ONOR. MARIO DE MARCO: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema li ħarġet tikkonsisti minn konċessjonijiet minn miżuri ta’ infurzar. Din hi l-ewwel darba li ġiet imnedija din it-tip ta’ skema li hi regolata permezz ta’ Artikoli 91 u 92 u Kategorija B tat-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Miżura aktar limitata li ilha fis-seħħ numru twil ta’ snin, dik li qabel kienet irregolata minn Artikolu 55B tal-Att dwar l-Iżvilupp tal-Ippjanar u li llum ġiet inkorporata f’Kategorija A tat-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, fil-fatt dejjem kienet amministrata mis-sezzjoni tal-infurzar.
L-artikoli hawn fuq imsemmija huma inkorporati f’Parti VI.2 tal-Att, jiġifieri “Enforcement of Control” li tirrigwarda r-responsabbiltajiet tad-Direttorat tal-Infurzar.