MELLIEĦA - STAT TAL-FORTIZZA CAMPBELL 37445. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stat tinsab il-Fortizza Campbell, limiti tal-Mellieħa? Xi pjanti għandu d-Dipartiment konċernat ta' din il-fortizza?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Kif għedt fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 37186, ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-ħsarat li hemm f'din il-fortizza li ilha żmien twil abbandunata. Apparti ħsarat kawżati mill-elementi, il-Fortizza kemm-il darba ġiet vandalizzata peress li m'hemm l-ebda lqugħ li jipprojbixxi l-aċċess. Intant id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu biss pjanta magħmula fuq survey sheet li turi ż-żona ta' din il-fortizza, liema pjanta qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.