Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə7/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

22410. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar l-istatus tar-Rappreżentanza Diplomatika tal-Palestina f'Malta fil-ġejjieni?
ONOR. TONIO BORG: B'rikonoxximent kemm tar-rabtiet storiċi ta' ħbiberija mal-poplu Palestinjan kif ukoll tad-dritt għal stat, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li tat lir-Rappreżentanza Diplomatika Palestinjana l-istatus ta' Ambaxxata. Għaldaqstant, l-Ambaxxata, l-Ambaxxatur Palestinjan u d-diplomatiċi Palestinjani oħra akkreditati għal Malta huma mogħtija l-privileġġi li huma mogħtija lill-Ambaxxati l-oħra f'Malta.

ŻJARA TAL-MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN FL-IŻREAL U L-PALESTINA
22411. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk għandux xi ħsieb li jagħmel stqarrija fil-Parlament u/jew jagħti rendikont dettaljat taż-żjara riċenti tiegħu f’Iżrael u fil-Palestina quddiem il-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti? Iż-żjara prospettiva tal-Prim Ministru Malti f’Iżrael u l-każ BWSC ġew diskussi f’xi livell jew ieħor? X’inhuma l-oqsma ta’ koperazzjoni ekonomika u kummerċjali li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi bħalissa? Meta mistenni jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar it-taxxa doppja bejn iż-żewġ pajjiżi u x’oqsma ġodda ta’ koperazzjoni ġew identifikati mill-Gvern Malti bħala oqsma li joffru potenzjal għal pajjiżna?
ONOR. TONIO BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li beħsiebni nirrapporta fuq din iż-żjara fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej. Rigward il-ftehim dwar it-taxxa doppja sar progress sostanzjali. Fil-laqgħat li kelli ġiet diskussa koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u kultura. Fit-Territorji Palestinjani ġie ffirmat ftehim dwar l-IT u l-Gvern ta donazzjoni ta’ €30,000 lill-UNWRA f'Gaża.

DELEGAZZJONIJIET GOVERNATTIVI -ŻJARAT F’PAJJIŻI TERZI
22412. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta delegazzjonijiet governattivi u/jew dawk immexxija mill-ET il-President tar-Repubblika jżuru pajjiżi terzi u jkollhom fosthom rappreżentanti mis-settur kummerċjali u intraprenditorjali Maltin kemm bħala ditti individwali u/jew bħala organizzazzjonijiet u għaqdiet kostitwiti, min-naħa tal-gvern, liema entità tassumi r-responsabbiltà biex tiżgura li jsiru l-follow-ups mistennija mal-pajjiżi u mal-entitajiet tal-pajjiżi li jkunu għadhom kif żaru, primarjament, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin innifsu, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jew il-Malta Enterprise nnifisha?
ONOR. TONIO BORG: Il-ħidma sabiex jitkattar il-kummerċ u l-investiment Malti tagħmel parti integrali mill-ħidma tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment kif ukoll mill-ħidma wiesa' tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. F'okkażjonijiet meta rappreżentanti mis-settur kummerċjali u intraprenditorjali Maltin jissieħbu biex jiffurmaw parti minn delegazzjonijiet Presidenzjali, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jikkordina mal-Uffiċċju tal-President, mal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, mal-Malta Enterprise kif ukoll mal-għaqdiet kostitwiti bil-għan li jsiru l-preparamenti meħtieġa b'mod partikolari fejn jidħlu kuntatti ma' entitajiet barranin fejn id-delegazzjoni tkun sejra.
Fil-każ ta' follow-ups wara żjajjar li jkunu saru, dan ġeneralment isir kemm mill-Malta Enterprise kif ukoll mill-intraprendituri nfushom. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kif ukoll il-Malta Enterprise jibqgħu dejjem disponibbli biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-intraprendituri f'dan il-qasam kull fejn u meta jkun hemm il-ħtieġa.

