Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə4/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

AĠĠORNAMENT



ONOR. CHRIS SAID: Sur President, nipproponi l-aġġornament tal-Kamra għal għada l-Erbgħa, 26 ta’ Jannar, 2011 fis-6:00 p.m. b’din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur - Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi Liġijiet dwar l-Artijiet - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Libreriji ta’ Malta - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi Liġijiet - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Min jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet li jirrigwardaw l-Atti, l-Arkivji u l-Professjoni Nutarili - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Pensjonijiet tal-Irtirar - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Tieni Qari;
Mozzjoni tal-Onor Marie Louise Coleiro Preca dwar id-dritt għal aċċess sigur lir-residenti f’Tal-Blat f’Ħal Qormi biex jaqsmu l-Bypass tal-Imrieħel – Votazzjoni; u
Emenda mressqa mill-Onor Gino Cauchi għall-mozzjoni dwar tibdil fil-kompożizzjoni tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) – Votazzjoni.

__________________


Abbozz ta’ Liġi dwar Regolamenti tal-Bini - Kumitat Permanenti;

Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali - Kumitat Permanenti;


Abbozz ta’ Liġi dwar Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta Miżuri tal-Estimi - Kumitat Permanenti.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Justyne Caruana.
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Insellimlek, Mr Speaker. L-ewwel nett nibda biex nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-istaff ġenerali tal-isptar t’Għawdex, in partikolari, tas-sala tal-maternità u lil Mr Almatis li kien ta’ għajnuna kbira għall-familja tiegħi speċjalment fl-okkażjoni tat-tieni wild tagħna. Inħoss li għandi nirringrazzjahom minn qalbi.
F’kull aġġornament li nieħu kif ukoll f’kull dibattitu li nieħu sehem fih, jien dejjem nipprova nġib għall-attenzjoni kemm tal-Kamra kif ukoll barra minn din il-Kamra, affarijiet li jimmeritaw iktar attenzjoni fil-gżira ta’ Għawdex. Għalkemm hemmhekk jiġru ħafna affarijiet li jimmeritaw l-attenzjoni, ħafna jibżgħu jitkellmu għaliex f’Għawdex tirrenja atitudni li min jażżarda jitkellem u jgħid xi ħaġa, u forsi anke jirfes xi kallu jew tnejn, jispiċċa jlaqqatha. Jiena naħseb li kull deputat li jirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu għandu d-dmir li jaqdi din il-funzjoni wkoll.
Mr Speaker, jiena xtaqt nitkellem fuq iċ-Ċentru ta’ Santa Marta, li huwa ċentru għal matul il-jum għall-persuni b’diżabilità. B’kumbinazzjoni jien noqgħod ftit metri biss ‘il bogħod minn dan iċ-centru u allura għandi l-opportunità li nosserva mill-qrib l-andament tal-affarijiet li jkunu qegħdin jiġru hemmhekk. Ta’ min jgħid li dan iċ-ċentru kien ilu snin imwiegħed mill-gvern. Fl-aħħar inbena, imma kif jgħid il-Malti, il-ġurnata minn filgħodu turik, u fil-fatt meta mort għall-ftuħ biex nara dan iċ-ċentru x’joffri, stajt ninnota li kien hemm ċerti nuqqasijiet u fil-fatt kont ġejt hawnhekk f’dan il-Parlament u elenkajt dawn in-nuqqasijiet, in partikolari dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà li fil-qasam tad-diżabilità hija xi ħaġa fundamentali. Minkejja li tkellimt fuqhom, dawn in-nuqqasijiet baqgħu ma ġewx indirizzati, però naf ukoll li meta ġejt f’dan il-Parlament u ndirizzajt dawn in-nuqqasijiet kien sar interrogatorju sħiħ u inkwiżizzjoni sħiħa lill-ħaddiema għax id-diriġenti riedu jkunu jafu, b’ċerta insistenza jekk kienx xi ħadd minnhom li ażżarda jgħidli xi ħaġa.
