THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Naħseb li din il-klawsola hija meaningless għal kollox. Qisha qed tagħmel ftit make-up ma’ wiċċ il-kukkudrill.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Ministru, nistiednek biex, jekk jogħġbok, tressaq il-paragrafu li jmiss.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, dan il-paragrafu jgħid hekk:
“JENFASIZZAW li l-ebda dispożizzjoni ta' dan it-Trattat ma għandha tiġi interpretata li tibdel b’xi mod il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika li taħthom tkun ġiet mogħtija assistenza finanzjarja lil Parti Kontraenti fi programm ta' stabbilizzazzjoni li jkun jinvolvi l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha jew il-Fond Monetarju Internazzjonali;”.
Hawnhekk qegħdin nitkellmu fil-kontest ta’ dawk il-pajjiżi li diġà jkunu daħlu f’xi programm effettiv. Dan it-trattat mhux qed jipprova jbiddel dak il-programm. Dak il-programm li jkun miftiehem ma’ dak il-pajjiż ikun irid jiġi segwit biex tkun tista’ tkompli tingħata l-assistenza finanzjarja skont il-ftehim li jkun intlaħaq fl-EFSF jew fl-ESM jew f’dak il-mekkaniżmu li taħthom ikunu qed joperaw.