LUKANDA SELMUN
22562. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat il-Lukanda Selmun ingħalqet fuq bażi temporanja? Jekk iva, meta ngħalqet, kemm se ddum magħluqa u x'inhi r-raġuni li għaliha ngħalqet? X'se jsir mill-ħaddiema ta' din il-lukanda matul iż-żmien li din il-lukanda se tkun magħluqa?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Lukanda Selmun għalqet fit-3 ta’ Jannar fuq bażi temporanja sat-28 ta’ Frar 2011. Fil-frattemp, il-futur ta’ din il-lukanda qiegħed jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-riorganizzazzjoni tal-Air Malta u l-kumpaniji sussidjarji tagħha.

LABOUR FORCE SURVEY
22563. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Hamis, 6 ta' Jannar 2011, dwar Labour Force Survey: Q3/2010, ma kienx hemm elenkat separatament l-impjiegi fis-settur privat u fis-settur pubbliku? Jista' jgħid jekk din hix se tibda tiġri fl-istqarrijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-Labour Force Survey minn issa 'il quddiem?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm ċaqliq żgħir ‘il fuq jew ċaqliq żgħir ‘l isfel f’xi figuri, dan ikun diffiċli li jinqabad f’sample survey. Fil-fatt dejjem ikun hemm dawk li fl-istatistika jissejħu sampling error u bias. Saħansitra, żieda marġinali tista’ tirriżulta fi tnaqqis marġinali minn stħarriġ u viċi-versa. Din hija r-raġuni għalfejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħass li m’għandux jibqa’ jagħmel dan l-elenku separat mil-Labour Force Survey. Għaldaqstant, għan-numru tal-impjiegi fis-settur pubbliku ras għal ras, wieħed għandu jirreferi għall-figuri tal-Korporazzjoni għax-Xoghol u t-Taħriġ fejn jidher ċar li l-impjiegi fis-settur pubbliku qegħdin jonqsu.

GĦAJNUNA LIS-SETTUR TAL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB
22564. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Fuq il-bażi ta’ dak li kien qal il-Gvern matul in-negozjati għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, li s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kellu jingħata appoġġ finanzjarju ta’ €19.72 miljun sal-2010

(http://www.meusac.gov.mt/Portals/FME/Documents/AGGSE16e_Agriculture.pdf), jista’ l-Ministru jagħti rendikont, sena b'sena mill-2004 sal-2010 kemm tħallsu minn dawn il-flus u kif intużaw? Jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jkompli jagħti għajnuna minn din is-sena 'il quddiem lis-settur tal-ħalib? Jekk iva, kemm se tkun din l-għajnuna, fuq kemm snin u kif se tingħata?


ONOR. GEORGE PULLICINO: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

SPTAR MATER DEI – PAZJENTI TRASFERITI GĦAL DJAR TAL-ANZJANI
22565. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Fir-rigward tal-kriżi ta' spazju għall-pazjenti li nħolqot matul l-ewwel jiem tas-sena u li wasslet biex pazjenti jintbagħtu mill-Isptar Mater Dei fi sptarijiet u djar tal-anzjani privati, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' pazjenti li ġew trasferiti u f'liema djar tal-anzjani privati ttieħdu? Kemm-il pazjent ittieħed f'kull waħda minn dawn id-djar b'mod separat? X'inhuma l-ispejjeż relatati għal kull pazjent li ġie trasferit? B'liema mod intgħażlu dawn id-djar tal-anzjani?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li l-ammont totali ta’ pazjenti li ġew trasferiti kien ta’ tmintax: 14 ittieħdu Casa Arkati u 4 ttieħdu Villa Messina.
L-anzjani ġew trasferiti ġo djar li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita għandu ftehim ta’ Private Public Partnership magħhom u skont id-dipendenza u l-bżonnijiet kliniċi tal-anzjan. Għal dawn is-sodod il-gvern iħallas rati varji skont id-dipendenza tal-persuna.

