THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONRO. TONIO FENECH: Iva, qed tiġi soġġetta għall-Qorti Ewropea. Dik hija deċiżjoni li ħadna fuq livell ta’ Kunsill tal-Ministri li mhux nagħmlu dikjarazzjoni pija fil-Kostituzzjoni jew f’liġi speċjali. Hawnhekk ma jgħidlekx li bilfors trid tkun kostituzzjonali imma jgħidlek li preferibbilment trid tkun kostituzzjonali, jiġifieri aħna wkoll nistgħu nagħżlu għal pajjiżna forma ta’ liġi aktar milli l-Kostituzzjoni. L-importanti hu li kif enfasizzajna dejjem, it-trattament ikun ugwali għal kulħadd jiġifieri ma nistgħux nippretendu li xi ħadd li ma jagħmilhiex fil-Kostituzzjoni, u dik hija a lighter version, imur for the heavier version. Aħna dejjem nenfasizzaw li fuq livell Ewropew ikun hemm trattament ugwali bejn il-pajjiżi. Wieħed jistenna l-Kummissjoni biex tiġi bil-proposta tagħha imma xejn ma jżomm lill-pajjiż li jibni l-istruttura madwar din il-klawsola biex ikun hemm iċ-checks and balances. Hawnhekk mhux qed neskludu l-possibilità li jkun hemm iċ-checks and balances imma x-xewqa hija li anke fil-Qrati jkun hemm iċ-checks and balances, u dan ma jfissirx li se niġu f’sitwazzjoni li maġġoranza jew minoranza żgħira tista’ twaqqaf il-proċess tal-budget. Il-budget jibqa’ jgħaddi mill-Gvern. Il-konsegwenzi fit-trattat huma li jekk il-Gvern ikun qed jikser din ir-regola konsistentement, u allura minflok ikun qed jersaq, ikun qed jiddevja, jista’ jkun hemm rikors ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dik hija xi ħaġa li qed tiġi aċċettata f’dan it-trattat għax, nerġa’ nenfasizza, li l-iskop ta’ dan it-trattat kien li minn mekkaniżmi biss ta’ peer pressure li żżomm id-deficit, id-dejn u proċeduri legali li kienu jieħdu fit-tul, immorru biex din id-darba jkollna qafas li jkun ħafna aktar b’saħħtu u jkun hemm strumenti ta’ intervent jekk gvern elett demokratikament jibqa’ jippersisti li jgħid li se jibqa’ jgħolli d-dejn. Issa ħadna t-tagħlima li gvern ma jistax jitlaq għal rasu għax il-pajjiżi l-oħra qed jiġu msejħa to bail that government out u allura llum hemm a shared responsibility li aħna jrid jkollna qagħda finanzjarja Ewropea li hija b’saħħitha u sostenibbli.