WIED IL-QLEJGĦA - XOGĦOL TA’ TĦAMMIL 37417. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied il-Qlejgħa fil-limiti tar-Rabat u Mosta matul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena? X’permessi relatati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37415.
TFAL WEĦIDHOM FUQ IL-VANNIJIET TAL-ISKOLA 37436. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy dwar tfal tal-kindergarten li jitwasslu l-kindergarten ġo vannijiet waħidhom u ma jkollhom lil ħadd jakkumpanjahom? Min hu responsabbli għas-sigurtà tagħhom?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-provvediment tas-servizz tat-trasport fil-livell primarju hu konformi mal-obbligi legali, jiġifieri jkopri l-istudenti primarji li huma ta’ età obbligatorja. Dawn l-istudenti jikkwalifikaw għas-servizz tat-trasport skont jekk jikkwalifikawx għat-trasport minħabba distanza jew riskju fit-triq. Jekk fuq il-van/coach partikolari li jwassal l-istudenti ta’ xi rotta tal-primarja jkun fadal postijiet vojta, dawn jistgħu jimtlew minn studenti tal-kindergarten li jkollhom ħuthom akbar minnhom fil-primarja. Barra minn hekk, jistgħu jiġu approvati ġenituri li b’mod volontarju joffru s-servizz tagħhom skont ftehim bejn il-kap tal-iskola u l-ġenituri volontarji. Dan il-ftehim irid ikun approvat mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.
Wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitatjiet konċernati, fosthom Transport Malta, l-Pulizija u l-kunsilli lokali qiegħed jitħejja dokument sabiex iservi ta’ gwida f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-iskejjel.