36543. L-ONOR. JOSEPH M. SAMMUT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Peress li Transport Malta għandha fi ħdanha impjegati li jaħdmu bħala skrivani minn kumpanija privata, kif ukoll skrivani oħrajn li qegħdin jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' skrivani minn din il-kumpanija u kemm hemm impjegati li jesegwixxu xogħolhom b’kuntratt? Jista' jindika min hija l-kumpanija u jgħid jekk hemmx pjanat li xi wħud minn dawn isiru tal-post?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li n-numru ta’ skrivani li għandha Transport Malta minn kumpanija privata huwa ta’ 37. Transport Malta m’għandhiex skrivani li qegħdin jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt. Il-kumpanija privata li tipprovdi dan is-servizz hija Secretarial Services Limited. Il-proċess ta’ impjieg ta’ Transport Malta huwa regolat mill-Employment and Training Corporation Act u għalhekk impjiegi diretti mhumiex possibli.
MARITIME AFFAIRS COMMITTEE
36544. L-ONOR. JOSEPH M. SAMMUT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ l-Maritime Affairs Committee fi ħdan Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika min huma l-membri ta' dan il-kumitat?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferri għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 34129.
NURSES BARRANIN - EŻAMI TA' KWALIFIKA
36581. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid jekk in-nurses barranin li qegħdin jinġiebu jaħdmu f'Malta huwiex isirilhom xi tip ta' eżami sabiex jikkwalifikaw bħala state regulated nurses?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li l-persuni kollha, kemm Maltin kif ukoll barranin, li jaħdmu mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità huma kollha reġistrati mal-Kunsill ta’ Malta għall-Infermiera u Qwiebel, u li sabiex jingħataw din ir-reġistrazzjoni jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju.
IMTARFA - FRENCH DRAINS
36582. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol fil-bini tal-French drains li kellu jinbena matul il-bypass tal-Imtarfa?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ħ'ATTARD - TRIQ ŻAGĦFRAN - ĊAQLIQ TA' PELICAN LIGHTS
36583. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jara li l-pelican lights li hemm fi Triq Żagħfran, Ħ'Attard jitressqu 'l isfel, qabel Triq Ħal Warda għax b'hekk il-vetturi li jkunu ħerġin minn Triq Ħal Warda fir-rush hour ikollhom aktar faċilità joħorġu mit-triq meta l-lights jippermettu?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li l-post fejn saret il-pelican crossing fil-fatt huwa l-aħjar wieħed għax huwa minn hemm li jaqsmu l-aktar nies.
SKART ORGANIKU TRATTAT
36584. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' skart organiku li qiegħed jiġi trattat fil-composting plant bħalissa?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu ġaladarba l-impjant ta’ Sant’ Antnin mhuwiex composting plant.
TA’ QALI - CRAFTS VILLAGE - UPGRADING
36585. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proġett ta' upgrading tal-Crafts Village f'Ta’ Qali?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
BINI TA' TOROQ RESIDENZJALI
36586. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid liema toroq residenzjali ġodda nbnew matul din is-sena s'issa u kemm kienet in-nefqa għal kull triq?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
TECHNICAL STAFF FL-ISKEJJEL TA' MALTA U GĦAWDEX
36609. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm technical staff f'kull skola ta' Malta u Għawdex u tgħid kemm suppost ikun dan l-istaff tekniku sabiex ikun jista' jaqdi l-bżonnijiet skont it-tibdil li sar fil-kurrikulu għal kull skola rispettivament u f'liema qasam tekniku?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Nitlob lill-Onor. Interpellant tiċċara x’qed tifhem b’technical staff peress li fl-iskejjel hemm diversi ħaddiema b’funzjonijiet tekniċi.
SPTAR ĠENERALI T'GĦAWDEX - CHEMOTHERAPY - SALA TAT-TFAL
36618. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li ġiet identifikata parti mis-sala tat-tfal fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex tibda tingħata l-chemotherapy? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid xi studji saru in partikolari dwar il-health and safety tal-pazjenti l-oħra f'din is-sala li huma tfal, f'każ li t-trattament jibda jingħata hemm hekk?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Ninsab infurmata li parti mis-sala tat-tfal ġiet identifikata bħala waħda mill-postijiet fejn possibilment tista' tingħata l-chemotherapy. Deċiżjoni aħħarija tittieħed meta jiġu konklużi diskussjonijiet li qed isiru mal-professjonisti kkonċernati wara li jkunu ġew ikkunsidrati l-aspetti kollha inklużi s-saħħa u sigurtà tal-pazjenti u tal-istaff.