SPTAR SAN LUQA
22566. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid jekk fir-rigward tal-kriżi ta' spazju għall-pazjenti li nħolqot matul l-ewwel jiem tas-sena u li wasslet biex pazjenti jintbagħtu mill-Isptar Mater Dei fi sptarijiet u djar tal-anzjani privati, il-Gvern hux qed jikkunsidra li jerġa' juża partijiet oħra mill-Isptar San Luqa, minbarra l-Isptar Karen Grech?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta hi fin-negattiv.

TRASPORT PUBBLIKU - DIRECT ORDERS MOGĦTIJA B’KONNESSJONI MAR-RIFORMA
22578. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat b’rabta mar-riforma fit-trasport pubbliku? Min kienu l-kumpaniji li ngħataw dawn id-direct orders, x’kien ix-xogħol relatat ma' kull waħda minn dawn id-direct orders u kemm kien il-valur ta’ kull wieħed minn dawn id-direct orders?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li kien hemm ħames kumpaniji li ngħataw direct orders marbutin mar-riforma tat-trasport pubbliku. Dawn huma:
Halcrow Group Ltd, liema kumpanija pprovdiet assistenza teknika fil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti tat-trasport pubbliku. Il-valur ta’ din l-assistenza teknika jammonta għal €202,052.85 għas-sena 2010, €51,716 għas-sena 2009 u €127,970 għas-sena 2008;
Aequitas Legal, liema kumpanija pprovdiet assistenza legali fil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti tat-trasport pubbliku. Il-valur għal din l-assistenza legali jammonta għal €62,658.00 għas-sena 2010 u €21,059 għas-sena 2009. Aequitas Legal tħallset ukoll is-somma ta’ €120,000 għal assistenza legali dwar ir-regolamenti ġodda tat-taxis;
PricewaterhouseCoopers, liema kumpanija pprovdiet assistenza fil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti tat-trasport pubbliku. Il-valur ta’ din l-assistenza jammonta għal €59,892.08 għas-sena 2010 u €52,736 għas-sena 2009;
Studio 7 tħallas is-somma ta’ €22,795.16 għal servizz ta’ reklamar dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku; u
Rank Xerox tħallset is-somma ta’ €7,080.00 għal servizz ta’ stampar ta’ ktejjeb dwar in-network tat-trasport b’tal-linja f’Għawdex.

SIĠAR TAL-FROTT – VARJETAJIET ĠODDA
22729. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibilità li jiġu introdotti varjetajiet ġodda ta' siġar tal-frott f'Malta u f'Għawdex, b'riżultat tal-Micro-Propagation Centre li għandu l-gvern? Jekk iva, liema tip ta' frott hu mistenni li jiġi introdott?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Il-pjan tal-laboratorju tal-mikropropagazzjoni fil-Micro-Propagation Centre (l-isem ġie mibdul għal Plant Biotechnology Centre fis-sena 2000) mhuwiex li jinħolqu fi ћdanu varjetajiet ġodda ta’ siġar tal-frott, proċess li jissejjaћ breeding. Biex isir dan il-proċess, wieħed irid ikollu ċertu teknika u apparat speċjalizzat, li ma jinsabx fil-laboratorju msemmi.

TKABBIR TA' PRODOTTI AGRIKOLI B'SISTEMA ORGANIKA
22730. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li kienu ċertifikati mill-Awtorità ta' Malta għall-Istandards bħala bdiewa ta’ prodotti agrikoli bis-sistema organika, fejn ma jintuża l-ebda bexx jew mezzi artifiċijali ta' tkabbir?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li b’kollox hemm 11-il individwu li jkabbru prodotti agrikoli b’ sistema organika.