Jien kont sqarrejt hawnhekk, u anke ktibtha, li l-affarijiet li semmejt rajthom jien b’għajnejja stess, evalwajthom jien u ġejt nitkellem dwarhom. Hija xi ħaġa kundannabbli li jeżisti dan it-tip ta’ atteġġjament ta’ inkwiżizzjoni fejn jekk persuna tażżarda tgħid xi ħaġa, għalkemm f’dan il-każ partikolari ma kienx hekk, tispiċċa tlaqqatha fuq rasha. Kif għedt, minn dakinhar ‘il hawn xorta ma sar xejn imma l-iktar ħaġa li dejqitni hi li mhux biss għar-rigward ta’ struttura l-affarjiet marru għall-agħar, imma wkoll fuq livell uman, fil-fatt naf li diġà telqu tliet ħaddiema, u jidher li telqu għax ma setgħux ikomplu jaħdmu hemmhekk minkejja li għandhom ħafna għal qalbhom il-persuni b’diżabbiltà. Kien hemm diżgwid kbir mat-tmexxija taċ-ċentru għaliex ma kenux qed jaqblu mal-mod kif kienu qed isiru l-affarijiet, u ovvjament jien nistaqsi jekk ir-raġuni uffiċjali li ngħatat minn dawn il-ħaddiema biex telqu minn dak il-post tax-xogħol tagħhom u ġew trasferiti band’oħra kenitx minħabba nuqqas ta’ qbil mat-tmexxija taċ-ċentru.
Mr Speaker, nistaqsi ukoll jekk il-Minsteru t’Għawdex daħalx fil-kwestjoni u jekk rax x’qed jiġri kif ukoll xi ħsieb hemm biex dawn il-ħaddiema li telqu minn dan iċ-ċentru jiġu replaced minħabba li issa l-workload fuq il-careworkers l-oħra żdiedet. Naf ukoll li xi ftit tax-xhur ilu kien sar xi stħarriġ intern dwar l-andament taċ-ċentru, però sal-lum ħadd ma sema’ xejn dwar l-eżitu tiegħu. Naf ukoll li kien hemm diversi lmenti mill-ħaddiema minħabba trattament ħażin u anke diżrispett kbir min-naħa tad-diriġenti u naf ukoll li kien hemm każ partikolari fejn l-istaff ta’ dan iċ-ċentru ġew saħansitra mċaħħda milli jużaw l-istaff toilets. Dawn huma nuqqasijiet kbar fil-konfront tal-istaff.
Xi ħaġa li nkwetatni ħafna u tajjeb li wieħed jidħol ftit fiha hi rigward ix-xogħol li jagħmlu l-klienti taċ-ċentru li huma appuntu l-persuni b’diżabbilità. Fil-fatt il-klienti taċ-ċentru, bħala parti mill-attivitajiet tagħhom jagħmlu diversi xogħlijiet fuq kummissjoni. Qed nirriferi għar-rack tal-injam li ħadmu għall-Marsovin, ix-xogħolijiet fuq il-fanali għall-Kon-katidral ta’ San Ġwann, u reċentament saru wkoll xi xogħlijiet għal Magro Brothers. Il-flus li jitħallsu mill-klijenti għal dan ix-xogħol imorru għall-bżonnijiet taċ-ċentru. Kien hemm ukoll l-Għaqda Ħbieb taċ-Ċentru, li llum sar jisimha AFDA, u kien hemm ftehim li permezz tiegħu dawn ibigħu il-prodotti tagħhom fil-bazaar li għandha l-istess għaqda u għal darb’oħra l-introjtu jmur għaċ-ċentru. Illum il-ġurnata, għal xi raġuni jew oħra, l-AFDA m’għadhomx jieħdu prodotti mingħand il-klijenti biex ibigħuhom fil-bazaar, u ovvjament dan kellu riperkussjonijiet fuq l-introjtu. Fl-istess waqt hemm ftehim li permezz tiegħu l-AFDA jużaw iċ-ċentru għall-fund raising tagħhom imbagħad iċ-ċentru jieħu persentaġġ. Hemm ukoll donazzjonijet li jsiru mill-klijenti kif ukoll minn nies oħrajn li jieħdu għajnuna miċ-ċentru bħal meta jissellfu xi wheelchair.

