KORP TAL-PULIZIJA - INVESTIGAZZJONI DWAR KAROZZA LI TINSAQ MINN ĠUVNI TAĦT L-ETÀ 37439. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija tistax tindaga fuq min hi reġistrata l-karozza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tinstaq illegalment minn ġuvni taħt l-età regolarment u jieħdu l-passi meħtieġa biex iwaqqfu dan l-abbuż?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li l-Pulizija ħadet tl-passi neċessarji.
BONUS LILL-ANZJANI 37440. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miżura ta’ għoti ta’ €300 għal anzjani ’l fuq minn 80 sena ħaduhiex l-anzjani kollha intitolati u sħaħ, jew proporzjonalment skont meta twieldu, għax spiċċajna li €300 jidher li ħaduha biss dawk li għalqu sninhom f’Jannar?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għotja msemmija ta’ €300 fis-sena hi dovuta lil dawk l-anzjani li jilħqu 80 sena u li jkunu għadhom jgħixu ġewwa darhom jew ma’ familjari.
Għaldaqstant dawk l-anzjani li f’Jannar kienu diġà laħqu l-età ta’ 80 u kienu qegħdin jgħixu ġewwa darhom jew ma’ familjari ngħataw is-somma sħiħa ta’ €300 filwaqt li dawk li laħqu l-età ta’ 80 matul is-sena kurrenti qegħdin jieħdu somma pro-rata ta’ €300 li tkopri mid-data li fiha jilħqu 80 sal-aħħar tas-sena.
Inżid ukoll illi kull anzjan li matul is-sena kurrenti rċieva jew se jirċievi is-somma ta’ €300 jew parti minnha, f’Jannar tas-sena d-dieħla jirċievi l-ammont sħiħ.