ONOR. ALFRED SANT: Mhux se ntawwal fuq dan il-punt. Il-punt huwa li qed nitkellmu fuq sistema li qed tiċċentralizza ruħha fil-qasam bankarju u finanzjarju f’kontest protettiv, għax quite rightly qed jaraw kif jipproteġu l-istrutturi taż-Żoni Ewro f’area fejn s’issa l-vantaġġ kompetittiv tagħna fis-servizzi finanzjarji ħareġ mill-fatt li aħna konna differenti minn ħaddieħor. Bażikament l-armonizzazzjoni tfisser li se nsiru inqas differenti minn ħaddieħor. Naħseb li dik ta’ min jiffoka fuqha u jżomm għajnejh miftuħa fuqha għax kellna vantaġġ f’din l-area li ma rridux nitilfu minħabba dawn l-iżviluppi.