SAN PAWL IL-BAĦAR – PERMESSI GĦAL ŻVILUPP
22731. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li għalihom xi dipartiment li jaqa' taħt il-Ministeru applika għall-permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikun jista' jagħmel żviluppi fl-inħawi li jiffurmaw parti mil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Liema huma l-proġetti oħra li se jsiru mill-Ministeru f'dawn l-istess inħawi li diġà għandhom il-permessi neċessarji mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li l-Ministeru tiegħi qiegħed fil-proċess li jiżviluppa water park f’Buġibba fix-xhur li ġejjin. L-applikazzjoni għall-permess tinsab quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

ŻIEDA FIS-SORVELJANZA F’BUĠIBBA U FIL-QAWRA
22732. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibbli li l-pulizija żżid is-sorveljanza tagħha f'ċerti nħawi ta' Buġibba u l-Qawra (fost l-oħrajn) minħabba l-fatt li numru ta' residenti qed jilmentaw minn sitwazzjonijiet li qed idejquhom, b'mod partikolari bil-lejl?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li l-pulizija regolarment tagħmel ronda fl-inħawi tal-Qawra/Buġibba/San Pawl il-Baħar, kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl. Infurmat ukoll illi dan isir kemm mill-pulizija tad-Distrett kif ukoll minn dawk tal-iskwadra tal-mobile.

INVESTIMENT FL-ISKOLA SPEĊJALI TAL-WARDIJA
22733. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment sar fl-iskola speċjali tal-Wardija matul l-2010? Kemm hu n-numru ta' studenti li jattendu f'din l-iskola u minn liema lokalitajiet ġejjin?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Matul l-2010 fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi għall-Adulti Żgħażagħ sar investiment strutturali, kemm biex dan iċ-ċentru jsir iktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ li jattendu fih kif ukoll biex jiġi mwettaq il-proġramm ta’ dan iċ-ċentru.
Fost dan l-investiment hemm it-tisbiħ tal-entratura tal-iskola fejn saret ukoll rampa biex il-parti ta’ fuq taċ-ċentru ġiet aċċessibbli għall-istudenti li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Sar ukoll investiment fuq kmamar li jinsabu fil-grawnds tal-iskola. Dawn ġew attrezzati biex ikunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet bħala parti mill-programm taċ-ċentru. Inbidlu wkoll il-bibien kollha fiċ-ċentru.
Hemm 77 student f’dan iċ-ċentru. Lista tal-lokalitajiet minn fejn ġejjin l-istudenti tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

SAN PAWL IL-BAĦAR: SKOLA PRIMARJA - TRASPORT PROVDUT MILL-GVERN
22734. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar li jitwasslu l-iskola permezz ta' trasport provdut mill-gvern stess? Kemm studenti mhumiex ipprovduti bi trasport simili? Billi riċentement numru ta' persuni (studenti u ġenituri) kienu sejrin lura lejn darhom bil-mixi fl-inħawi tal-Qawra, tista' tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ġenituri li forsi għadhom mhumiex infurmati bit-trasport provdut b'xejn?
ONOR. DOLORES CRISTINA: In-numru ta’ tfal li jużaw it-trasport ipprovdut bla ħlas mill-gvern minn u lejn l-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar hu ta’ 297. Kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin huma konxji li hemm dan it-trasport provdut bla ħlas mill-gvern. Xi ġenituri, għalkemm jafu b’dan it-trasport, jippreferu jiġu għat-tfal huma stess, speċjalment għat-tfal fil-Kindergarten u Year 1.