GĦAWDEX - QALA - TRIQ MONS. ĠUŻEPPI VELLA - ASFALTAR TA' TRIQ
36619. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Mons. Ġużeppi Vella, fil-Qala Għawdex peress li r-residenti ilhom snin twal jistennew li din it-triq issir?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
SKEJJEL SPEĊJALI - STAFF
36627. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-istaff ratio f'kull skola speċjali li għandna f'Għawdex u f'Malta rispettivament?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
DIRETTORAT GĦAL SERVIZZI EDUKATTIVI - KWALIFIKA TA' SUPPLY LEARNING SUPPORT ASSISTANT
36630. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li applikat bħala supply learning support assistant fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u ftit taż-żmien ippruvat tissottometti aktar kwalifikazzjonijiet mal-istess direttorat, dawn naqsu milli jirrikonxu dan it-taħriġ tal-MCAST?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-kors provdut mill-MCAST Working with children with additional needs irid ikun rikonoxxut mill-Kunsill Malti ġħall-Kwalifiki.
Il-persuna indikata fil-mistoqsija attendiet għall-interview u r-riżultat ta’ Frar ġie ppubblikat.
BENEFIĊĊJU SOĊJALI
36631. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qed tieħu daqshekk benefiċċji soċjali meta din suppost għandha ieħor aktar?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
BEJJIEGĦA TAL-FJURI FIL-PARKEĠĠ TAĊ-ĊIMITERJU TAL-ADDOLORATA
36644. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur: Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-bejjiegħa tal-fjuri li jbiegħu mill-parkeġġ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
FREEPORT - ACCOUNTS
36645. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jippreżenta l-accounts tal-Malta Freeport ta' dawn l-aħħar ħames snin?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-accounts tal-Malta Freeport Corporation jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra regolarment. Barra minn hekk l-accounts qiegħdin ukoll fuq il-website tal-Malta Freeport.
PANCREX - MEDIĊINA OUT OF STOCK
36646. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jkun in stock il-prodott Pancrex li ma jinstabx fis-suq?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li din il-mediċina mistennija tasal Malta lejn l-aħħar ta’ Novembru 2012.
GĦAJNUNA LILL-BANDS MUŻIKALI LOKALI
36647. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista' l-Ministru tgħid mil-liema tip ta' għajnuna jistgħu jibbenefikaw bands mużikali lokali sabiex ikollhom l-opportunità ta' esperjenza barra minn Malta?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
KWESTJONI DWAR MIN GĦANDU ŻEWĠ PENSJONIJIET
36652. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jagħti pensjoni sħiħa lil dawk il-pensjonanti li jieħdu kemm pensjoni minn Malta u fl-istess waqt jirċievu pensjoni tas-servizzi Ingliżi mingħajr ma jibqa' jkollhom tnaqqis fil-pensjoni li jirċievu minn Malta?
ONOR. CHRIS SAID: Ninfirma lill-Onor. Interpellent li fis-sena 2008 il-gvern beda proċess sabiex fuq medda ta’ snin jibda jonqos l-ammont li ma jiġix meqjus minn pensjoni tas-servizz li toriġina kemm minn Malta kif ukoll minn pajjiż barrani fil-kalkolu ta’ pensjoni kontributorja.
Fil-fatt l-ammont li fis-sena li qegħdin fiha li mhux jiġi meqjus hu ta’ €1,066 u l-ħsieb hu li dan l-ammont jibqa jiżdied skont ir-ritmu ekonomiku tal-pajjiż.
ĊENTRI TAL-ADULTI GĦAL PERSUNI B'DIŻABILITÀ
36653. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċentri tal-adulti għal persuni b'diżabilità? Fejn qegħdin u kemm hemm persuni f'kull ċentru? Jista' jgħid x'inhi l-waiting list għad-dħul f'dawn iċ-ċentri?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Aġenzija Sapport għandha fi ħdana disa’ ċentri tal-adulti għall-persuni b’diżabilità. Dawn huma :-
Ċentru ta’ Ħal Far li fih jattendu 82 klijent;
Ċentru tas-Swatar li fih jattendu 17-il klijent;
Ċentru ta’ Paola li fih jattendu 24 klijent;
Ċentru ta’ Marsascala li fih jattendu 63 klijent;
Ċentru ta’ Fleur de Lys li fih jattendu 64 klijent;
Ċentru tal-Imtarfa li fih jattendu 88 klijent;
Ċentru tal-Imtarfa Resource li fih jattendu 21 klijent;
Ċentru ta’ Cottonera li fih jattendu 16-il klijent; u
Ċentru ta’ Santa Venera li fih jattendu 19-il klijent.
