Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə34/138
tarix07.01.2022
ölçüsü0,56 Mb.
#88598
1   ...   30   31   32   33   34   35   36   37   ...   138
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Alfred Sant.

ONOR. ALFRED SANT: It-triq għall-infern hija pavimentata b’intenzjonijiet tajba. Jien m’għandix dubju li ma kenitx u mhijiex l-intenzjoni ta’ min daħal f’din il-ħaġa li joħloq xi paraliżi fit-tmexxija ta’ kwalunkwe pajjiż. Dak li jkun qiegħed sempliċement jirrispondi għall-kontinġenzi li nafu bihom li għaddejjin bħalissa imma mhux qed iħares lejn l-implikazzjonijiet iktar wiesgħa skont iċ-ċirkostanzi differenti tal-pajjiżi differenti fil-konkret. Nerġa’ ngħid, Franza diġà ddeċidiet li se jkollha liġi speċjali u mhux qed tistenna, safejn naf jien, dak li tgħidilha l-Kummissjoni Ewropea fuq din il-ħaġa. Telqet u bdiet tagħmel dak li għandha tagħmel skont il-kriterji tagħha.

Imma lil hinn minn hemm, dan huwa maħsub f’kontest kostituzzjonali politiku ta’ pajjiżi Ewropej li jgħixu permezz ta’ koalizzjonijiet bħall-Ġermanja, l-Olanda u pajjiżi fejn it-tmexxija parlamentari tagħhom hija permezz ta’ koalizzjonijiet. Aħna hawnhekk għandna s-sistema Ingliża. Ilna ngħidu ħafna fuqha din. Għandna sistema avversarjali, partit u ieħor, u xi kultant ikollok tnejn minn partit jew ieħor li joħolqu l-kaos meta jfettlilhom. Fair enough. Il-punt huwa li hawn qegħdin indaħħlu jew nikkontemplaw mekkaniżmu u mhux veru, ma ssemmiex hawnhekk li trid tgħaddi permezz tal-Kummissjoni. Jekk inti qed tagħmilha soġġetta għal preferibbilment dispożizzjonijiet vinkolanti fil-Kostituzzjoni, li huma riferibbli imbagħad lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, ma nistax nifhem jien kif bħala prinċipju m’aħniex qed nifhmu li anke partit żgħir, partit kbir f’dan il-Parlament jew anke nies oħra, ma jistgħux jagħmlu kawża biex iwaqqfu deċiżjoni ta’ maġġoranza f’dan il-Parlament. Issa jien maġġoranza qed ngħid, mhux minoranza kważi maġġoranza kif għandna llum. Din tmur kontra l-mod kif aħna nħaddmu d-demokrazija tagħna. Jien ngħid li mhijiex kwestjoni ta’ intenzjonijiet tajba jew intenzjonijiet ħżiena. L-isfidi u d-diffikultajiet li għandna llum, fair enough, iridu jiġu b’xi mod jew ieħor iffaċċjati, imma ma nistgħux noħolqu regoli ġenerali abbażi tagħhom biss u ma naħsbux ftit x’se jiġri aktar ‘il quddiem jew x’jista’ jiġri aktar ‘il quddiem. Mela dejjem se tibqa’ l-problema tad-deficit u l-problema ta’ budgets żbilanċjati fl-Ewropa, fiż-Żona Ewro jew f’Malta jew f’pajjiżi oħrajn? U meta ma tkunx hekk imbagħad, x’se jiġri, x’jista’ jiġri?

Jien, kif diġà għidt, se nivvota għal dan it-Trattat bl-akbar riluttanza – ma nafx x’inhija l-kelma eżatta Maltija – u bl-aktar dwejjaq, għax naħseb li dan huwa trattat li mhux qed jirrispondi għall-bżonnijiet ta’ dan il-pajjiż u ta’ pajjiżi oħra fiż-Żona Ewro.


Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   30   31   32   33   34   35   36   37   ...   138




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin