THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Ejja nħarsu lil hinn mill-kontinġenzi tal-lum għax qed nibnu struttura sħiħa marbuta mal-kontinġenzi li qed niffaċċjaw illum. Ejja nħarsu lejn kontinġenza oħra, pereżempju, fejn ikollna partit fil-gvern b’60% tas-siġġijiet u partit fl-oppożizzjoni b’40% tas-siġġijiet u l-partit fl-Oppożizzjoni jiddeċiedi li l-budget li qed jippreżenta l-Gvern se jikkontestah at all costs. Dan jista’ jtellgħu quddiem il-Qorti Ewropea, joħloq il-bsaten fir-roti u jipprova jwaqqaf il-mixja tad-deċiżjonijiet demokratiċi tal-Gvern. Din tista’ ssir jew le? Jien ngħid li tista’. Qegħdin indaħħlu ingropp fil-mod ta’ kif jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż li assolutament qiegħed hemm biex jirrispondi għall-kontinġenzi tal-lum u mhux qed iħares lejn kontinġenzi aktar wesgħin li jistgħu jiżviluppaw fiż-żmien li ġej.
Nerġa’ ngħid li din tmur kontra l-prattika kostituzzjonali tal-pajjiż fejn il-finanzi ta’ dan il-pajjiż tiddeterminahom il-maġġoranza sempliċi ta’ voti li jkun hawn f’dan il-Parlament. Naħseb li qabel nidħlu f’din it-tranja, tajjeb li jkun hemm xi forma ta’ riżervi, xi forma ta’ stqarrijiet li juru eżattament x’qed infissru b’din il-ħaġa. Mela hawn għandna sempliċement li preferibbilment din tidħol b’mod kostituzzjonali, imbagħad għandna regola ta’ balanced budget li issa nitkellmu aktar ‘il quddiem fuqha, li fl-opinjoni tiegħi hija fażulla wkoll u kollox se jkun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Lanqas tal-Qrati Maltin jekk jogħġbok, imma tal-Qrati Ewropej! Din il-ħaġa ma tagħmilx sens.