AĠENZIJA SAPPORT - PERSUNA LI TMEXXI
36654. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jgħid min qed imexxi l-Aġenzija Sapport issa li l-persuna li kienet qed tmexxi irtirat bl-età?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-persuna li tmexxi l-Aġenzija Sapport laħqet l-età tal-irtirar, din il-persuna aċċettat li tkompli tmexxi l-aġenzija għal perjodu flimkien mal-persuna appuntata wara sejħa publika u b’hekk ġie assikurat kontinwità fil-ħidma tal-aġenzija.
ĊENTRI TAR-RIŻORSI - STUDENTI B'DIŻABILITÀ
36655. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista' l-Ministru tgħid hemm studenti b'diżabilità li għandhom aktar minn 16-il sena li jinsabu fl-iskejjel sekondarji jew fl-iskejjel speċjali li llum qed jissejħu ċentri tar-riżorsi?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt ilħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
AWTORITÀ TAD-DJAR - RRANĠAR TA' GALLARIJA
36659. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar ma ħaditx il-passi neċessarji biex il-fond tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li għandu l-gallarija f'periklu, tiġi rranġata?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ħadet nota ta’ din l-interpellenza u inkludiet din it-talba fil-programm ta’ manutenzjoni tagħha.
ŻEJTUN - MISRAĦ KARMENU GRIMA - TARMAK
36666. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36526 u jgħid Misraħ Karmenu Grima fiż-Żejtun li jaqa’ taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta meta se jiġi rranġat u jingħata t-tarmak wara numru ta’ snin mitluq?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li din it-triq tinsab fil-lista tat-toroq residenzjali li għandhom jiġu asfaltati minn Transport Malta fix-xhur li ġejjin.
TQASSIM TAL-FROTT FL-ISKEJJEL
36667. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36273 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx kuntratt jew le għat-tqassim tal-frott fl-iskejjel? Jekk fl-affermattiv għalkemm żmien huwa t-terminu ta' dan il-kuntratt, mingħandu dan il-kuntratt u kemm hu l-prezz tiegħu? Liema huma l-iskejjel li qed jibbenefikaw minn dan u x'obbligu għandu l-kuntrattur bħal kemm-il darba jrid iqassam frott u jekk dan jistax iġib frott minn barra jew inkella minn Malta biss jew taħlita tat-tnejn?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Ninsab infurmat li hemm kuntratt ta’ tliet snin (2011/12; 2012/13; 2013/14) mal-kuntrattur Frott Artna bil-prezz ta’ €0.30 għal kull tazza bil-frott jew ħaxix. It-tqassim ta’ dawn il-porzjonijiet isir fl-iskejjel kollha primarji tal-istat, tal-Knisja kif ukoll dawk privati għall-istudenti tal-etajiet bejn it-tliet snin u l-għaxar snin (jiġifieri minn Kindergarten sa Year 6). It-tqassim huwa ta’ porzjon għal kull student kull ġimgħa matul is-sena skolastika, kif ukoll matul SkolaSajf. Il-kuntrattur huwa obbligat li jqassam darba porzjon ħaxix ma’ kull tliet darbiet frott. Il-kuntrattur jista’ jġib frott minn barra jekk kemm-il darba ma jkunx hemm biżżejjed provista ta’ frott lokali wara li jkun ġab l-approvazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija għall-Pagamenti li tamministra din l-iskema.
GĦASSES TAL-PULIZIJA MINGĦAJR SISTEMA TA' PIRS II
36668. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk għadx fadal għasses tal-pulizija mingħajr sistema ta' PIRS II fit-30 ta' Settembru 2012? Jekk iva, liema huma dawn l-għasses tal-pulizija?
ONOR. LAWRENCE GONZI: insab infurmat illi fil-preżent l-għasses f’dawn il-lokalitajiet għadhom mingħajr is-sistema kompjuterizzata PIRS II:
Tarxien
|
Mqabba
|
Birgu
|
Qrendi
|
Isla
|
Safi
|
Kalkara
|
Kirkop
|
Xgħajra
|
Sta. Venera
|
Għaxaq
|
Dingli
|
Gudja
|
Mdina
|
Marsaxlokk
|
Attard
|
Għargħur
|
Għarb
|
|
Mġarr
|
M’Forn
|
|
Għadira
|
Żebbuġ
|
|
Ċirkewwa
|
Sannat
|
|
Xagħra
|
Qala
|
|
Nadur
|
Għajnsielem
|
|
Xewkija
|
Xlendi
|
|
Kemmuna
|
Kerċem
|
|
Għasri
|
|
San Lawrenz
|
|
Fontana
|
|
Munxar
|
|
Minn żmien għal żmien dawn il-lokalitajiet jiġu evalwati a bażi tad-demografija, it-topografija kif ukoll punti oħra. Fil-fatt f’dawn l-aħħar erba’ snin din is-sistema ġiet introdotta għall-ewwel darba fil-lokalitajiet tal-Furjana, Siġġiewi, Sta Luċia, Marsa, Imtarfa, Ħal Balzan u San Pawl il-Baħar. Barra minn hekk qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex is-sistema tal-PIRS tkun introdotta wkoll għall-ewwel darba f’dawn il-lokalitajiet – Ċirkewwa (ferry terminal), Kalkara (Smart City) u Mġarr (ferry terminal).
