IL-BELT VALLETTA – TRIQ IL-MERKANTI 22944. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid meta hu previst li ssir l-allokazzjoni tal-appartamenti fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-proċess ta’ analisi ta’ applikanti eliġibbli għal dan il-blokk fi Triq Merkanti, il-Belt. Hekk kif dan il-blokk jitlesta mix-xogħol ta’ ristrutturar u ta’ xogħlijiet oħra, l-appartamenti jkunu lesti sabiex jiġu allokati skont il-kriterji stabbiliti.
DAWL F'TELGĦET GWARDAMANĠA 22945. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Peress li fin-naħat ta' Gwardamanġa żdiedet sew il-kriminalità anke minħabba ċ-ċentru tad-Detox fil-viċinanza, jista' l-Prim Ministru jara li tiddawwal aħjar Telgħet Gwardamanġa fl-inħawi tal-kamra mortwarja?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Pietà qed jikkunsidra s-suġġeriment tal-Onor. Interpellant.
RIFUŻJONI TA' TAXXA 22948. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallsu r-rifużjonijiet tat-taxxa li f'Awwissu li għadda ġew imwegħda li se jitħallsu sa Diċembru 2010?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-ħruġ tar-rifużjonijiet għadu għaddej. Tajjeb wieħed jirrimarka li dawk ir-rifużjonijiet li jinħarġu wara d-data preskritta jiżdiedu magħhom interessi ta’ 0.75% fix-xahar.
PULIZIJA - STRIP SEARCHING FUQ SUSPETTATI 22949. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid jekk hix l-użanza li persuni li jiġu arrestati u interrogati jiġu mġiegħla jinżgħu l-ħwejjeġ kollha u jiġu strip searched ikun xi jkun is-suspett tal-allegat każ kontrihom bħalma sar fil-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament? Ma jaħsibx li dan l-atteġġjament tal-pulizija hu mill-aktar degradanti fil-konfront tas-suspettat?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 22847.
ENEMALTA - PANNELLI FOTOVOLTAJĊI 22952. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jispjega kif il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tħallas lill-privat għall-elettriku ġenerat mill-pannelli fotovoltajċi, jiġifieri jekk in-numru ta' units ġenerati mill-pannelli jitnaqqsux minn numru ta' units ikkonsumati jew inkella l-kont tal-konsumatur jitnaqqas bis-somma dovuta għan-numru ta' units li jkunu ġenerati mill-pannelli?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.
ĦAL-QORMI - KUNTRATT TA’ BIĊĊA ART LI NTUŻAT BIEX INBNIET FABBRIKA 22953. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu ġiet mgħoddija l-art li ntużat biex tinbena l-fabbrika Löwenbrau f'Ħal Qormi?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-art li ntużat biex tinbena l-fabbrika Löwenbrau f’Ħal Qormi ngħatat b’titolu ta’ ċens perpetwu permezz tal-kuntratt datat 13 ta’ Novembru 1990, liema ċens ġie mifdi permezz ta’ kuntratt datat 3 ta’ Diċembru 2009. Kopji ta’ dawn iż-żewġ kuntratti tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MALTA ENTERPRISE U MALTA INDUSTRIAL PARKS - POSTIJIET VAKANTI 22958. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sejħa saret mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks mill-4 ta' Jannar 2004 sal-lum sabiex jimtlew b'mod permanenti vakanzi fi grad mhux maniġerjali u x'kienu?
ONOR. TONIO FENECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħiet li saru mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks mill-4 ta’ Jannar 2004 sal-lum huma kif muri fid-dokumenti li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
KAŻI TA’ SUWIĊIDJI 22966. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' każi ta’ suwiċidji li saru fis-snin 2010, 2009, 2008, 2007 u 2006 f'Malta u f'Għawdex separatament?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:
Sena
Malta
Għawdex
2006
24
0
2007
27
0
2008
18
0
2009
31
2
2010
31
0
Total
131
2
ARMS LTD. – REVIŻJONI TA’ KONT TAD-DAWL U L-ILMA 22967. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jassigura li l-kont tad-dawl u l-ilma li qed jintbagħat b’mod separat jiġi rivedut kemm jista' jkun malajr għaliex jidher li hu żbaljat?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet ġew riveduti u l-konsumatur ġie mgħarraf fuq dawn ir-reviżjonijiet il-ġodda.
MEPA - KUMMISSJONI GĦALL-KONTROLL TAL-IŻVILUPP U BORDIJIET TAL-APPELL 22968. L-ONOR. RODERICK GALDES staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22055 u jgħid xi tranżizzjoni se jkun hemm mill-bordijiet tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp (DCCs) u l-Bordijiet tal-Appell meta jidħlu fis-seħħ il-Kummissjonijiet għall-Ambjent u l-Ippjanar u t-Tribunal tal-Appelli? Jista' jgħid liema huma l-każi li se jkunu deċiżi mill-bordijiet l-antiki u liema mill-ġodda?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 22055.
