Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə6/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

ONOR. LAWRENCE GONZI: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MEPA - ORKIDEJ PIRAMIDALI TA' MALTA
21061. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Prim Ministru: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20160, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni biex l-orkidej piramidali jiġu rilokati?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari 21275.

KUMITATI AMMINISTRATTIVI
21374. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20681 u jgħid liema huma l-għodod li l-kumitati amministrattivi se jkollhom biex ikunu jistgħu jaħdmu? Jista' jgħid liema huma l-kumitati amministrattivi li għamlu użu mill-iskema li hi direttament maħsuba għalihom? Fiex tikkonsisti din l-iskema? Kemm hu l-ammont tal-flus li minnu bbenefika kull kumitat amministrattiv?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 20681.

GĦAWDEX: DWEJRA - KAŻ AMBJENTALI
21449. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta bdiet l-investigazzjoni dwar il-każ ambjentali tad-Dwejra min-naħa tal-awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Din ġiet imnedija mill-awdituri stess jew fuq talba tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 21696.

GĦAWDEX - MANAGEMENT PLAN GĦAD-DWEJRA
21492. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ġie approvat il-Management Plan għad-Dwerja, Għawdex? Min kien responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Bħalissa m’hemmx Management Plan għas-sit Natura 2000 tad-Dwejra (Għawdex), liema pjan irid jiġi mfassal sa sitt snin minn meta l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara sit bħala Site of Community Interest (SCI). Id-Dwejra ġiet dikjarata bħala SCI fl-2008, u Malta għandha sal-2014 biex tfassal dan il-pjan. F’dan ir-rigward, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar talbet u ħadet fondi Ewropej (mill-EAFRD) biex tlesti dan il-pjan kif mitlub, u qed taħdem biex tappunta site manager mill-aktar fis permezz ta’ sejħa għall-offerti.
Għalkemm m’hemmx Management Plan, fid-29 ta’ Novembru 2005 ġie approvat Pjan ta’ Azzjoni, li l-implementazzjoni tiegħu kien amministrat minn Steering Committee appuntat mill-Ministru responsabbli għall-ambjent f’dak iż-żmien. Dan il-kumitat qed jiġi rivedut u se jsir Management Board ġdid biex jamministra s-sit Natura 2000 skont il-parametri legali stipulati mir-Regolamenti tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali.

FGURA: WIED BLABNDUN - TRAB ISWED MILL-GRIT BLASTING
21768. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar se tneħħi t-trab iswed ta' grit blasting li nstab f'Wied Blandun, fil-Fgura? Għaliex dan id-dewmien?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li din il-kwistjoni ser tiġi studjata mad-Dipartiment tal-Artijiet u entitajiet oħra konċernati għaliex tinvolvi studju qabel tittieħed deċiżjoni fuq x’għandu jsir fuq dan is-sit.

OQBRA STORIĊI F’BULEBEL
21770. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret fuq l-oqbra storiċi f'Bulebel (iż-Żejtun)?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li l-oqbra storiċi fiż-żona ta’ Bulebel (iż-Żejtun) instabu waqt xogħol ta’ żvilupp fis-sena 2008. Dan l-żvilupp kien qed isir biex jinbena sptar privat skont il-permess numru PA3472/07. Dan il-permess kien biss għat-twaqqigħ tal-bini eżistenti u tqattiġħ tal-blat għall-pedamenti.
Skont il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, dan l-iżvilupp kien f’żona ta’ potenzjal arkeoloġiku. Għal din ir-raġuni, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni kien qed jiġi sorveljat minn arkeologu f’isem is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Waqt dan ix-xogħol ta’ sorveljanza arkeoloġika, instabu tlettax-il qabar tal-epoka Punika u dik Rumana. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rrakkmandat li dan is-sit ta’ valur estensiv arkeoloġiku jkun protett. Is-Sovrintendenza rrakkmandat ukoll li l-binja tal-isptar tkun spustjata, sabiex is-sit arkeoloġiku jiġi protett. L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emergenza fuq dan is-sit arkeoloġiku ġdid.
F’Diċembru tal-2008 saret laqgħa bejn uffiċjali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u mal-iżviluppatur fejn kien deċiż li l-isptar ikun spustjat għal post ieħor dejjem fl-istess proprjetà.
Il-post il-ġdid kellu jiġi investigat arkeoloġikament qabel ma’ jinħareġ permess ġdid mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Sal-preżent dawn l-investigazjonijiet arkeoloġiċi f’Bulebel għadhom ma sarux minħabba li l-iżviluppatur ma jixtieqx ikopri l-ispejjeż ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT – ĦLAS DOVUT LILL-KUNTRATTURI
21853. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21380, 21145 u 20552 u jgħid kemm huwa kkalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru tal-Finanzi jrid jgħaddi lill-kuntratturi/kumpaniji abbażi ta' teknoloġija u apparat teknoloġiku?
ONOR. TONIO FENECH: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22039.

GĦAWDEX - PROMOZZJONI BĦALA DESTINAZZJONI RURALI
22017. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2011 mill-gvern u mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta biex jippromwovu lil Għawdex fis-suq turistiku bħala destinazzjoni rurali unika? Kemm hu mistenni li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li se jittieħdu?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 22452.

KUMMISSJONIJIET GĦALL-KONTROLL TAL-IŻVILUPP U BORDIJIET TAL-APPELL
22055. L-ONOR. RODERICK GALDES staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid xi tranżizzjoni se jkun hemm mill-bordijiet tal-Kummissjonijiet għal Kontroll tal-Iżvilupp u l-Bordijiet tal-Appell meta jidħlu fis-seħħ il-Kummissjonijiet għal Ambjent u l-Ippjanar u t-Tribunal tal-Appelli? Jista' jgħid liema huma l-każi li se jkunu deċiżi mill-bordijiet l-antiki u dawk mill-ġodda?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjonijet għall-Kontroll tal-Iżvilupp (DCCs) temmew il-ħatra tagħhom nhar il-Ħamis, 9 ta' Diċembru 2010. Il-Kummissjonijiet għall-Ambjent u l-Ippjanar (EPCs) bdew is-seduti nhar it-Tlieta, 14 ta' Diċembru 2010. Sal-aħħar ta' Diċembru, l-EPCs segwew il-prassi tas-seduti tad-DCCs bid-differenza li kienu marbuta li jikkonċedu mhux aktar minn differiment wieħed. Mill-ewwel ta' Jannar 2011, se tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida u l-applikazzjonijiet li jidhru quddiem l-EPCs se jaqgħu taħt ir-reġiment il-ġdid. Applikazzjonijiet ta' qabel l-2011 li jaslu għal deċiżjoni, se jitmexxew ukoll fuq qafas ta’ żmien skont il-provvedimenti tal-liġi l-ġdida minn meta jintbagħat id-DPAR sad-deċiżjoni.
Rigward it-Tribunal tal-Appelli dwar Ippjanar u Ambjent, dan se jibda jisma’ każi li jidħlu wara l-ewwel ta' Jannar 2011. Il-każi l-oħra jibqgħu jinstemgħu quddiem it-tribunali kif preżentement appuntati.

L-intenzjoni hija li l-appelli kollha li preżentement huma diferiti għal deċiżjoni se jingħataw sal-aħħar ta' Ġunju 2011, sakemm il-bordijiet ikunu legalment komposti.



UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - AĊĊESSIBBLITÀ GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
22126. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet f'kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sentejn biex dan il-bini ikun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li ma sar l-ebda xogħol speċifiku fid-dipartimenti/uffiċċji li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Madankollu, il-Forzi Armati ta’ Malta f’dawn l-aħħar sentejn inkludew fil-pjanti tagħhom aċċess għal persuni b’diżabilità. Dan sar f’żewġ binjiet oħra fejn se jsiru xogħlijiet estensivi fuq bini eżistenti.

MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - AĊĊESSIBBLITÀ GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
22130. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet f'kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sentejn biex dan il-bini jkunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn saru xogħlijiet fil-binjiet li lista tagħhom tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti biex dawn ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - LIFTS FID-DIPARTIMENTI/UFFIĊĊJI
22135. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid u jelenka kemm-il dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu għandu żewġ sulari jew iktar u jgħid f'liema hemm lift funzjonabbli?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

KUMMISSJONI EWROPEA - INFRINGEMENT PROCEDURES
22224. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-risposta ta' Malta għall-ittra tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-power station ta' Delimara u jippubblika wkoll il-korrispondenza li rċieva bir-risposta tal-Kummissjoni Ewropea li mhux se tkompli bl-infringement procedures kontra Malta f'dan il-każ?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Il-korrispondenza relatata mas-sustanza tal-infringement hija diġà fid-dominju pubbliku.

