THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Ikun tajjeb li ngħidu li dejjem ikun hemm żviluppi. Oriġinarjament kien ċar - u għadu hekk fit-Trattat, għadu ma nbidilx - li l-mekkaniżmu tal-ESM jista’ jintuża tramite pajjiż u allura jrid jiġi l-pajjiż u ma jintużax direttament mal-banek. Ovvjament iċ-ċirkostanza li bdiet temerġi fi Spanja wriet li ma kien fl-interess ta’ ħadd li nġibu pajjiż sħiħ fi programm għax Spanja mhux is-size ta’ pajjiżi oħrajn. Ma kienx hemm għalfejn, għax Spanja kien qed jirnexxielha tissellef mis-swieq u tindirizza s-sitwazzjoni tal-banek tagħha u daħħlet kondizzjoni li tagħmel proprju l-enfasi fuq il-banking union. Jiġifieri li l-mekkaniżmu tal-ESM jista’ jintuża għall-kwestjonijiet ta’ banek huwa f’qafas biss jekk ikun hemm il-qafas tal-banking union u fil-fatt kienet aċċellerata proprju d-diskussjoni tal-banking union. Fil-fatt Spanja għadha tistenna dak il-proċess.
Tajjeb li ngħidu wkoll li għalkemm aħna pprovdejna għal €100 biljun, s’issa l-evalwazzjonijiet jidhru li qed ikunu aktar fuq livell li l-għajnuna meħtieġa hija madwar €60 biljun. Ovvjament hawn qed nitkellmu fuq il-prinċipju iktar milli fuq l-ammont, u l-prinċipju hu li l-ESM ikun jista’ jintuża ma’ banek jekk ikun hemm il-banking union. Għalhekk ladarba naslu għal dak il-pakkett sħiħ, ikun meħtieġ li jsiru emendi fit-Trattat tal-ESM għax s’issa t-Trattat tal-ESM huwa ċar u jgħid li l-għajnuna trid tingħata tramite stat li jiġi għall-programm.