KUNSILLI LOKALI - AMMONT TA’ DIRECT ORDERS 37520. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-mod kif jiġi kkontrollat l-ammont ta’ direct orders li joħorġu mill-kunsilli lokali? Kull kemm żmien jiġu verifikati l-ammonti li jingħataw bħala direct orders mill-kunsilli lokali differenti? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi trend partikulari li ċertu kunsilli jirrikorru għal direct orders minflok għat-tendering?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xiri ta’ xogħlijiet, oġġetti u servizzi minn kunsilli lokali huwa regolat permezz tar-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) tal-1993. Il-kunsilli lokali kollha huma awditjati minn awdituri mqabbda apposta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Barra minn hekk il-monitoring unit tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali jeżamina l-iskeda tal-pagamenti kif ukoll il-minuti tal-kunsilli lokali biex jekk jidher li xi kunsill lokali ma jkunx qiegħed jimxi skont dwan ir-regolamenti, tinġibidlu l-attenzjoni biex jirregolarizza ruħu.