THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONRO. TONIO FENECH: Il-Gvern se jippreżenta budget. Illum, taħt il-mekkaniżmu l-ġdid – u diġà kelli okkażjoni nispjegah – mhux sempliċement niġi hawn f’Novembru nippreżenta l-budget wara laqgħat fl-MCESD, mal-Ministri u ma’ kull min talab li ssir konsultazzjoni miegħu. Illum, parti minn dak il-proċess li diġà beda u qegħdin avvanzati fih hu li nibagħtu l-proġettazzjoni tal-Estimi tagħna bl-ispjegazzjoni ta’ kif wasalna għad-dħul tagħna u kif wasalna għall-ħruġ tagħna lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi. Dan isir qabel, għax inkella ma tkunx tista’ tieħu pożizzjoni fuq il-forecasts għax hi se toħroġ il-forecast. Jekk hi mhux se tara li l-budget huwa kredibbli, tibda tistaqsi, tibda tibgħatlek biex tibgħat il-key assumptions fuq kif qed tasal fuq ir-revenue u tibda teħodlok it-trends tal-passat. Mela din tagħmel l-evalwazzjoni teknika min-nies tekniċi biex tara jekk il-figuri li qed tippreżentalha humiex kredibbli, humiex fattwali jew intix qed tipprova tagħmel cover-up biex tiġi taħt it-3%. Ovvjament, il-history tiegħek ġeneralment jinċidi ħafna fuq kemm it hassles you jew le għax, nerġa’ ngħid, jekk inti persistentement dejjem taqbeż it-3% allura tibda tgħidlek li mhux se temmnek meta tgħidilha li din id-darba mhux se taqbiżhom. Jiġifieri hawnhekk sta għall-Gvern. Jekk dan irid il-fiduċja tal-Kummissjoni jrid dejjem iżomm ma’ dawn il-miri. Naħseb li din hija xi ħaġa li pprovajna nagħmlu matul dawn l-erba’ snin fejn konsistentement komplejna nnaqqsu d-deficit tagħna. Illum hemm proċedura stabbilita u allura meta titkellem fuq il-proġettazzjoni, il-Kummissjoni se toqgħod fuq il-proġettazzjoni tagħha u mhux fuq il-proġettazzjoni tal-Gvern. Il-proġettazzjoni tagħha hija bbażata fuq x’ippreżenta l-Gvern u fid-diskussjoni li tkun għamlet, fiċ-challenge li tkun għamlet x’conclusion ġiet. Issa jekk f’dawk id-diskussjonijiet tkun ħadt miżuri mitigating u l-budget ikun qed jirrifletti dak li jkun ġie diskuss mal-Kummissjoni, allura l-Kummissjoni se toħroġ u tgħid li hija sodisfatta, jekk le, se toħroġ bil-forecast tagħha li ma jkunx mal-Gvern imma jkun differenti.