ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li l-istudji li saru rigward dan il-proġett huma aċċessibbli mill-website tal-MEPA u dawn jinkludu diversi studji ambjentali hekk kif speċifikati mill-MEPA stess u studji ta’ cost benefit analysis li jinkorporaw fihom traffic modelling tat-tip ta’ junctions proposti. Minbarra dawn l-istudji ġew ikkummissjonati wkoll health and safety plan, geotechnical investigation, acoustic studies li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra permezz ta’ CD waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti. Ġie kkummissjonat ukoll studju dwar performance specifications ta’ strutturi iżda dan għadu mhux finalizzat. Lista tal-istudji li għadni kif irreferejt għalihom flimkien mad-dettalji dwar meta saru, minn min u meta ġew ikkummissjonati tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Dwar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni li saret jien infurmat li kien hemm diversi diskussjonijiet dwar dan il-proġett fil-livelli tas-senior management ta’ Transport Malta tul l-andament tal-istudji u anke wara. Tul dawn id-diskussjonijiet saru konsultazzjonijiet ma’ diversi residenti tal-inħawi, rappreżentanti ta’ kunsilli lokali, il-MEPA, kumpaniji ta’ servizzi bħal GO, Melita, Enemalta, Water Services Corporation, Planning and Priorities Coordination Department, Superintendence of Cultural Heritage u l-MRRA. Minbarra hekk, saret ukoll konsultazzjoni pubblika li għaliha attendew diversi residenti tal-inħawi. F’din il-laqgħa kienu spjegati l-alternattivi li qed jiġu kkunsidrati mal-MEPA biex l-istess MEPA tieħu deċiżjoni dwar dan il-proġett. Kien ġie diskuss illi ż-żewġ alternattivi huma proġetti tajbin li jtaffu l-konġestjoni fl-inħawi u waħda minnhom kellha potenzjal li timpatta inqas fuq il-flow tat-traffiku waqt il-kostruzzjoni. Bħalissa qed isiru wkoll preparamenti għal studji oħrajn biex ikompli l-proċess ħalli tinstab soluzzjoni li ttaffi l-konġestjoni f’din il-junction bl-inqas impatt fuq l-ambjent tal-madwar u biex ikunu kkunsidrati s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet bħala parti mill-konsultazzjoni msemmija.