Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə5/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



SHELTERS TAL-GWERRA
20201. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18709, dik il-parti li titkellem dwar inventarju tax-shelters li jeżistu f'Malta, u li jidher li ma baqax jinġabar, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-shelters li dwarhom leħqet inġabret informazzjoni f'dan l-inventarju? Fejn jinsabu dawn ix-shelters? Jista' jara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkordina mal-kunsilli lokali biex tipprova tiġbor din l-informazzjoni?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li l-informazzjoni għall-inventarju tax-shelters li jeżistu f'Malta u f'Għawdex qed tiġi miġbura kull meta tiġi akkwistata informazzjoni minn każijiet ta' applikazzjonijiet jew rapporti minn individwi, imma din l-informazzjoni tkun nieqsa minn pjanti informattivi u ħafna drabi x-shelters ikunu magħluqa u ma tistax issir spezzjoni.
Il-lista li s’issa nġabret mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tinkludi madwar ħamsin shelter f'diversi lokalitajiet, fosthom: Tas-Sliema, l-Isla, l-Għargħur, l-Imġarr, Ħal-Kirkop, San Pawl il-Baħar, l-Imtarfa, Birżebbuġa, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Ħal Luqa, il-Ħamrun u l-Gżira.
Wara l-mistoqsija parlamentari 18709, ħames individwi kitbu fuq blogg ta' ġurnal lokali b'informazzjoni dwar fejn jinsabu xi entraturi tax-shelters, filwaqt li tliet individwi oħra kitbu lill-MEPA fejn wieħed bagħat lista ta' 19-il shelter f'Ħaż-Żebbuġ, persuna oħra bagħtet informazzjoni dwar shelter f'Ta' Xbiex u individwu ieħor bagħat lista b'informazzjoni dwar l-infiq biex jitħaffru madwar 200 shelter f'Għawdex, iżda f’dan l-aħħar każ, id-dokument oriġinali ma jurix l-entraturi imma jsemmi t-toroq biss. Din l-informazzjoni nżammet għal referenza futura, imma xorta waħda hemm bżonn li jiġu identifikati l-entraturi, jinfetħu, isiru spezzjonijiet u surveys tax-shelters minn ġewwa sabiex jiġi stabbilit kemm huma kbar.
L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilha tikkordina mal-kunsilli lokali sabiex tipprova tiġbor informazzjoni dwar wirt kulturali fil-lokalità. Ħafna drabi l-informazzjoni li tintbagħat tkun lista ta' xi postijiet fil- lokalità, fejn wara l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ikollha xorta waħda tagħmel riċerka dwar il-proprjetajiet storiċi u tiġbor/tagħmel pjanti, ritratti, surveys u dokumentazzjoni oħra. Eżempju ta' dan kienet talba dwar l-imtieħen tar-riħ fejn wieġbu 15-il kunsill minn 68 wieġbu.

RAPPORT TAL-EUROPEAN ENVIRONMENTAL AGENCY
20254. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Billi fir-rapport riċenti tal-European Environmental Agency m'hemmx referenza għal Malta dwar il-green house gas emissions, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan hux dovut għall-fatt li Malta s’issa m'għandhiex fis-seħħ il-miri stabbiliti mill-Protokoll ta’ Kyoto jew għax it-tagħrif meħtieġ ma wasalx fil-ħin mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20950.

MEPA - APPLIKAZZJONIJIET PENDENTI
20356. L-ONOR. RODERICK GALDES staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont pendenti ta' applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha 4,589 applikazzjoni għall-ewwel deċiżjoni u 862 applikazzjoni għal talbiet ta’ rikonsiderazzjoni.