TAS-SLIEMA: THE STRAND - OPERATURI KUMMERĊJALI 22970. L-ONOR. GAVIN GULIA staqsa lill-Prim Ministru: Billi għad hemm disgwid bejn operaturi kummerċjali li għandhom l-uffiċini tagħhom ġo The Strand, f’Tas-Sliema (faċċata tal-vapuri tal-harbour cruises) rigward l-allokazzjoni ta’ ticketing booths fuq il-bankina faċċata tal-uffiċini tagħhom f’The Strand, f’Tas-Sliema, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta hix se tfassal xi politika jew linji gwida, jew jekk hix se tagħmel xi allokazzjonijiet għas-sajf li ġej sabiex jiġi evitat disgwid ulterjuri u aktar proċeduri legali fil-Qorti bejn l-operaturi?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Twegiba tingħata f’xi seduta oħra.
KUNSILLI LOKALI - SKEMA TA' FINANZJAMENT GĦAL ATTIVITAJIET KULTURALI 22978. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22755 u jgħid kemm kienet it-talba ta’ kull kunsill lokali li applika għall-fondi taħt l-Iskema ta’ Finanzjament għal Attivitajiet Kulturali 2011, kemm ġew allokati fondi għal kull kunsill lokali li applika, u x’kienet il-proġezzjoni ta’ infiq għall-attività li għaliha saret it-talba ta’ kull kunsill lokali? Jista’ jgħid ukoll x’kienu l-punti, kategorija b’kategorija, li ngħata kull kunsill lokali li applika taħt din l-iskema, dejjem jekk intużat sistema ta’ punti fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet, u b’liema mod din issarfet fil-fondi li ngħata kull kunsill lokali? F’każ li ma ntużatx sistema ta’ punti, x’sistema ntużat, u b’liema mod din is-sistema wasslet għall-allokazzjoni ta’ fondi li kull kunsill lokali ingħata taħt din l-istess skema?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 22755.
(Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta b’dokument Nru. 6401 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 308 tat-Tlieta, 1 ta’ Frar 2011).
MEDIĊINI OUT OF STOCK 22981. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22628 u 22535 u jagħti lista ta' kull okkażjoni li mediċina kienet out of stock minn xi sptar tal-gvern, spiżerija tal-gvern, jew mis-sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, b’listi separati wkoll ta' liema minn dan in-nuqqas kien tort tal-aġent u liema tal-gvern, fis-sena 2010?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet parlamentari kollha li ngħataw fuq dan is-suggett matul is-sena 2010.
NATIONAL DEMENTIA STRATEGY GROUP - RAKKMANDAZZJONI GĦAL MEDIĊINA B'XEJN 22982. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22629 u 22533 u jgħid meta se tiġi inkluża r-rakkmandazzjoni tan-National Dementia Strategy Group, hekk kif ġew rapportati fit-The Times tas-17 ta' Marzu 2010, li niġu bħall-bqija tal-Ewropa u nibdew nagħtu l-mediċina għaliha b'xejn?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22629.
NAMED PATIENTS REQUEST - MEDIĊINA 22983. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22630 u 22531 u jgħid kemm saru named patient requests fl-2010? Kemm minnhom ġew approvati? Minn dawn li ġew approvati, kemm minnhom inxtratilhom il-mediċina, bi spjega, għal dawk li għadha ma nxtratilhomx? Għalfejn ma nxtratilhomx u meta se tinxtralhom?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
QASAM TAS-SAĦĦA - INKLUŻJONI TA' MEDIĊINA FIL-FORMULARJI 22984. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22631 u 22530 u jipprovdi tabella li tinkludi kull talba li saret għall-inklużjoni ta' mediċina fil-formularju li ġie approvat, bid-data tal-approvazzjoni, u bid-data ta' meta saret l-ewwel ordni? Fejn ma saritx ordni, jista' l-Ministru jispjega għalfejn u meta se tinxtara?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, ġħaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
MEDIĊINI OUT OF STOCK 22985. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22657 u 22536 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi ta’ mediċini out of stock li tqassmu lill-ispiżjara tal-gvern kollha fis-sena 2010?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet parlamentari kollha li ngħataw fuq dan is-suggett matul is-sena 2010 u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22981.
