ONOR. TONIO FENECH: Qed naqblu.
ONOR. ALFRED SANT: Allura x’sar minnhom il-kriterji tal-patt ta’ stabilità fuq l-inflazzjoni? Dawn intesew kompletament f’dan it-trattat.
ONOR. TONIO FENECH: Le, ma ntesewx, imma hawn qed nerġgħu nidħlu fl-argument ekonomiku. Din il-parti tat-trattat hija strettament marbuta fil-kontest tas-six-pack u t-two-pack, il-parti li qed timplimenta l-istruttura marbuta mad-dejn u d-deficit. Din hija limitata. Nistgħu nerġgħu niftħu l-argument li għamilna fuq l-affarijiet l-oħra però dan it-trattat huwa ffokat fuq hekk. Mhux se ngħid li huwa xi ħaġa oħra. Jien ngħid li huwa perikoluż li nibdew nagħmlu multi fuq jekk taqbiżx l-inflazzjoni, għax l-inflazzjoni mhijiex xi ħaġa li l-Gvern dejjem għandu kontroll fuqha speċjalment f’pajjiż bħal tagħna li nimportaw ħafna minn din l-inflazzjoni minħabba r-realtajiet li hawn madwarna però dik hija aktar f’kontest tal-macro economic analysis ta’ kemm is-suq tiegħek huwa liberalizzat, kemm għandek kompetizzjoni, kemm veru l-konsumatur ikun qed igawdi minn prezzijiet, jekk għandekx mekkaniżmi ta’ kontroll biex tara li m’għandekx min qiegħed joħloq cartel ta’ prezzijiet eċċ. imma dawn ma jidħlu xejn f’dan it-trattat.