37349. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
- Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali: f’dawn l-aħħar sitt xhur ma sarux xogħlijiet peress li d-dipartiment kien diġà attrezzat sabiex ikun milħuq minn persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll minn dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u dawl;
- Sigurtà Soċjali: il-binjiet tal-aċċess ġewwa l-Qawra, il-Kottonera u l-Imsida saru xogħlijiet sabiex tkun aċċessibbli minn persuni b’diżabilità kif ukoll fil-kmamar tal-banju rispettivi. Saru xogħlijiet ukoll fl-uffiċċju distrettwali tal-Ħamrun u se joħroġ tender għal-lift. Viċin kull uffiċċju distrettwali hemm ukoll reserved parking għal persuni b’diżabilità;
- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà: ma kienx hemm il-bżonn li jsir xogħol ta’ din in-natura ghaliex huma aċċessibbli. Barra minn hekk, ġiet stallata l-Maltese Speech Engine żviluppata mill-FITA fuq il-kompjuters ta’ staff li għandhom nuqqas ta’ dawl u li jużaw screenreader sabiex jużaw il-kompjuter;
- Qrati tal-Ġustizzja: fl-uffiċċju tal-membri tal-Ġudikatura u fir-raba’ sular tal-Qorti sar accessibility audit mill-KNPD;
- MEUSAC: f’dawn l-aħħar sitt xhur ma sarux xogħlijiet però l-uffiċċju hu aċċessibbli permezz ta’ rampa li saret fuq barra;
- Awtorità tad-Djar: l-awtorità diġà hi aċċessibbli;
- Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali: saret rampa biex il-bini ikun aktar aċċessibbli;
- Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur però l-bini hu aċċessibbli;
- Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur però l-post hu aċċessibbli permezz ta’ rampa li tinsab fl-entratura tal-bini;
- Kummissarju għat-Tfal: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur għaliex il-bini hu aċċessibbli u anke għandu kmamar tal-banju aċċessibbli;
- MCESD: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur però l-bini hu aċċessibbli permezz ta’ rampa li tinsab fl-entratura tal-bini; u
- Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali: saru rampi u kmamar tal-banju aċċessibbli minn persuni b’diżabilità fiżika ġewwa l-fondazzjoni, qed tiġi rranġata l-binja residenzjali ġewwa Birżebbuġa billi qed jitwessgħu l-bibien u ġew stallati kmamar tal-banju aċċessibbli, ġewwa l-Imtarfa Day Centre tranġaw il-kmamar tal-banju u tranġat rampa fl-entratura taċ-ċentru ta’ Fleur de Lys.
Dostları ilə paylaş: |