DIPARTIMENT TAL-VAT - STATEMENTS ĦŻIENA
22750. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Peress li ġejt infurmat li mid-Dipartiment tal-VAT ħarġu ħafna statements ħżiena b'detriment għall-accountants u l-klijenti tagħhom, jista' l-Ministru jivverifika jekk dan hux minnu? Jista' jivverifika wkoll għaliex, wara dawn l-iżbalji, ħafna minn dawk li ppruvaw jaqbdu mad-dipartiment biex jaraw x'qed jiġri, baqgħu bla ma ħadu l-ebda tweġiba għax ma kenux qed jirrispondu t-telefon?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhux veru li ħarġu statements ħżiena mid-Dipartiment tal-VAT. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi statements li l-persuni konċernati jixtiequ kjarifika dwarhom huwa mitlub jinformani separatament.
Dawn l-istatements intbagħtu lil kull min hu reġistrat, jiġifieri madwar 45,000 taxpayer, b’format ġdid li jispjega aħjar kif il-bilanċi ġew akkumulati fuq il-perjodi li għadhom miftuħa kif ukoll il-krediti mnaqqsa fil-perjodu mid-data tal-aħħar statement sad-data tal-istatement preżenti.
Peress li ħafna persuni reġistrati jkunu jridu jivverifikaw xi affarijiet billi jċemplu lid-Dipartiment qed ikun hemm ħafna telefonati li żdiedu ma’ oħrajn li qed jistaqsu dwar l-istatements.

ARMS LTD. - KONTIJIET
22777. L-ONOR. JOSEPH MUSCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kontijiet tad-dawl u ilma maħruġa mis-software li qed jitħaddem mill-ARMS Ltd. jikkonformax kompletament mal-avviz legali relevanti?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma konformi mal-Electricity Supply Regulations u l-Water Supply Regulations u mal-avviż legali relevanti.
Nappella lill-Onor. Interpellant biex ma jibqax jilgħab b’dawn l-allegazzjonijiet infondati u jekk huwa konxju b’każijiet li, b’konsegwenza tagħhom qed ibati l-konsumatur, allura jagħtina d-dettalji biex jekk dan huwa possibbli, tiġi ratifikata s-sitwazzjoni.

GOZO CHANNEL U L-MALTA DRYDOCKS - TISWIJA TAL-VAPURI
22778. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti kien hemm bejn il-Gozo Channel u l-Malta Drydocks rigward il-manutenzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel anke fir-rigward ħlasijiet għal tali xogħol? Jista' jgħid illum il-ġurnata dan ix-xogħol minn min qed isir u b'liema kundizzjoni u prezzijiet?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel tagħmel dawk l-arranġamenti għar-rigward tal-manutenzjoni tal-vapuri tagħha skont il-bżonn u skont ir-regolamenti marittimi u dan sabiex il-flotta operata minnha dejjem tkun konformi mal-klassi u mal-liġijiet internazzjonali.
Għaldaqstant ix-xogħlijiet kollha jsiru b’kuntratti separati skont in-natura tax-xogħol u skont dawk l-operaturi li jkunu f’pożizzjoni li jfornu s-servizzi rikjesti.

GOZO CHANNEL – UŻU TAL-VAPUR SEA HORSE
22779. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz toffri l-qoxra/barkun Sea Horse lil Gozo Channel? Jista' jgħid ta' min hi s-Sea Horse u jekk is-servizz hux qed jingħata permezz ta’ sejħa għall-offerti jew b’direct order? Fi kwalunkwe każ, taħt liema kundizzjonijiet?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel qed toffri s-servizz tal-ġarr tal-merkanzija perikoluża bil-vapur Sea Horse. Dan minħabba l-fatt li l-vapur MV Gaudos li bih biss tista’ tinġarr din it-tip ta’ merkanzija perikoluża bħalissa qiegħed fix-shipyard għar-refit kif huwa rikjest mill-klassi.
Il-kumpanija waslet għad-deċiżjoni biex tikri dan il-vapur Sea Horse wara li għamlet riċerka intensiva fuq min seta’ jipprovdi dan it-tip ta’ servizz sakemm il-vapur MV Gaudos jerġa’ jidħol fis-servizz u għalhekk Cassar Shipyards kienet l-unika kumpanija li setgħet tipprovdi dan it-tip ta’ vapur biex b’hekk setgħet tinġarr il-merkanzija perikoluża bħal fuels, gass u materjal perikoluż ieħor li ma jistgħux jinġarru fuq iż-żewġ vapuri l-oħra MV Ta’ Pinu u MV Melita bejn Malta u Għawdex.
L-għan ewlieni tal-kumpanija kien li Għawdex jibqa’ jiġi fornut regolarment b’din it-tip ta’ merkanzija għal dan il-perjodu u hekk xorta waħda qed jiġi offrut servizz lil Għawdex.