Qed insemmi dawn l-affarijet għax qamu kwestjonijet dwar il-flejjes, u saru domandi dwar min qed jamministrahom u għalxiex qed jintużaw peress li ma jidhirx li qed jintużaw xi fondi għall-bżonnijiet taċ-ċentru. Jidher ukoll li qatt ma ngħata rendikont ta’ dawn il-flejjes u appuntu, meta kien hemm membri tal-istaff li bir-raġun u bi dritt staqsew dwar fejn marru l-flus li ħadmu għalihom il-membri tal-għaqda stess, ingħataw tweġiba li fl-opinjoni tiegħi ma tantx tagħmel sens. Qalulhom li dawk il-flus qegħdin f’kont wieħed, u bħala sodisfazzjon laqqtu martirju sħiħ għax saħansitra kien hemm attakki viljakki fuq l-integrità ta’ min qajjem dawn id-domandi li fl-opinjoni tiegħi huma leġittimi ħafna.


Dawn huma akkużi serji, u jekk huwa veru li x-xogħol li qed isir minn dawn il-persuni b’diżabbiltà qed jiġi sfruttat b’dan il-mod allura dan huwa atteġġjament kundanabbli għaliex ix-xogħol ta’ persuni b’diżabbiltà m’għandux ikun għal skopijiet ta’ spekulazzjoni. Jien naf li l-Minstru għal Għawdex personalment ġiet infurmata b’dawn l-affarijiet u jien irrid inkun naf x’inhu jiġri u x’passi qed jittieħdu fid-dawl ta’ dan kollu. Wara kollox, jekk il-ġenituri tal-persuni b’diżabbiltà qed jibagħtu lit-tfal tagħhom f’dan iċ-ċentru, u dawn it-tfal qed jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol, allura għandhom dritt ikunu jafu x’qed jiġri hemm ġew. Hija xi ħaġa kundannabbli li f’settur tant delikat, persuni vulnerabbli qed jitħallew jiġu sfruttati u abbużati b’dan il-mod.
Mr Speaker, xi ħaġa oħra li xtaqt nitkellem dwarha u rajtha jien stess, għandha x’taqsam ma’ xogħlijiet li qed isiru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Proprju l-ġimgħa li għaddiet, waqt li kont qed naqsam il-kuritur kien hemm ħaddiem qed jimla xi ħofor li hemm fl-art b’materjal li kien fih riħa ta’ thinner li litteralment tifgak. Kien hemm persuni jistennew fl-outpatients qegħdin fil-queue fejn hemm it-tieqa tal-ispiżerija li kellhom joqogħdu hemmhekk bilfors jibilgħu dawn it-tip ta’ rwejjaħ. Naħseb li dawn huma affarijiet inaċċettabbli fi sptar, kif huma inaċċettabbli wkoll il-ħofor li hemm fil-kurituri. Min ikun għaddej b’wheelchair litteralment jiddamdam u jitlagħlu l-istonku bl-iskossi kollha li jieħu. Mhuwiex aċċettabbli wkoll li s-soffitti tal-isptar ilhom mikxufin snin twal u minnhom jidħol ukoll l-ilma tax-xita.
Nixtieq ngħid xi ħaġa wkoll dwar is-sala tal-maternità. F’din it-taqsima qabel kien hemm l-antenatal room u d-delivery room, però peress li d-delivery room qed tiġi refurbished, l-antenatal room qed tintuża appuntu bħala delivery room. Nista’ ngħidlek li f’din il-kamra kulma tidħol hija sodda u bilkemm jidħlu miegħek iż-żewġ nurses, aħseb u ara kemm tista’ timmanuvra u tagħmel ċertu xogħol. Meta kont hemm ġew litteralment ħassejtni klawstrofobika għax lanqas tista’ tiċċaqlaq lil hawn u lanqas lil hemm. Dawn huma affarijiet li jsiru b’nuqqas ta’ ħsieb għax jekk inti tkun trid tagħmel refurbishment fuq żewġ postijiet, l-ewwel tagħmel post, imbagħad x’ħin tlesti minnu tibda l-post ieħor, mhux tagħmel it-tnejn f’daqqa mbagħad tispiċċa b’dawn it-tip ta’ limitazzjonijiet.
Xi ħaġa oħra li spiss nitkellem dwarha u nkompli nitkellem u ninsisti dwarha sakemm fl-aħħar xi ħadd jismgħani, hija dwar is-sitwazzjoni ta’ meta titwieled tarbija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u tinqala’ kumplikazzjoni. Minkejja li tkun xi ħaġa minima, m’għandniex apparat biżżejjed biex din is-sitwazzjoni insolvuha aħna, bil-konsegwenza li mbagħad ikollu jiġi l-helicopter u t-tarbija tiġi trasportata lejn Malta. B’dan il-mod l-omm u t-tarbija jiġu jifruda fl-iktar mumenti delikati u suppost sbieħ wara li mara twelled għaliex f’sitwazzjonijiet bħal dawn l-omm, ovvjament minħabba li tkun għadha kif għaddiet mid-delivery jew minn operazzjoni Ċesarja, ma tkunx tista’ tmur mat-tarbija f’Malta. Jiena dejjem ngħid li f’Għawdex għandna riżors uman eċċellenti u nies qalbhom tajba u kapaċi ħafna, però meta tinqala’ emerġenza jew meta jinqala’ xi intopp, ma jistgħux jagħmlu dmirijiethom għax m’għandhomx l-apparat adegwat. Din hija xi ħaġa li jien nistmerrha ħafna, hija xi ħaġa li tista’ tissolva b’investiment minimu ħafna għax ħafna drabi kulma jkunu jridu dawn it-trabi huma li jiġu trattati bil-magna tan-nifs, magna li sfortunatament f’Għawdex m’għandniex.

Xi ħaġa oħra li hija tal-mistħija huma l-inkubaturi li hemm u li ilhom hemm sa mill-1971, qabel ma twelidt jien. Dawn l-inkubaturi issa għamluh żmienhom, mhumiex adegwati, u ċertament ma jaqdux il-funzjonijiet u l-bżonnijiet tal-lum. Fil-fatt waqt konferenza li kellna tal-partit ftit ilu kont għidt li min għandu l-passatemp li jfaqqas il-bajd tal-għasafar, li ovvjament jirrikjedi l-użu ta’ inkubatur, għandu teknoloġija ħafna aktar avvanzata milli hemm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.


Mr Speaker, nerġa’ ngħid li dawn huma affarijiet inaċċettabbli meta għandna gvern li jiftaħar tant li qed jagħmel investiment f’Għawdex, speċjalment fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Huwa inaċċetabbli li l-gvern joqgħod jidħaq bin-nies b’dan il-mod, speċjalment meta jsir ħafna diskors biex l-ommijiet jingħataw kull opportunità li jingħaqdu ma’ wliedhom sa mit-twelid tagħhom. Nitkellmu ħafna fuq il-bonding f’dawn iċ-cirkostanzi, u speċjalment għal dawk l-ommijiet li jeħdulhom lil uliedhom lejn Malta, dan huwa diskors li litteralment ma jiswa xejn. Jien nieħu din l-opportunità biex nuri solidarjetà sħiħa ma’ dawk l-ommijiet kollha li għaddew minn esperjenza simili. Meta jien wellidt l-ewwel tarbija tiegħi, ġrali hekk minħabba ħaġa minima u t-tifla tiegħi kellha tmur l-Isptar Mater Dei u allura naf kemm hi ħaġa frustranti li minħabba xi ħaġa tant żgħira, l-omm, it-tarbija u l-familja kollha tispiċċa tgħaddi minn din is-sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb.
Xi ħaġa oħra li ridt nitkellem dwarha huwa artiklu li deher nhar il-Ħadd li għadda fuq il-ġurnal “Illum” dwar iċ-childcare centres u ssemmiet b’mod prominenti s-sitwazzjoni f’Għawdex u ingħad li se jsir dan iċ-childcare centre f’Għawdex. Jien ili snin twal nitkellem dwar il-ħtieġa ta’ dan iċ-ċentru f’Għawdex, u ilna snin twal, f’dan il-Parlament u barra, niġu mwiegħda dan iċ-ċentru. Fil-fatt fl-artiklu hemm li kelliema mill-Ministeru għal Għawdex ikkonfermaw li l-Ministeru kien qed jaħdem fuq proġett li jinkludi ċ-childcare centre. Intqal ukoll li din l-inizjattiva qed tittieħed għax ġie rikonoxxut li l-gvern għandu jipprovdi dan il-servizz anke f’Għawdex. Meta naqra affarijiet bħal dawn jien sinċerament nibda nrodd is-slaleb u nistaqsi kif inhu possibbli li hawn xi ħadd li b’din l-arroganza jagħmel kumment bħal dan. Il-gvern ilu żmien jitkellem u jipproġetta li se jagħmel childcare centre lil hawn u childcare centre lil hemm, ħalli mbagħad idumu s-snin ma jiġu, imma allura f’Għawdex issa l-gvern qed jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa li jsiru ċ-childcare centres! Bħallikieku l-ommijiet Għawdxin għandhom xi ħaġa inqas mill-ommijiet Maltin. Mela l-ommijiet Għawdxin m’għandniex il-bżonnijiet tagħna wkoll? Qisu aħna m’aħniex ngħixu l-istess realtà bħalma jgħixu n-nisa Maltin, jiġifieri li nirrikkonċiljaw ix-xogħol u l-familja. Din hija ħtieġa reali u imminenti ħafna u assolutament ma jagħmilx sens li tagħmel diskriminazzjoni jew distinzjoni tas-sitwazzjoni tan-nisa Maltin fil-konfront tan-nisa Għawdxin, meta r-realtajiet tan-nisa Għawdxin pjuttost huma iktar gravi minn dawk tal-Maltin għax il-Maltin biex jaħdmu joqogodu f’Malta stess u l-Għawdxin, ħafna minnhom biex jaqilgħu il-ġurnata ta’ kuljum, ikollhom jaqsmu lejn Malta u allura l-problemi tal-Għawdxin huma pjuttost iktar gravi. Mill-kumment li rajt jien fil-gazzetta jidher li għadu fi stadju bikri ħafna biex ikollna dan it-tip ta’ servizz f’Għawdex li ħafna ommijiet għandhom bżonn.
Mr Speaker, f’Għawdex għandna ħafna bżonnijiet u problemi, u hija ħasra li l-media ma tantx tinteressa ruħha f’din il-gżira. Veru li dan l-aħħar kellna l-każ tad-Dwejra li qajjem ċertu interess, però ovvjament il-każ tad-Dwejra għandu l-implikazzjonijiet u l-impatt ambjentali u allura għandu effett iktar amplifikat. Huma dawn il-każijiet umani li huwa importanti li jissemmew. Qed ninsisti fuq din il-ħaġa għax meta dawn l-affarijiet ma jissemmewx, min ikun qed jabbuża u jgħaffeġ u jonqos mid-dmirijiet tiegħu, jispiċċa iktar jagħmel l-arja. Din il-ġimgħa smajt b’każ li huwa litteralment tal-mistħija li jirrigwarda tifel li għandu kundizzjoni partikolari.
Dan it-tifel jattendi l-iskola primarja u suppost għandu learning support assistant imma għal xi raġuni jew oħra l-learning support assistant li kellu mhijiex qed tmur l-iskola, u sakemm ikun hemm replacement, dan it-tifel ġie litteralment imkeċċi mill-iskola. Meta l-ġenituri ippruvaw jibagħtuh l-iskola, il-kap tal-iskola kitbilhom u qalilhom biex ma jibagħtux it-tifel l-iskola għax la m’hemmx learning support assistant, dan it-tifel ma jistax jattendi l-iskola. Din ukoll hija anomalija gravi. Meta inti għandek sistema edukattiva li suppost qed tippromwovi, tħaddan u tħaddem il-prinċipju u l-politika tal-inklużjoni, ma tistax taqbad u teskludi b’dan il-mod. Dan it-tifel mhux biss qed jiġi mċaħħad milli jmur l-iskola, imma qed jiġi mċaħħad ukoll milli jipparteċipa b’mod sħiħ fis-sistema edukattiva meta qed tkeċċih ‘il barra. Dan meta aħna suppost għandna politika ta’ inklużjoni.

