THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Issa ngħaddu għall-paragrafu ta’ wara. L-Onor. Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Din irrid inpoġġiha f’kontest li dan huwa l-preambolu. Il-preambolu huma l-prinċipji fuqiex ġie mfassal dan it-trattat, mhumiex il-klawsoli legali li trid timplimenta. Fil-fatt, il-kliem użat huwa: “Jinnota”, “Infakkru” eċċ. Aktar milli qed jgħid x’se jsir, qed jgħid x’qed ifakkar li hija r-realtà. Issa f’din il-klawsola qed jitfakkar li l-Artiklu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – jiġifieri mhux dan it-trattat - diġà jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew f’pagamenti bħala penali fuq stat membru tal-Unjoni Ewropea. Mela dak li ġie nnotat fil-paragrafu preċedenti mhuwiex xi ħaġa ġdida fit-trattati tagħna, huwa dak li t-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea diġà jippermetti, ċioè li jekk stat membru jonqos milli jikkonforma mal-oġġettiv li jersaq lejn id-deficit tiegħu taħt it-3% u issa anke bilanċ fiskali, allura jkun hemm il-Kummissjoni li tista’ taġixxi u tressaq anke lil dak il-pajjiż quddiem il-Qorti li mbagħad ikun jista’ japplika penali jew ħlas li tiddeċiedi l-Qorti.