THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No). Nistieden lill-Ministru biex iressaq il-paragrafu li jmiss.
ONOR. TONIO FENECH: Il-paragrafu li jmiss:
“JINNUTAW, b’mod partikolari, ix-xewqa tal-Partijiet Kontraenti li jagħmlu użu aktar attiv mill-koperazzjoni msaħħa, kif previst fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jiddgħajjef is-suq intern, u x-xewqa tagħhom li jagħmlu użu sħiħ minn miżuri li jkunu speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Ewro skont l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u minn proċedura għal diskussjoni u koordinament ex ante fost il-Partijiet Kontraenti li l-munita tagħhom hija l-Ewro dwar ir-riformi ewlenin kollha tal-politika ekonomika ppjanati minnhom, bil-ħsieb li l-aħjar prattiċi jiġu stabbiliti bħala standards;”.
Dak li qed jingħad f’dan l-artiklu huwa li biex iż-Żona Ewro tkun tista’ anke timplimenta numru ta’ tibdiliet li hi tixtieq tara, hemm l-intenzjoni li jintuża iktar l-istrument li jissejjaħ l-enhanced co-operation mechanism. Kif nafu, preżentement hemm diskussjoni dwar il-financial transaction tax. Fil-fatt l-intenzjoni hija li proprju tiġi introdotta tramite dan it-tip ta’ mekkaniżmu, li jimplika li mhux bilfors kulħadd irid jidħol fiha, imma li almenu jrid ikun hemm ħdax jidhirli biex dan ikun jista’ jseħħ. Imbagħad l-oħrajn, eventwalment, jekk iridu, ikunu jistgħu jidħlu. Dan biex ma jżommx ċertu żvilupp li jista’ jkun hemm qbil aktar wiesa’ li huwa tajjeb li jsir. Ikun hemm xi pajjiżi li jgħidu li fuq dan l-aspett huma ma jaqblilhomx, jew jinċidi ħażin fuqhom u allura se jżommu l-opt-out u ma jidħlux f’dak il-mekkaniżmu. Naħseb li dan jgħin biex jagħti ċerta flessibbiltà li hija meħtieġa f’ċerti oqsma.
Imbagħad hemm ukoll il-ħtieġa tal-koordinament ta’ ċerta politika ekonomika ppjanata. Qed nitkellmu b’mod partikolari dwar il-ħtieġa ta’ ċerti riformi strutturali li jkunu jridu jsiru bil-ħsieb li proprju jiġu stabbiliti ċerti prattiċi u standards f’ċerti aspetti. Ovvjament hawn irrid nenfasizza wkoll li f’dawn l-affarijiet ma jistax ikun li dejjem one size fits all, jiġifieri wieħed irid joqgħod attent ħafna wkoll li ma noħolqux aktar restrizzjonijiet milli flessibbiltà ekonomika li hemm bżonn ikollhom id-diversi ekonomiji. Però jista’ jkun hemm aspetti fejn huwa tajjeb li jsiru ċerti riformi biex jagħmlu wkoll l-ekonomija Ewropea aktar kompetittiva.
Dostları ilə paylaş: |