MEPA - TALBIET BIEX JIĠU MGĦARRQA VAPURI
22237. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex opri tal-baħar/vapuri jitnaddfu miż-żjut kollha u mbagħad jiġu mgħarrqa fil-baħar biex iservu t’attrazzjonijiet għall-għaddasa fl-ibħra madwar Malta u Għawdex? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet li hemm quddiem l-awtorità?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex opri tal-baħar/vapuri jiġu mgħarrqa fil-baħar biex iservu t’attrazzjonijiet għall-għaddasa fl-ibħra madwar Malta u Għawdex. Talba minnhom ġiet validata mill-Awtorità fil-15 t'April 2009 u t-talba l-oħra ġiet validata fit-8 ta' Novembru 2010.

DIMENZJA - MEDIĊINA B'XEJN
22629. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22533 u jgħid meta se tiġi inkluża r-rakkmandazzjoni tan-National Dementia Strategy Group hekk kif ġew rapportati f’The Times tas-17 ta' Marzu 2010, sabiex niġu bħall-bqija tal-Ewropa u nibdew nagħtu l-mediċina għaliha b'xejn?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Ġie mwaqqaf grupp fi ħdan il-Ministeru biex jiġu evalwati l-ispejjeż meħtieġa sabiex jiġu fis-seħħ ir-rakkamondazzjonijiet proposti min-National Dementia Strategy Group u permezz ta’ din l-evalwazzjoni l-gvern ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi fuq l-għotja tal-mediċina mingħajr ħlas skont ir-riżorsi disponibbli u s-sostenibilità ta’ din id-deċiżjoni.

ARMS LTD. - ĊEKK TAL-ENERĠIJA
22751. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jara għaliex armla anzjana li dettalji tagħha qed jingħataw separatament li qatt ma ħadet iċ-ċekk tal-enerġija, meta ilmentat mal-ARMS Ltd. ġiet riferuta lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u dan tal-aħħar irreferieha lit-Teżor fejn reġgħet ġiet riferuta lura lill-ARMS Ltd?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara investigazzjonijiet li saru min-naħa tal-ARMS Ltd., irriżulta li l-konsumatur kienet ġiet fl-uffiċini tal-ARMS Ltd. f’Settembru tas-sena li għaddiet, sabiex taġġorna n-numru ta’ persuni mniżżla bħala residenti fil-proprjetà tagħha, u mhux biex tistaqsi rigward iċ-ċekk tal-enerġija. Il-konsumaturi kollha fid-dar issa ġew imniżżla fil-lista sabiex din tirċievi ċ-ċekk tal-benefiċċju tal-enerġija.

KORP TAL-PULIZIJA – SEZZJONI KONTRA T-TRAFFIKAR TAD-DROGI U TAL-ARMI
22191. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm personnel fis-sezzjoni tal-Pulizija li tieħu ħsieb il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u armi? Ma' liema organizzazzjoni Ewropea u internazzjonali hija affiljata din is-sezzjoni biex permezz t'hekk tkun tista' twettaq il-ħidma tagħha?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18420.

PAGI TA' ĦADDIEMA
22197. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema li qalgħu iktar minn €17,000 matul is-sena 2010?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni m’għandux l-informazzjoni neċessarja sabiex iwieġeb din il-mistoqsija minħabba l-fatt li din l-informazzjoni tiġi sottomessa lid-dipartiment fl-2011 meta jinġabru t-tax returns tas-sena bażi 2010.

PAGI TA' ĦADDIEMA
22198. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema u persuni oħrajn li jaqilgħu u jiddikjaraw iktar minn €15,000, €20,000, €23,000, €25,000, €27,000, €30,000, €35,000, €40,000, €45,000, €50,000, €55,000, €60,000, €65,000, €70,000 u iktar minn €75,000? Jista' jgħid xi professjoni għandhom dawn il-persuni u f'liema settur qegħdin?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi ppreżentata fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-tqegħid ta’ Karti. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma jiġborx informazzjoni dwar liema professjoni għandhom dawn il-persuni u f’liema settur qegħdin.

IŻ-ŻEJTUN - NIGHT SHELTER GĦALL-ANZJANI
22199. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li n-night shelter taż-Żejtun jakkomoda nisa biss u allura dan il-fatt jista' joħloq diskriminazzjoni sesswali kontra l-anzjani rġiel?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li huwa veru li n-night shelter taż-Żejtun jakkomoda nisa biss peress li l-istess night shelter huwa mmexxi mis-sorijiet tan-Nazzarenu. Ta` min jinnota li n-night shelter li jmiss u li ser jiftaħ fil-Mellieħa se jakkomoda kemm anzjani nisa kif ukoll anzjani rġiel.

ETC – SERVIZZI GĦAL PERSUNI 'L FUQ MINN 60 SENA
22200. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru telenka x'servizzi għandhom il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ li permezz tagħhom persuni li għandhom 'il fuq minn 60 sena jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom ħalli jibqgħu integrati fid-dinja tax-xogħol? Tista' tgħid matul is-sena 2010 kemm kien hemm persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena li għamlu użu minn dawn is-servizzi?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ toffri numru ta’ servizzi lill-persuni li għandhom ‘l fuq minn 60 sena bil-għan li jibqgħu integrati fid-dinja tax-xogħol. Fost dawn is-servizzi nsibu r-reġistrar għal xogħol full jew part-time kif ukoll gwida fuq xogħol u taħriġ mill-employment advisors. Il-Korporazzjoni toffri l-Employment Aid Programme (EAP) għal dawk li jidħlu fil-kriterji tal-iskema kif ukoll numru vast ta’ korsijiet f’oqsma differenti.
Matul is-sena 2010 kien hemm numru ta’ persuni li għandhom ‘l fuq minn 60 sena li għamlu użu minn dawn is-servizzi. B’kollox, 484 persuna għamlu użu minn tal-inqas wieħed minn dawn is-servizzi bejn Jannar u Novembru tal-2010.
Minn dawn 301 irreġistraw fuq ir-Reġistru tax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ għall-ammont ta’ żmien bejn Jannar u Novembru 2010. L-informazzjoni tinkludi dawk li rreġistraw fuq parts 1, 2 jew 3 għal xogħol full-time, 3C1 and 3C2 għal xogħol part-time. Sal-aħħar ta’ Novembru kien hemm total ta’ 124 persuna li għandhom ’l fuq minn 60 sena li kienu għadhom fuq ir-Reġistru tal-Korporazzjoni.
Kien hemm ukoll 270 li għandhom ‘l fuq minn 60 sena li segwew xi wieħed mill-korsijiet li toffri l-Korporazzjoni, fil-waqt li erba’ persuni pparteċipaw fl-Employment Aid Programme (EAP).

EDUCATION CHANNEL – XANDIR MINN ORGANIZZAZZJONIJIET EDUKATTIVI
22201. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid jekk organizzazzjoni edukattiva mhux governattiva tistax ixxandar l-attivitajiet tagħha fuq l-Education Channel? Kif tista' tagħmel dan, jekk dejjem huwa possibbli?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li organizzazzjoni edukattiva mhux governattiva tista’ xxandar l-attivitajiet tagħha fuq Education Channel. Dan tista’ tagħmlu billi tinforma lill-Education 22 u l-entità tiġi mistiedna biex titkellem jew l-attività tiġi mtella’ fuq powerpoint f’diversi ħinijiet matul il-ġurnata.

WASTESERV
22378. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed iservu bħalissa ma' diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-WasteServ li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba ta' JF Security Services jew xi kumpanija sussidjarja tagħha? Jista' jelenka separatament - mingħajr ismijiet - id-diversi postijiet fejn dawn qed iservu u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Ninsab infurmat illi l-WasteServ qed tixtri s-servizz ta’ 231 ħaddiem full-time li qegħdin fuq il-kotba tal-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant. Dawn il-ħaddiema jaħdmu kemm fl-uffiċċji kif ukoll fis-siti, li huma l-impjant ta’ Sant’ Antnin, l-Għallies, l-Inċineratur, Wied Fulija, iċ-Ċentri ta’ Skart Goff ta’ Ħal Far, l-Imrieħel, Ħal Luqa, il-Magħtab u tal-Kus, il-Qortin u t-TREE Centre. Skont sejħa pubblika għall-offerti, dawn il-ħaddiema huma mqassma kif ġej: 10 uffiċjali eżekuttivi, 27 skrivan, 32 xufier, 7 supervisors, 16-il operative, 122 waste sorter, 5 uffiċjali tekniċi u 12-il weighbridge operator. Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-impjanti l-ġodda li fetħu ħolqu domanda għal impjiegi ġodda, pajjiżna għadu qed jikseb esperjenza fit-tħaddim u fl-operat ta’ dawn l-impjanti u għalhekk hija meħtieġa flessibilità fl-ingaġġ tal-ħaddiema konċernati.

SKART MORMI FIL-LANDFILLS
22403. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Wara li tħabbar li l-iskart li ġie mormi f’landfills pubbliċi naqas b'6% fis-sena 2009, jista' l-Prim Ministru jgħid permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar x'inhi l-qagħda attwali dwar l-iskart? Qegħdin niġġeneraw aktar skart jew anqas fuq bażi ta' sena b'sena speċjalment meta wieħed iqis li ħafna pajjiżi Ewropej m'għadx għandhom rabta bejn tkabbir ekonomiku u żieda fl-iskart minħabba l-istandards qawwija ambjentali tagħhom? Fil-fatt qegħdin niġġeneraw anqas jew aktar skart tal-kategorija K u D (kostruzzjoni u demolizzjoni)? X’inhu t-total ta' skart depożitat f'landfills pubbliċi, dawk privati u fil-baħar, kif ukoll fir-rigward ta' skart li ma jaqax taħt il-kategorija K u D, li jinkludi skart li qed jiġi riċiklat?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Skont l-aħħar figuri miġbura mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jidher li kien hemm tnaqqis medju ta’ 20% fuq bażi ta' sena b'sena fl-ammont totali ta’ skart li ġie ġġenerat mis-sena 2004 sal-2009.
Dan it-tnaqqis globali huwa primarjament riżultat tat-tnaqqis fl-ammont ta’ skart iġġenerat mis-settur tal-kostruzzjoni u demolizzjoni mis-sena 2004 sal-2009. Infatti, l-ammont ta’ skart minn dan is-settur naqas b’medja ta’ 24% bażi ta' sena b'sena mis-sena 2004 sal-2009. Dawn il-figuri huma t-total ta' skart depożitat f'landfills pubbliċi, dawk privati u fil-baħar. Dan it-tnaqqis huwa dovut għal diversi fatturi fosthom l-impatt ekonomiku fuq is-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll minħabba l-fatt li l-informazzjoni għas-sena 2009 ta’ skart depożitat fl-inert landfills privati għadha qed tiġi finalizzata.
Fir-rigward ta’ skart muniċipali jidher li kien hemm żieda medja ta’ 2% bażi ta' sena b'sena mis-sena 2004 sal-2009. Mis-sena 2008 għas-sena 2009 jirriżulta li kien hemm tnaqqis ta’ 4% fl-ammont ta’ skart muniċipali depożitat fil-landfills pubbliċi u żieda ta’ 30% fl-ammont ta’ skart muniċipali riċiklat.
Dan it-tnaqqis ta’ 4% fl-ammont ta’ skart muniċipali depożitat fil-landfills pubbliċi m’għandux jiġi konfuż mat-tnaqqis ta’ 6% ta’ skart li ġie depożitat fil-landfills pubbliċi. Dan għaliex it-tnaqqis ta’ 6% hija figura globali li tinkludi skart muniċipali u kull tip ta’ skart ieħor depożitat fil-landfills pubbliċi.

KUNSILLI KUMMERĊJALI MA’ PAJJIŻI BARRANIN
22409. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Billi llum ħafna pajjiżi għandhom kunsill kummerċjali ma' pajjiżi u reġjuni oħra b’riżultat dirett jew indirett ta’ ħidma diplomatika, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika kemm hemm kunsilli kummerċjali bejn Malta u pajjiżi terzi, liema huma, meta ġew stabbiliti u kemm-il darba ltaqgħu fis-snin bejn l-2008 u l-2010?
ONOR. TONIO BORG: Fil-ħidma diplomatika tiegħu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jaħdem mal-għaqdiet kostitwiti sabiex jitwaqqfu kunsilli kummerċjali bejn Malta u pajjiżi oħra. Dawn il-Kunsilli jgħinu fit-tisdiq ta' kuntatti ġodda, jippromwovu aktar kummerċ u investiment, filwaqt li jservu wkoll ta' bażi għal informazzjoni ta' natura kummerċjali.
Il-Ministeru huwa infurmat li fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija hemm imwaqqfa numru ta' Kunsilli Kummerċjali kif ġej:


Pajjiż

Stabbilit

Laqgħat

It-Tuneżija

2010

2 (2010)

L-Iskandinavja

2009

8 (2010)

L-Eġittu

2009

3 (2009)

Il-Ġermanja

2010

3 (2010)


RAPPREŻENTANZA DIPLOMATIKA PALESTINJANA F'MALTA
Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin