PJANIJIET GĦALL-ISPTAR ZAMMIT CLAPP 37464. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-binja tal-Isptar Zammit Clapp, li kienet tintuża bħala sptar ta’ rijabilitazzjoni, għax-xhur u snin li ġejjin?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li bħalissa l-Isptar Zammit Clapp qiegħed jintuża bħala nursing home għall-anzjani wara li sarlu refurbishment estensiv. Ta’ min jgħid li permezz ta’ dan il-proġett kien hemm żieda ta’ 96 sodda għall-anzjani.
TRASPORT PUBBLIKU - TALBA GĦAL TIBDIL TEMPORANJU FIR-ROTOT 37465. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jintervjeni għax anzjani li s-soltu jagħmlu użu miċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta, issa li dawn is-servizzi imxew għaċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, qed jaqbdu l-karozza tal-linja, jinżlu fil-bypass ta’ Birkirkara. jaqsmu l-bypass u jinżlu niżla? Jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex Transport Malta tbiddel temporanjament ir-rotta tagħha u jkun hemm karozza tal-linja li tgħaddi apposta minn ħdejn iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ħalli dawn l-anzjani u persuni bi problemi ta’ mobbiltà jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha?