THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Bir-rispett kollu, imkien ma joħroġ li l-Parlament se jkollu xi say fiha. L-unika ħaġa li toħroġ dwar min se jkollu say hija li tkun il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tingħata say fuq din il-ħaġa. Il-Parlament imkien ma jissemma u ma toħroġx minn dan li għandna quddiemna, ma toħroġx lanqas mit-text aktar ‘il quddiem. Li qed jintqal hawnhekk huwa li se jkun hawn liġi kostituzzjonali li, jekk gvern jiksirha, anke jekk ikollu maġġornaza enormi f’dan il-Parlament, jista’ jittella’ quddiem il-Qorti mhux ta’ Malta imma quddiem il-Qorti Ewropea. Bir-rispett kollu, hekk qed ngħidu hawnhekk. M’aħniex qed ngħidu affarijiet differenti. Naħseb li ta’ min jikkonsidra ftit x’qed ngħidu. Hawnhekk nimxu - issa jekk hux tajjeb jew le, dik ħaġa oħra - fuq is-sistema kostituzzjonali Ingliża li min għandu maġġoranza tal-Parlament, anke ta’ wieħed, jgħaddi l-voti tiegħu. Issa qed naslu lejn sistema li jekk ikollu dik il-maġġoranza xorta ma jistax jiddeċiedi hu? Din il-ħaġa hekk se tispiċċa. Il-Ministru qed jgħid li jridu jistennew lill-Kummissjoni Ewropea. Jien nista’ ngħidlu li Franza m’aċċettawx li jdaħħlu din il-ħaġa fil-kostituzzjoni tagħhom u qed jgħidu li se jkollhom liġi partikolari. (Interruzzjonijiet) Le, se jkollhom liġi partikolari u speċjali li m’għandhiex x’taqsam mal-kostituzzjoni.
Il-punt huwa dan. Il-prattika ta’ dan il-pajjiż hija li gvern li jkollu maġġoranza u jtella’ l-voti finanzjarji, jekk dik il-maġġoranza jsostniha, jgħaddi. Ejja nkunu ċari x’qegħdin nagħmlu. Qed inkissru dik il-prattika? Se nkissru dik il-prattika billi ngħidu li se jkun hemm veto fuq x’jagħmel il-gvern b’maġġoranza jekk jidħol il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Jew inkella jekk immorru aktar ‘il bogħod minn hekk, jekk issir xi bidla fil-Kostituzzjoni b’żewġ terzi, nistgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn minoranza jew partit minoritarju f’dan il-Parlament jirrikatta lill-gvern tal-ġurnata u jgħidlu li jekk ma jsejjaħx elezzjoni mhuwiex se jmexxi ‘l quddiem fuq din u fuq dik il-ħaġa. Qed indaħħlu forma ta’ check and balance li la huwa check u lanqas huwa balance, li assolutament ma jinftiehemx u jmur kontra l-prattika ta’ dan il-Parlament.