36766. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għamel użu minnhom minn 2008 sal-lum? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu ?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
MINISTERU TAL-FINANZI L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - XIRI TA’ KAROZZI 36767. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qiegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu? Kemm hi l-ispiża ta' kull sena għas-snin 2010, 2011 u 2012 fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-enti kollha li jaqgħu taħtu?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
BENEFIKANTI MINN SPONSORSHIPS U DONAZZJONIJIET 36768. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu , dawk li kienu ta' 'l fuq minn €2500 kull għotja fis-snin 2010, 2011 u 2012? Kemm ingħata lill kull benefikant? Kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
KUNSILL LOKALI TA' TA XBIEX - MONUMENT MIBNI 36771. L-ONOR. KARL GOUDER staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħid il-monument li sar mill-Kunsill Lokali ta' Ta' Xbiex, kemm kienet l-orħos offerta? Jista' jgħid kemm sewa biex tlesta dan il-monument?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema monument qiegħed jirreferi.
KUNSILLI LOKALI TAS-7 DISTRETT ELETTORALI - SEJĦIET GĦALL-WORKS MANAGERS 36774. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali ħarġu sejħiet għall-impjieg ta' works manager bejn l-1 ta' April 2012 u t-30 ta' Settembru 2012? Xi kwalifiki speċifiċi kienu mitluba minn dawk li setgħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li ebda kunsill lokal rispettiv ma ħareġ sejħa kif staqsa l-Onor. Interpellant.
KUNSILLI LOKALI TAL-11-IL DISTRETT ELETTORALI - SEJĦIET GĦALL-WORKS MANAGERS 36775. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tal-11 -il distrett elettorali ħarġu sejħiet għall-impjieg ta' works manager bejn l-1 ta' April 2012 u t-30 ta' Settembru 2012? Xi kwalifiki speċifiċi kienu mitluba minn dawk li setgħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li ebda kunsill lokal rispettiv ma ħareġ sejħa kif staqsa l-Onor. Interpellant.
ILMENT DWAR L-GĦAJNUNA TAL-QGĦAD 36778. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qed tirċievi l-għajnuna għall-qgħad bi tnaqqis?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
LAQGĦA MAS-CEO TAL-OSCE U ODIHA 36800. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid saritx laqgħa f'Awwissu li għadda mis-CEO tal-OSCE u/jew ODIHA dwar meta sa ssir l-elezzjoni ġenerali t'Malta? Ingħatatx id-data lil din l-organizzazzjoni internazzjonali? X'ġie diskuss? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat li nżammu mas-CEO msemmi fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. TONIO BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret ebda laqgħa mas-CEO tal-OSCE. Saret laqgħa mas-segretarju ġenerali tal-OSCE, f'liema laqgħa ma ssemmitx meta se ssir elezzjoni ġenerali.
KUMPANIJA TAR-REKLAMAR LIGHTHOUSEAND ASHLEY - DIRECT ORDERS 36809. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29642 u jgħid b'mod dettaljat wieħed, wieħed u waħda, waħda x'kuntratti u direct orders ingħataw mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu lill-kumpanija tar-reklamar Lighthouse and Ashley fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 sal-lum, inkluż il-valur tagħhom, għal liema skop kien ordnat ix-xogħol relattiv u kemm f'kull każ tħallsu flejjes fuq l-istess direct orders? Kemm jonqos li jitħallsu f'kull każ skont il-każ partikolari, filwaqt li għal kull ħlas jgħid ma' liema sejħa għall-offerti jew direct order hu marbut?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
PROGRAM INTACT SUMMER SCHOOL IN STRASBOURG 36814. L-ONOR. KARL GOUDER staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kunsilli lokali applika għall-program Intact Summer School in Stasbourg li sar f'Lulju li għadda u Lulju 2011? Kemm kienu l-kunsilli li bagħtu lil xi ħadd għal dan il-program? Kemm sewa kull parteċipant u min ħallas l-ispejjeż għalihom?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor l-informazzjoni rikjesta mill-Onor. Interpellant permezz ta’ Memo 37/2012 li nħareġ mill-istess dipartiment. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ppreżentata fil-Parlament.