Mr Speaker, jien kont preżenti waqt il-ftuħ tal-iskola tas-subien f’Għawdex. Huwa tajjeb li nfetħet skola, imma bl-istorbju li sar taħseb li qatt ma nfetħet skola f’Għawdex. Ta min jgħid li l-iskejjel kollha li nfetħu f’Għawdex minbarra din, kollha Gvernijiet Laburisti fetħuhom, jiġifieri għalkemm hija xi ħaġa tajba, mhijiex xi ħaġa staordinarja jew ta’ barra minn hawn. Meta jkun hemm dawn il-ftuħ, jien immur biex nara b’għajnejja ħalli meta mbagħad niġi biex nitkellem, inkun nista’ nitkellem prima persona. Meta kont hemmhekk, ovvjament bil-pompa u x-xinxilli kollha kien hemm il-Prim Ministru u l-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni li għamlu diskors fejn intużaw ħafna buzzwords fosthom li t-tfal għandhom l-individual learning plan. U jien nistaqsi: Dan il-miskin tifel, x’individual learning plan għandu mid-dar? Dan litteralment ġie mkeċċi mill-bibien tal-iskola. Nerġa’ ngħid li din hija sitwazzjoni inaċċettabbli u xi ħaġa skandaluża li tifel jew tifla jiġu esklużi b’dan il-mod.


Mr Speaker, dawn il-każijiet li semmejt u ħafna każijiet oħra huma stanzi li jħammru wiċċ min hu suppost responsabbli u wieħed għandu jitkellem dwarhom. F’kuntest ta’ żmenijiet fejn qed nitkellmu fuq l-honoraria u ż-żidiet u dawn l-affarijiet kollha, mhux talli min qed jagħmel dawn l-affarijiet ma ħaqqux dawn it-tip ta’ żidiet, imma nqis li dawn it-tip ta’ żidiet huma serq minn ħalq min għandu bżonn, huma serq minn ħalq l-Għawdxin fil-każ tal-Ministru għal Għawdex li wkoll ħadet iż-żieda, għaliex il-bżonnijiet ta’ Għawdex u tal-Għawdxin huma ħafna. Wara kollox il-politika hija dwar il-bżonnijiet tal-individwi li ħafna u ħafna drabi qegħdin ninsewhom. Dawn qed jintefgħu taħt it-tapit u allura ta’ min wieħed jikkunsidra jekk dawk iż-żidiet għandhomx jintużaw għall-bżonnijiet tan-nies u mhux għall-bżonnijiet ta’ xi erba’ tal-qalba li qegħdin fil-bankijiet tan-naħa tal-Gvern. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi li din il-Kamra tiġi aġġornata għal għada l-Erbgħa, 26 ta’ Jannar 2011 fis-6:00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
Fid-9:30 p.m. il-Kamra aġġornat wara li saret il-mistoqsija.

Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin