THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Ngħaddu għall-paragrafu l-ieħor li jibda “IFAKKRU fil-ħtieġa li tiġi faċilitata l-adozzjoni” u jibqa’ sejjer sa “jekk meħtieġ, imġiegħel inaqqas defiċit li jista’ jiġi identifikat”. Point of Order, l-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, ilbieraħ konna qed nieħdu l-proċedura, li naħseb li kienet korretta, fejn il-Ministru jaqra t-text kollu għax inkella ħadd ma jifhem xejn. Jekk ma jimpurtax jaqra t-text kollu ħalli nkunu nafu x’qed ngħidu.
THE DEPUTY SPEAKER: Jien m’għandix oġġezzjoni.
ONOR. TONIO FENECH: Dan il-paragrafu jaqra hekk:
“IFAKKRU fil-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' miżuri taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li l-proporzjon ippjanat jew attwali tad-defiċit tal-gvern ġenerali tagħhom meta mqabbel mal-prodott domestiku gross ikun jaqbeż it-3%, filwaqt li jissaħħaħ b’mod qawwi l-objettiv ta' dik il-proċedura, jiġifieri biex Stat Membru jiġi mħeġġeġ u, jekk meħtieġ, imġiegħel inaqqas defiċit li jista' jiġi identifikat;”.
Hawnhekk qed tissottolinja dak li kont qed ngħid preċedentement. M’aħna qed nivvintaw xejn ġdid fuq livell ta’ prinċipju imma l-iskop ta’ dan it-trattat huwa biex isaħħaħ il-proċedura u allura jkun hemm mekkaniżmu ħafna aktar b’saħħtu ta’ kif iħeġġeġ, l-ewwel b’warnings lil pajjiż biex jindirizza s-sitwazzjoni li jista’ jkun qed jidħol fiha ta’ defiċit ogħla u ta’ dejn u jekk dak il-pajjiż ma jimxix fuq dawk il-warnings, ikun hemm il-mod kif dak il-pajjiż jiġi mġiegħel li jikkoreġi t-triq li jkun qabad.