MEPA - IMPJEGATI ĠODDA
20413. L-ONOR. RODERICK GALDES staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu nies mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Marzu tal-2008? Jista' jagħti dettalji ta' kemm nies daħlu f'kull Direttorat/Qasam eżempju:
1. Direttorat għas-Servizzi Korporattivi: a) riżorsi umani, b) servizzi ta’ sapport, ċ) kontabilità, d) ICT, e) mapping, f) mail room, g) front desk, h) eċċ.?
2. Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent: a) Unit A, b) Unit B, ċ) Unit C, d) Unit D, e) Unit E, f) EUMA, g) eċċ.?
3. Direttorat tal-Ippjanar: a) servizzi ta’ żvilupp, b) qasam tal-infurzar, ċ) diviżjoni għal pjanijiet futuri, d) eċċ.?
4. Chairman Block: a) DCC Segretarjat, b) l-Uffiċċju taċ-Chairman, ċ) eċċ.
Barra d-data li ġie impjegati fiha kull impjegat, jista’ jgħti wkoll f'liema grad daħal/daħlet jaħdem/taħdem u jekk daħlux b'xi skema offruta mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tabelli bid-dettalji mitluba tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Nixtieq ukoll ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 15-il Assistent Segretarjali li kellhom ftehim ta’ servizzu li mlew il-postijiet vakanti meta spiċċaw.
Tajjeb ngħid ukoll li fl-istess perjodu spiċċaw minn mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar 49 ħaddiem.

GREEN MT - PERMESSI MEĦTIEĠA
20428. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jikkonferma l-Prim Ministru li minkejja li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena għajr għall-ġimgħa tax-xahar ta' Ġunju s-soċjetà Green MT ma kellhiex permess jew awtorità mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tagħmel hekk, xorta waħda baqgħet topera l-istess skema u tagħti servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart u dan bi ksur dirett tal-Artiklu 6 tal-Avviz Legali Nru. 337 tal-2001? Jikkonferma li fl-istess perjodu Green MT Ltd saħansitra rkuprat 'il fuq minn sitt elef tunnellata ta’ skart minn wieħed u erbgħin kunsill lokali differenti f’pajjiżna?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari 21222.
MEPA - PERMESSI LIL GREEN MT
20429. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kenitx qed tmur kontra kull prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta fis-suq, meta minkejja li l-liċenzja li ġiet maħruġa lis-soċjetà Green MT Ltd inħarġet fil-25 ta' Ġunju 2010, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha, kontra dak li jsir is-soltu, tat permess lill-istess kumpanija sabiex tkopri l-obbligazzjonijiet tal-membri tagħha b’effett mill-1 ta' Jannar 2010 u sabiex tirrapporta l-attività tagħha tal-ġbir u riċiklaġġ tal-iskart fil-perjodu meta l-istess skema kienet qed topera b’mod allegatament illegali?
Jekk dan huwa minnu, ma jaħsibx li dan imur kontra l-permess innifsu għaliex fl-istess liċenzja hemm indikat li l-permess huwa validu mill-bidu tas-sena 2010 u għaldaqstant b’dan l-aġir l-istess awtorità kienet b’mod konxju qed tissanzjona attivitajiet illegali lill hinn minn proċess pubbliku u trasparenti kif qal fi stqarrija riċentement Ministru tal-Kabinett tiegħu?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari 21220.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA - PROGRAMM TA’ INVESTIMENT
20744. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-programm ta’ investiment tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u kemm hu maħsub li se jqum dan l-investiment? X’kien il-programm tal-investiment is-sena li għaddiet, x’sar minnu u x’kienet in-nefqa?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Matul l-2010 l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għamlet dan l-investiment fil-prodott turistiku:
1. Immaniġġar tal-Bajjiet (Beach Management)
Fl-2010 l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ħadet ħsieb l-immaniġġar ta’ sitt bajjiet f’Malta:
Il-Bajja ta’ San Ġorġ (Paceville): fl-2010 reġgħet ingħatat l-unur ta’ blue flag;

Buġibba Perched Beach: din il-bajja fl-2010 ingħatat l-unur ta’ blue flag għall-ewwel darba;


