THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Irrid ngħid li l-intervent li għamel l-Onor. Alfred Sant huwa kemxejn deduttiv però mhuwiex il-bażi ta’ dak li hemm miktub. L-Onor. Sant għamel assunzjoni ta’ dak li jaħseb li jista’ jaqa’ taħt din il-klawsola. Mhuwiex il-każ għax din il-klawsola, l-ewwel nett, għadha lanqas qed tiġi implimentata fil-liġijiet ta’ pajjiżna qabel ma’ tiġi bil-miktub mill-Kummissjoni l-proposta kif dan isir u bħal kull proposta tal-Kummissjoni tkun trid tiġi diskussa fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri, ikun hemm qbil, imbagħad tibda tiġi l-implimentazzjoni tagħha. Dawn huma biss suppożizzjonijiet li f’dan il-mument mhux qed narahom li kienu l-intenzjoni ta’ dak li ġie diskuss, jiġifieri qatt ma kien diskuss f’kontest li inti jista’ jkollok xi grupp minoritarju żgħir, f’parlament partikolari u jwaqqaf il-proċess ta’ budget ta’ pajjiż. Żgur li dik mhijiex l-intenzjoni. Pjuttost ir-rikors tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qed nitkellmu dwaru aktar fil-kontest tal-Kummissjoni, fi proċess li huwa iddelinjat anke ‘l quddiem fit-Trattat fejn wara proċess anke mal-Kunsill – u l-Kunsill għandu wkoll poteri li jimblokka - jibda jaġixxi fil-konfront ta’ pajjiż li mbagħad iwassal biex inti tmur il-Qorti Ewropea. F’dak il-kontest kienet din id-diskussjoni. Fuq hekk nistenna li se tkun il-proposta tal-Kummissjoni aktar milli jista’ jkun hemm membru wieħed f’parlament li jipprova jżomm proċess ta’ budget billi jagħmel xi rikors lill-Qorti Ewropea għax ikun irid interpretazzjoni minnha dwar jekk il-budget isegwix dan it-Trattat jew le. Aħna dejjem fhimna li dik tiġri biss wara l-proċess fejn il-Kummissjoni tressaq proposta lill-Kunsill tal-Ministri u dan jiddeċiedi jekk jaċċettax jew le. Imbagħad hemm il-format ta’ kif wieħed jivvota f’dan is-sens, aktar milli kif fehemha l-Onor. Alfred Sant.