ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li m’hemm l-ebda indikazzjoni li x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru tal-Onkoloġija u fuq proġetti oħra li qiegħda taħdem fuqhom il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi se jaqa’ lura minħabba l-Isptar St Philip’s.
MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN - DIPLOMATS 37191. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kemm-il diplomat daħal dawn l-aħħar erba’ snin din l-aħħar sena u dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm-il diplomat daħal wara sena li għamel l-eżami? Fuq liema kriterji jintgħażlu id-diplomats Maltin, biex imorru jservu fl-ambaxxati?