fejn sar dan, ċioe' d-diskussjonijiet twal li kienu saru u li wasslu għal emendi importanti fil-mod ta' kif jaħdem dan il-parlament. Kien possibbli li naslu għal dan għaliex konna kapaċi npoġġu madwar mejda flimkien u kulħadd esprima l-opinjoni, il-pożizzjoni u l-biżgħat tiegħu imbagħad ġew imwieġba l-punti kollha.
Dan sar ukoll biex wasalna għan-nomina ta' l-Ombudsman f'pajjiżna u fil-fatt konna kapaċi npoġġu bil-qiegħda u nsibu l-aħjar soluzzjonijiet. Hawnhekk jien nixtieq nerġa' nenfasizza l-punt li għamilt aktar kmieni. Kien hemm mumenti meta għal karigi importanti f'pajjiżna nnominajna persuni li għall-ewwel qajmu kontroversja pero' ż-żmien tana parir u dawk il-persuni rebħu l-fiduċja, our confidence u l-appoġġ mhux biss tal-membri ta' din il-Kamra imma tal-poplu Malti kollu li aħna nirrappreżentaw.
Waħda mir-raġunijiet li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni ta għaliex l-oppożizzjoni se tivvota kontra din il-mozzjoni hija għaliex qal li din qed tivvjola s-sens ta' fair play u għaliex il-poplu fil-maġġoranza tiegħu ma jappoġġahx. Bir-rispett kollu, ma naħsibx li huwa hekk. Jippermettili l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jekk ma naqbilx miegħu imma jien naħseb li fil-maġġoranza kbira tiegħu, il-poplu jifhem li din hija ħatra li tagħmel ġid lill-pajjiż u li l-persuna tal-Prof. de Marco hija l-aħjar persuna li għandha l-kwalitajiet u li hija idonea għall-kariga ta' responsabbilta' bħal din. (Onor. Membri: Hear, hear) Dan hu s-sentiment tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi fuq din il-ħatra. Jien nerġa' nirrepeti dak li għedt qabel. Dan l-argument tal-fair play, fl-opinjoni tiegħi m'għandux jitressaq meta nkunu qegħdin proprju fil-mument ta' deċiżjoni ta' għażliet ta' persuni li rridu naqilgħu 'l fuq mill-politika partiġġana. Malli inti ssemmi l-argument tal-fair play tkun qiegħed tpoġġi mażżra ma' saqajn il-persuna li tkun qed tintgħażel għaliex tkun għażiltu sempliċement għax hu ġej minn parti jew oħra. Minn esperjenza riċenti nafu - u rridu nħallu l-istorja tgħallimna - li pajjiżna jista' jgħaddi minn mumenti delikati fejn min ikun qiegħed jokkupa dawn il-karigi ma jkollu ebda mażżra u l-argument tal-fair play ipoġġilu din il-mażżra ma' saqajh. Għalhekk ejjew nagħmlu sforz u nfittxu n-nies it-tajbin. Illum l-istorja tgħallimna li nsibu nies tajbin u nies li joħorġu 'l fuq mill-partiġġaniżmu politiku.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qal ukoll li l-Prof. de Marco kkappeġġa xi pożizzjoni politika. Iva, anke hawn l-esperjenza tgħallimna. Kellna personaġġi oħrajn li okkupaw karigi ta' presidenti ta' Malta li kellhom esperjenza ta' numru ta' snin jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika ta' dan il-pajjiż pero' meta ngħataw ir-responsabbilta' nafu li dawn in-nies qdew id-dmirijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli u meta spiċċaw dak id-dmir, spiċċaw bl-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi bla distinzjoni ta' xejn, inkluż ukoll bl-appoġġ ta' l-oppożizzjoni, li fil-bidu nett kienet ukoll hi stess oġġezzjonat għall-individwu partikolari li kien intagħżel.