PITKALIJA - AMMINISTRAZZJONI 22987. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-pitkalija? Kemm ilha din il-persuna impjegata mal-gvern? X'inhuma l-kwalifiki tagħha u kif ġiet impjegata?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat illi l-pitkalija taqa’ taħt ir-responsabilità tad-Direttur tas-Swieq bl-Ingrossa u Faċilitajiet tal-Flotta tas-Sajd. L-uffiċjal fl-inkarigu bħalissa ilu impjegat tal-gvern mill-1983 u laħaq Direttur fl-2004 wara li ħarġet sejħa skont ir-regolamenti tal-gvern.
OPRI TAL-BAĦAR UŻATI GĦALL-KAĊĊA – HORSE POWER 22988. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid ta’ kemm horse power jista' jkun mutur imwaħħal ma' opra tal-baħar li minn fuqha tista' ssir kaċċa minn fuq il-baħar?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-provvedimenti tar-Regolamenti tal-2006 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
KORP TAL-PULIZIJA - COMPLEMENT 22989. L-ONOR. MICHAEL FALZON staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22738 jista' l-Ministru jgħid kif kien stabbilit il-complement tal-pulizija fl-1 ta' Jannar 2011 ladarba kif qal hu, dan jinbidel minn żmien għal żmien? Kemm kien hemm postijiet vakanti f'din id-data u f'liema kariga kienu dawn il-vakanzi skont kif kien stabbilit dan il-complement fl-1 ta' Jannar 2011?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 22738.
IL-MOSTA - XOGĦLIJIET FUQ TOROQ 23018. L-ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir ix-xogħol neċessarju fuq Triq il-Feniċi, Triq il-Battaljun, Triq ir-Rumani, Triq l-Għerien tal-Wied, Triq l-Imsaqqfin u t-toroq tal-viċinanzi fil-Mosta li jeħtiġilhom wiċċ xieraq?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 19277.
KONTRIBUZZJONIJIET TAS-SIGURTÀ SOĊJALI 23020. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid kemm ħallset f'kontribuzzjonijiet il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, stante li din ħadmet mill-1974 sal-1980?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.
MEPA - SKEMA BIEX TIĠI REGOLARIZZATA SITWAZZJONI 23021. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma dak li ġie kkwotat miċ-Chairman tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fil-ħarġa ta' The Sunday Times datata l-1 ta' Awwissu 2010, li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qiegħda taħdem fuq skema u nikkwota "which will regularise their position following a screening process, intended to prevent people taking advantage" u dan in vista li hemm każijiet ġenwini li jistgħu jiġu solvuti taħt din l-iskema mingħajr bżonn t'alterazzjoni fil-binja u danni strutturali?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.
SPTAR MATER DEI - KWALITÀ TAL-IKEL FIL-CANTEEN 23031. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21423 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tas-survey li sar fost l-impjegati tal-Isptar Mater Dei dwar il-kwalità tal-ikel fil-canteen tal-impjegati tal-Isptar Mater Dei?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
PREZZ TAL-FUEL 23032. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid meta nxtara u b'liema prezz ġie mixtri l-fuel li qed jiġi kkunsmat fil-preżent? Jista' jagħti wkoll spjega ta' kif ġie definit il-prezz li jinbigħ u x'inhuma l-komponenti li huma inklużi fil-prezz?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
IŻ-ŻURRIEQ: TRIQ IL-WARDA - SPAZJI GĦALL-PARKEĠĠ TA’ MUTURI 23033. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21059, jista' l-Ministru, permezz tal-awtorità konċernata, jikkunsidra li l-ispazju li suppost huwa allokat għall-muturi, liema spazju huwa ta' 3.8 metri, jitħallew jipparkjaw fih karozzi żgħar anke minħabba l-fatt li m'hemmx muturi li jipparkjaw fi Triq il-Warda, iż-Żurrieq.
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċjali ta’ Transport Malta, irriżulta li l-ispazju msemmi jintuża għall-ipparkjar ta’ muturi u allura ma tinħassx il-ħtieġa li jinbidel l-użu tiegħu.
IŻ-ŻEJTUN - SKOLA SEKONDARJA TAL-BNIET 23034. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid x'ġie deċiż dwar l-iskola sekondarja tal-bniet li tinsab fiż-Żejtun? X'konsultazzjoni saret ma' dawk kollha konċernati, fosthom il-ġenituri? X'sens jagħmel li l-istudenti Żwieten ma jibqgħux jattendu l-iskola li tinsab fiż-Żejtun stess?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-iskola sekondarja tal-bniet taż-Żejtun se tibqa’ taqdi l-funzjoni ta’ skola sekondarja tal-bniet tal-Kulleġġ San Tumas More. Il-konsultazzjoni ssir sa fejn hu possibbli imma ċerti deċiżjonijiet iridu jittieħdu finalment fl-aħjar interess tal-istudenti. Hemm bosta raġunijiet għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni, fosthom id-demografija u l-loġistika tal-popolazzjoni tal-istudenti tal-Kulleġġ.
FGURA: SKOLA PRIMARJA - STUDENTI SUBIEN 23035. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid f'liema skola sekondarja se jattendu l-istudenti subien tal-iskola primarja tal-Fgura fis-sena skolastika li jmiss?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-istudenti subien tas-sitt sena tal-iskola primarja tal-Fgura se jattendu l-iskola sekondarja tas-subien tal-Kulleġġ San Tumas More fil-Ħamrun.
ĦLASIJIET LILL-EKS ĦADDIEMA TAL-MALTACOM 23036. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta l-eks ħaddiema tal-Maltacom se jieħu l-ħlas tal-units dovuti lilhom mill-Maltacom Employees' Foundation?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
MARSAXLOKK – BEJJIEGĦA TAL-MONTI 23046. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li għandu liċenzja ta’ bejjiegħ tat-toroq qiegħed kull darba jinżamm milli jarma fil-monti tal-Ħadd f'Marsaxlokk? Jista' jgħid min hija l-persuna li qeegħda tieħu responsabilità li tagħti ordni biex il-persuna ma teżerċitax il-liċenzja ġustament maħruġa lilha bħala bejjiegħ tat-toroq, u fiex hija l-ordni leġittima maħruġa mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' jara li la darba persuna anzjana għandha dritt li tkompli taħdem u din għandha liċenzja ta' bejjiegħ tat-toroqgħandha titħalla tagħmel dan skont il-liġi?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, bl-iskop li jiġi regolarizzat il-monti ta’ Marsaxlokk, saru erba’ spezzjonijiet fi Ħdud konsekuttivi li bdew fis-17 ta’ Ottubru u spiċċaw fis-27 ta’ Novembru 2010. Waqt dawn l-ispezzjonijiet ġew identifikati dawk il-bejjiegħa li ma kellhomx liċenzja biex joperaw minn suq. Fost dawn il-bejjiegħa kien hemm il-persuna li d-dettalji tagħha ġew provduti separatament mill-Onor. Interpellant.
Dawk il-bejjiegħa li kienu qed joperaw mingħajr liċenzja, fosthom, il-persuna msemmija ġew ordnati mill-pulizija biex ma jibqgħux joperaw għaliex inkella tittieħed azzjoni legali kontrihom. Hawnhekk ta’ min isemmi li l-persuna msemmija kienet ikkanċellat il-liċenzja tagħha fit-8 ta’ Awwissu 2003 għalhekk żgur li fi żmien li saru l-ispezzjonijiet kienet qiegħda topera kontra l-liġi. Din il-persuna fil-fatt reġgħet applikat għal liċenzja fil-15 ta’ Novembru 2010 u nħarġitilha liċenzja rispettiva fid-19 ta’ Jannar 2011. Peress li l-post minn fejn qed joperaw il-bejjiegħa tal-Monti tal-Ħadd ta’ Marsaxlokk huwa post ristrett, ovvjament ġiet mogħtija preferenza lil dawk li kienu qed joperaw skont il-liġi ċioè dawk li kellhom liċenzja. Dawk li ġabu liċenzja wara l-eżerċizzju, li jridu jagħmlu huwa li japplikaw mal-kunsill lokali konċernat u li jitpoġġa fuq il-lista ta’ stennija (skont id-data tal-applikazzjoni tiegħu mal-Kunsill) biex meta jkun hemm spazju jitħallew joperaw.
SPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX - ASSISTENTI KLERIKALI FIL-WARDS 23047. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Peress li matul is-snin 1998 u 1999, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kienu ġew impjegati numru ta' assistenti klerikali fil-wards u peress li l-grad tagħhom hu marbut ma' salarju fi skala 18 (massimu għas-sena 2011 - €10,884) u għalkemm is-salarju tal-bidu kien żdied b'seba' increments ta' €191 kull sena, kontra dak li normalment isir fi gradi fi skali żgħar - fejn dawn jistgħu javvanzaw bejn skala jew tnejn - dawn l-assistenti klerikali tal-wards wara 12-il sena, għadhom fi skala 18 u peress li l-maġġoranza ta' dawn il-ħaddiema għandhom abbiltajiet li mhumiex jiġu utilizzati, abbiltajiet li fiż-żmien tal-lum jistgħu jkunu anke mezz essenzjali ħafna għal servizz mogħti aħjar mill-isptar, jista' l-Prim Ministru jara li l-assenjazzjoni tax-xogħol ta' dawn l-impjegati tiġi aġġornata fis-sens li jiżdiedulhom aktar doveri, li jinkludu data inputting u użu ta' sistemi tal-IT u fl-istess ħin tinħoloq sistema ta' allowance skont id-doveri varji li dawn il-ħaddiema jkunu jwettqu?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.