Il-Bajja tal-Għadira: fl-2010 din il-bajja ingħatat l-unur ta’ beach of quality;
Golden Bay: din il-bajja ingħatat l-unur ta’ beach of quality;
Font Għadir/Exiles (Sliema): proġett pilota li beda din is-sena fejn l-MTA immaniġġat għall-ewwel darba bajja bil-blat; u
Il-Ponta tal-Qawra: proġett pilota li beda din is-sena fejn l-MTA immaniġġat għall-ewwel darba bajja bil-blat.
B’kollox l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta nefqet madwar €500,000 f’immaniġġar ta’ dawn il-bajjiet. Dan l-investiment kien jinkludi:
Tisbiħ tal-prodott;
Interventi biex tiżdied l-aċċessibilita’ għall-għawwiema;
Stallazzjoni ta’ prodotti bħal reċipjenti adatti għas-separazzjoni tal-iskart u safety poles;
Sinjali informattivi;
Servizzi addizzjonali ta’ toilets fuq il-bajjiet;
Xogħlijiet ta’ rranġar u manutenzjoni;
Servizz ta’ superviżjoni tal-bajjiet;
Servizz ta’ lifeguards;
Organizzazzjoni ta’ attivitajiet;
Studji; u
Promozzjoni fuq gazzetti u mezzi oħra tal-midja oħra.
Apparti dan, l-Awtorità għenet ukoll lil Gaia Foundation billi kkontribwiet fondi biex dawn setgħu joffru servizzi ta’ lifeguards f’Għajn Tuffieħa u r-Ramla l-Ħamra f’Għawdex, għajnuna li tammonta għal aktar minn €26,000.

2. Tisbiħ tal-prodott kostali (coastal upgrading)


L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta din is-sena għamlet tliet interventi għal għawwiema u għaddasa. Wieħed sar fiż-żona ta’ Fond Għadir – Exiles (Sliema), l-ieħor f’Qawra Point (Qawra) u ieħor f’Wied iż-Żurrieq, Qrendi
Proġett - Fond Għadir sa Exiles - Intervent ta’ madwar €280,000.
Progett fil-Ponta tal-Qawra - Intervent ta’ madwar €205,000.
L-interventi kienu mmirati biex tiżdied l-aċċessibilita’ għall-għawwiema u għaddasa billi twaħħlu walkways, slielem u ġew irranġati l-passaġġi. Fiż-żewġ żoni l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta nefqet madwar €40,000 oħra fuq proġetti ta’ tisbiħ taż-żoni billi twaħħlu pjanti, sar tisbiħ tal-madwar u twaħħlu bankijiet u reċipjenti għas-separazzjoni tal-iskart.
Proġett Wied iż-Żurrieq: Intervent ta’ madwar €150,000. L-interventi kienu mmirati biex tiżdied l-aċċessibilità għall-għawwiema u għaddasa billi twaħħlu slielem għall-ghaddasa, twaħħlu railings, dwal, reċipjenti għall-iskart u ġew irranġati l-passaġġi.
3. Proġetti f’żoni rurali (rural tourism)
Fl-2010 il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali approva proġett taħt il-fondi rurali tal-Unjoni Ewropea (EAFRD) għal tisbiħ f’żoni rurali. Dan il-proġett għandu valur ta’ €1.6 miljun (VAT eskluża).
B’dan il-proġett, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta se tinvesti f’numru ta’ mixjiet rurali li jkopru l-parti mix-Xlokk għal-Lbiċ ta’ Malta. Barra minn hekk, se jsiru wkoll numru ta’ interventi infrastrutturali bil-għan li dawn il- postijiet ikunu iktar accessibbli għall-pubbliku. Ftit mil-lokalitajiet li fihom se jsiru interventi huma Marsaskala, Marsaxlokk, is-Siġġiewi, il-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal Safi, il-Baħrija, l-Imtaħleb, il-Girgenti u Ħad-Dingli
Apparti dan, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta se tkun qed terga’ tinvesti f’numru ta’ mixjiet li kienu ġew varati fl-2002. Dawn il-mixjiet ikopru parti sostanzjali minn Malta u xi mixjiet f’Għawdex.
4. Diving Master Plan
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta se tkompli tinvesti fil-prodott kostali u marittimu għax temmen fil-potenzjal ta’ dan il-proġett. Matul din is-sena tlesta l-proġett ta’ tisbiħ f’Wied iż-Żurrieq, proġett ta’ madwar €150,000 li kien jinkludi titjib fl-aċċessibilità għal fuq ix-xatt u għal ġol-baħar kemm għall-għawwiema kif ukoll għall-għaddasa, fil-waqt li ġiet irranġata l-infrastruttura użata mill-operaturi li joffru servizz bid-dgħajjes, u sar ukoll tisbiħ fiż-żona tal-madwar.
Apparti dan bħalissa qed isir id-Diving Master Plan għal Malta. Dan għandu jagħti stampa ċara tal-prodott tal-għadds f’Malta kif ukoll jagħti suġġerimenti għat-titjib li għandu bżonn isir. Dan il-proġett se jiswa madwar €31,000
5. Tourism Zone Upgrade with Landscaped Urban Spaces and other Facilities (ERDF 033)LITIES
Bħalissa l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qed timplimenta l-proġett ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea. B’dan il-proġett se jsiru dawn l-interventi:
Bini ta’ akwarju pubbliku b’valur ta’ aktar minn €7.5 miljun;
Bini ta’ ġnien pubbliku f’Pembroke b’valur ta’ madwar €2.1 miljun;
Ħolqien ta’ cycle track li tgħaqqad lil Pembroke mal-Madliena b’valur ta’ madwar €600,000;
Restawr tat-Torri tal-Madliena b’valur ta’ madwar €155,000; u
Tisbiħ tal-promenade ta’ San Pawl u l-kreazzjoni ta’ cantilevered gallery b’valur ta’ madwar €1.6 miljun.
Ħafna minn dawn is-sejħiet għall-offerti għalqu u l-offerti ġew magħżula, filwaqt li xi sejħiet oħrajn qegħdin fil-fażi finali tal-proċess. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew sal-aħħar tas-sena.