Ħaġa oħra li semma l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kienet li l-Prof. de Marco kien b'xi mod jew ieħor skond hu kien involut fis-sitwazzjoni politika li żviluppat matul ix-xhur tas-sena li għaddiet, li finalment wasslet għal elezzjoni bikrija. Jien naħseb li din hemm bżonn nagħmluha ċara daqs il-kristall. Dak kollu li seħħ fil-pajjiż matul it-22 xahar li kien hemm fil-gvern il-Partit Laburista seħħ għaliex kien hemm il-Partit Laburista u ħa ċerti deċiżjonijiet u għal xejn iżjed. Inutli noqogħdu nippuntaw subgħajna lejn dak jew lejn l-ieħor. Illum il-verdett tal-poplu Malti qiegħed hemm, ġie rreġistrat fil-5 ta' Settembru, u juri li kienet il-politika li kienet żbaljata. U allura mhux fair - u hawn nappella għas-sens ta' fairplay - li wieħed joqgħod jipponta subajgħ u joqgħod b'xi mod jew ieħor iġib argument fil-konfront ta' persuna li m'għandix l-iċken dubju l-poplu Malti u Għawdxi jaqbel li huwa wieħed mill-persuni l-aktar idonei biex jokkupaw kariga bħal din, il-kariga ta' President tar-Repubblika.
Mr Speaker, jien nappella lil din il-Kamra sabiex tagħti l-appoġġ tagħha lil din il-mozzjoni billi tivvota favur; u lil dawk li m'humiex se jivvotaw favur ngħidilhom li għad jgħaddi ż-żmien u huma stess jgħidu li għal darb'oħra għandna President tar-Repubblika li jaqdi d-dmirijiet tiegħu fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Se npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hija l-mozzjoni kif imressqa mill-Ministru Gonzi f'isem il-Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MR SPEAKER: Din id-division tittieħed minn hawn u 20 minuta oħra.
Billi ntalbet votazzjoni l-Kamra ġiet sospiża fit-8.37 p.m. u rriżumiet 20 minuta wara.
MR SPEAKER: Se nerġa' npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hija l-mozzjoni kif imressqa mill-Ministru għall-Politika Soċjali f'isem il-Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hija l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Ministru għall-Politika Soċjali f'isem il-Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MR SPEAKER: L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, bħal fil-każ tal-votazzjoni l-oħra, din in-naħa tal-Kamra qed titlob li l-votazzjoni tittieħed billi kull Onor. Membru jqum u jesprimi ruħu favur jew kontra.
MR SPEAKER: Nifhem li m'hawnx oġġezzjoni. Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex, jekk jogħġbu, jaqra l-ismijiet ta' l-Onor. Membri.
VOTAZZJONI NRU. 160
FAVUR: 33
L-Onor.
Abela Anthony
|
Galea Louis
|
Agius Francis
|
Galea Mario
|
Asciak Michael
|
Galea Pace Victor
|
Azzopardi Frederick
|
Gatt Austin
|
Azzopardi Jason
|
Gonzi Lawrence
|
Bonnici Josef
|
Hyzler George
|
Bonnici Michael
|
Mifsud Bonnici Antoine
|
Borg Joe
|
Mifsud Bonnici Carmelo
|
Borg Tonio
|
Mugliett Jesmond
|
Cristina Dolores
|
Muscat Claude
|
Dalli John
|
Pullicino George
|
D'Amato Helen
|
Pullicino Orlando Jeffrey
|
Debono Giovanna
|
Refalo Michael
|
Deguara Louis
|
Vassallo Edwin
|
Farrugia Jean Pierre
|
Zammit Ninu
|
Fenech Adami Eddie
|
Zammit Dimech Francis
|
Galea Censu
|
|
|
|
KONTRA: 28
L-Onor.
|
|
Abela Carmelo
|
Farrugia Angelo
|
Agius Chris
|
Farrugia Michael
|
Bartolo Evarist
|
Farrugia Noel
|
Borg Karmenu
|
Gulia Gavin
|
Brincat Leo
|
Law Rita
|
Buhagiar Charles
|
Mangion Charles
|
Buhagiar Louis
|
Mizzi Joe
|
Cardona Chris
|
Parnis Silvio
|
Chircop Karl
|
Refalo Anton
|
Cilia Joe
|
Sammut Joseph
|
Coleiro Marie Louise
|
Sant Alfred
|
Cuschieri Joseph
|
Vassallo Adrian
|
Dalli Helena
|
Vella George
|
Debono Grech Joe
|
Vella Karmenu
|
|
|
Il-mozzjoni għaddiet.
MR SPEAKER: Sar il-ħin. Nitlob lill-Ministru Gonzi sabiex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.
Dostları ilə paylaş: |