KORP TAL-PULIZIJA - FIXED POINTS
36669. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm attwalment qed isiru fixed points fuq bażi ta' kuljum mill-membri tal-Korp tal-Pulizija?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 19-il point fejn issir għassa statika mill-Pulizija. Uħud minn dawn huma fuq bażi ta’ 24x7, oħrajn matul il-lejl u xi wħud matul il-ġurnata.
LAQGĦAT UFFIĊJALI BEJN IL-MINISTERU TAL-INTERN U L-ASSOĊJAZZJONI TAL-PULIZIJA
36670. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa uffiċjali saret bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija bejn id-dati l-1 ta' Jannar 2008 u 30 ta' Settembru 2012? X'kienu d-dati ta' dawn il-laqgħat uffiċjali?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
PULIZIJA RE-INSTATED
36671. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew re-instated pulizija f'dawn l-aħħar erba' xhur sat-30 ta' Settembru 2012, xahar b'xahar? F'liema grad huma dawn il-pulizija? Kemm minn dawn il-pulizija re-instated kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat illi l-ewwel ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena kien hemm erba’ membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew reinstated, kollha f’Ġunju. Dawn kienu surġent mara u 3 kuntisabbli rġiel.
REKWIŻITI BIEX TIDĦOL FIL-KORP TAL-PULIZIJA
36672. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'kienu r-rekwiżiti sabiex persuna, kemm raġel u kemm mara, setgħet tidħol fil-Korp tal-Pulizija, fl-aħħar ħames intakes?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat illi r-rekwiżiti sabiex persuni, kemm irġiel kif ukoll nisa, setgħu japplikaw għall ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kienu dawk kif pubblikati fil-Gażżetti tal-Gvern kif ġej: 7 ta’ Settembru 2007, paġna 8281; 10 ta’ Marzu 2009, paġna 2179; 18 ta’ Mejju 2010, paġna 4282; 8 ta’ April 2011, paġna 2807; 8 ta’ Mejju 2012, paġna 7191. Il-kopji rispettivi ta’ dawn is-sejħiet tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
INMATES ESKORTATI L-QORTI
36673. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kien hemm inmates li riedu jiġu eskortati l-Qorti nhar it-28 ta' Ġunju 2012? Kemm kien hemm pulizija xogħol bħala skorta ma' dawn l-inmates fl-istess ġurnata?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li nhar it-28 ta’ Ġunju 2012 kien hemm 39 inmate li ġew skortati l-Qorti. Għal raġuni ta’ sigurtà ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dwar skorta li tintuża f’dawn iċ-ċirkostanzi.
SERVIZZ TAT-TRASPORT PUBBLIKU - ROTTA 24
36701. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jara li Transport Malta tinvestiga rapporti li waslu li bejn il-weekend li għadda u l-bieraħ fejn kien hemm każijiet fejn ir-rotta 24 mill-Belt għal Ta' Giorni ġieli ma ħadmitx f’ċerti ħinijiet minħabba nuqqas ta’sewwieqa?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat illi minn stħarrig li għamlet Transport Malta fuq ir-rotta 24, jirriżulta illi bejn id-29 ta' Settembru u l-1 ta' Ottubru 2012 kull vjaġġ skedat twettaq. Madanakollu, jirriżulta wkoll illi 11% tal-vjaġġi ttardjaw sa ħames minuti, 6% tal-vjaġġi ttardjaw bejn sitta u għaxar minuti, 9% tal-vjaġġi ttardjaw bejn ħdax u għoxrin minuta, filwaqt li 9% tal-vjaġġi ttardjaw b'aktar minn 21 minuta fit-tluq tagħhom mill-venda tal-Belt.
Fin-nuqqasijiet imsemmija, Transport Malta tapplika il-penalitajiet lil Arriva Malta Ltd skont kif hemm stipulat fil-kuntratt.
KUNSILLI LOKALI - NIES LI JAGĦMLU XOGĦOL TA' AVUKAT
36736. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35236 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ avukat mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m’hemm l-ebda kuntratt, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterija li ntużaw biex tintgħażlet il-persuna kkonċernata u kemm dawn jitħallsu fis-sena?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 35236. Kopja tal-kuntratti eżistenti jew xorta oħra ta’ dokumentazzjoni dwar is-servizzi professjonali li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, hekk kif provduti mill-kunsilli lokali nfushom tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Dostları ilə paylaş: |