6. Beach Replenishment


L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta bħalissa għaddejja fuq proġett ta’ tkabbir (replenishment) ta’ bajja artifiċjali fix-Xemxija. Il-proġett li beda aktar kmieni din is-sena, għadu fil-bidu tiegħu. S’issa l-MTA diġà ħallset aktar minn €35,000 fi studji preliminari filwaqt li se tkun qed talloka madwar €120,000 fi studji oħra li għandhom janalizzaw l-istabilità tal-bajja u jiddeterminaw jekk il-bajja tistax issir u l-materjal li għandu jiġi użat.
7. Investiment f’lokalitajiet turistiċi
Matul l-2010, l-Awtorità qed tagħmel aktar minn €29,000 f’investiment f’żoni rurali. Dan jinkludi interventi f’uħud minn dawn il-lokalitajiet:
Malta: il-Birgu; Bormla; il-Mellieħa; San Ġiljan; San Pawl il-Baħar; u l-Belt Valletta.
Għawdex: Marsalforn; l-Għarb; Ħondoq ir-Rummien; Wied il-Għasri; u bajjiet diversi.
8. Matul l-2011
Għall-2011 l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qed tippjana li talloka ftit inqas minn €2 miljuni biex tkompli tinvesti fil-prodott turistiku. Dan l-investiment jinkludi:
Immaniġġar tal-bajjiet;
Studji biex isiru aktar bajjiet artifiċjali;
Proġett pilota tal-immaniġġar taċ-ċentri turistiċi (town centre management);
Jitkomplew l-implimentazzjoni ta’ proġetti żgħar f’żoni turistiċi bil-għan li ngħinu lill-kunsilli lokali u komunitajiet tal-post biex isebbħu aktar il-prodott turistiku tagħhom;
Twettiq ta’ tisbiħ tal-prodott turistiku u żieda fl-aċċessibilità f’żoni turistiċi u l-kosta ta’ Malta u Għawdex; u
Bidu tal-implimentazzjoni tar-rakkmandazzjonijiet li joħorġu mid-Diving Master Plan.
Barra minn dan, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkun qed tkompli l-implimentazzjoni tal-proġett ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea (EAFRD – tourism zone upgrading with landscaped urban spaces and other facilities b’valur ta’ €14,574,180 – VAT inkluża, u dak mill-EAFRD – Malta Goes Rural – proġett ta’ tisbiħ f’żoni rurali b’valur ta’ €1,888,000 VAT inkluża).