GĦAWDEX - ĦADDIEMA TAL-MALTA DAIRY PRODUCTS
22780. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Prim Ministru: Peress li l-ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu fl-impjant tal-Malta Dairy Products f’Għawdex ilhom issa snin twal ġejjin u sejrin Malta u dan b'inkonvenjent kbir, anke meta tieħu kont tal-fatt li ħafna minnhom mhumiex ta' età żgħira, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għal dawn il-ħaddiema biex jerġgħu jiġu jaħdmu Għawdex stess?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

SERVIZZ TAT-TELECARE - TISWIJA
22781. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mid-dipartiment konċernat isewwi s-servizz tat-Telecare tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li ilu ġimgħat bil-ħsara?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Ninsab infurmat li l-ħsara fuq in-numru tat-telefon imsemmi ġiet rappurtata nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Jannar 2011. Mis-sistema kompjuterizzata ta’ ħsarat fuq is-sistema tat-telefonija fissa ta’ GO irriżulta li l-ħsara ma kenitx fuq il-linja ta’ GO iżda kienet ikkaġunata mis-set tat-Telecare. Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Jannar 2011 intbagħat tekniku ta’ GO fuq il-post biex jiċċekkja n-natura tal-ħsara u sab li l-cradle switch tas-sett tat-telecare ta’ dawn l-abbonati kien iġġammjat u kellu jinbidel. Iżda meta t-tekniku mar jibdel is-set tat-telecare, l-abbonati oġġezzjonaw għaliex ma riedux set tat-telecare kif kien provdut iżda riedu sett ta’ tip ieħor.
Il-kumpanija GO irnexxielha ssib set tat-telecare bħal dak li xtaqu l-abbonati u nhar it-Tlieta, 18 ta’ Jannar 2011 it-tekniku reġa’ mar lura fuq il-post biex jibdel is-set bil-ħsara ma’ set kif xtaqu l-abbonati. Is-servizz issa ġie għan-normal.

UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU – INKJESTI
22782. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru inkjesti, investigazzjonijiet u stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid liema huwa d-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti? Ittieħdu passi dixxiplinarji jew legali? Ġew sospiżi xi nies?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN – INKJESTI
22783. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru inkjesti, investigazzjonijiet u stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid liema hu d-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti? Ittieħdu passi dixxiplinarji jew legali? Ġew sospiżi xi nies?
ONOR. TONIO BORG: Fis-snin imsemmija kien hemm sitt każijiet li kollha ġew konklużi u li kienu kontra impjegati pubbliċi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u ċioè Head Office u l-fergħat tiegħu, rappreżentanzi diplomatiċi, u d-dipartiment taċ-ċittadinanza. Ittieħdu passi dixxiplinarji wara investigazzjoni kontra żewġ first secretaries, officer-in-charge minor staff, assistant head, impjegat tal-IPSL, visa officer ta' nazzjonalità barranija, u skrivana. L-akkużi kienu varjaw: abbuż minn sistema ta' telekommunikazzjoni, skartar, abbuż ta' sick leave, assenza mhux awtorizzata, nuqqas ta' osservanza ta' proċeduri interni, ksur ta' regoli fil-ħruġ ta' visas u serq ta' laptop.

MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT – INKJESTI
22784. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inkjesti, investigazzjonijiet u stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid liema hu d-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti? Ittieħdu passi dixxiplinarji jew legali? Ġew sospiżi xi nies?
Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin