RESERVED PARKING BAY 37517. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’possibbiltà hemm li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha reserved parking bay ikollha n-numru tal-karozza tiegħha mmarkat mal-art?
ONOR. AUSTIN GATT: Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
SAN PAWL IL-BAĦAR - TRIQ IS-SIMAR - XOGĦLIJIET 37518. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut ma’ Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar?
ONOR. AUSTIN GATT: Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 36028 u 37042, ninsab infurmat li sabiex tipprova ttaffi l-inkonvenjent f’din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti għall-engineering consultancy biex isir studju fuq il-materjal li jinstab f’din it-triq. Din is-sejħa bħalissa qiegħda tiġi evalwata. Se jsiru wkoll jersey barriers f’parti ta’ din it-triq sabiex jitneħħa l-periklu li hemm.