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA – SPONSORSHIP TA’ TIM TAL-FUTBOL BARRANI
20747. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk f’dan l-istaġun tal-futbol l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta hix qed tisponsorja lil xi tim barrani fil-kampjonati nazzjonali tal-Ingilterra, tal-Italja jew ta’ x’imkien ieħor? Jekk fl-affermattiv, liema hu t-tim li qed jiġi sponsorjat u fiex jikkonsisti dan l-isponsorship?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ser tkompli bl-isponsorship tat-tim Sheffield United skont il-kuntratt li ġie ffirmat f’Awwissu 2008 liema kuntratt jagħlaq fl-aħħar ta’ dan l-istaġun.
L-isponsorship jinkludi:
Logo ta’ VisitMalta.com fuq il-flokkijiet tal-players;
Branding komplet fuq l-istands – Il-bandiera ta’ Malta u riklami fuq billboards;
Filmati ta’ Malta fuq screen kbir (LCD) li jintwerew live fil-grawnd matul il-logħbiet; u
Ospitalità professjonali bis-saħħa ta’ liema l-Awtorità tkun qed tilqa’ mistednin, fosthom membri nazzjonali u reġjonali tal-midja, operaturi tal-ivvjaġġar u aġenti tas-safar.
F’dawn l-aħħar sentejn, Sheffield United Football Club organizzaw it-tħejjija tagħhom ta’ qabel l-istaġun matul ix-xhur tas-Sajf f’Malta u dan sarraf f’wasla ta’ aktar minn ħames mitt supporter ta’ Sheffield United fil-gżejjer tagħna. Malta gawdiet ukoll minn riklam tajjeb f’pajjiżi bħall-Awstralja, iċ-Ċina, l-Ungerija kif ukoll l-Istati Uniti permezz tal-proprjetarji tal-Klabb Ingliż kif ukoll permezz tal-klabbs oħra li huma affiljati magħhom.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA - PROĠETTI
20761. L-ONOR. DAVID AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi proġetti għandha l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta llum għal San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra? Fiex jikkonsistu dawn il-proġetti? Meta bdew jitwettqu u meta hu maħsub li jitlestew? Kemm hu maħsub li se jqum kull proġett? Ladarba l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta tlesti dawn il-proġetti għandhiex il-ħsieb ta’ proġetti oħra għall-inħawi tal-Gżira, Tas-Sliema u San Ġiljan, għall-inħawi tal-Kottonera u għall-inħawi ta’ Wied il-Għajn u Birżebbuġa?
ONOR. LAWRENCE GONZI: B’referenza għax-xogħlijet li saru jew qed isiru f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għadha kif lestiet proġett ta’ tisbiħ fil-Ponta tal-Qawra. Dan l-intervent ta’ madwar €205,000 kien immirat biex tiżdied l-aċċessibilità għall-għawwiema u għaddasa billi twaħħlu walkways, slielem u ġew irranġati l-passaġġi. L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta nefqet ukoll madwar €20,000 oħra fuq proġetti ta’ tisbiħ tal-madwar, billi twaħħlu pjanti, bankijiet u reċipjenti għas-separazzjoni tal-iskart.
Barra minn dan il-proġett, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta bħalissa qed timplimenta proġett ieħor fiż-żona tal-Qawra u ta’ San Pawl il-Baħar. Il-proġett hu ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea. B’dan il-proġett se jsiru dawn l-interventi:
Bini ta’ akwarju pubbliku ġewwa l-Qawra b’valur ta’ aktar minn €7.5 miljun;
Tisbiħ tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar u l-kreazzjoni ta’ cantilevered gallery b’valur ta’ madwar €1.6 miljun.
Interventi oħra li jifformaw parti minn dan il-proġett se jsiru fin-naħa ta’ Pembroke u jinkludu:
Bini ta’ ġnien pubbliku f’Pembroke b’valur ta’ madwar €2.1 miljun;
Ħolqien ta’ cycle track li tgħaqqad lil Pembroke mal-Madliena b’valur ta’ madwar €600,000; u
Restawr tat-Torri tal-Madliena b’valur ta’ madwar €155,000.

Ħafna minn dawn is-sejħiet għall-offerti għalqu u l-offerti ġew magħżula, filwaqt li ftit oħrajn qegħdin fil-fażi finali tal-proċess. Xi xogħlijiet mistennija jibdew sal-aħħar tas-sena.



Xogħlijiet li saru f’Tas-Sliema u fl-akwati.
Apparti x-xogħlijiet ippjanati għaż-żona ta’ Pembroke (imsemmija aktar ‘il fuq), ġo Tas-Sliema, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta din is-sena wettqet proġett ta’ madwar €280,000 li wkoll kien immirat biex tiżdied l-aċċessibilità għall-għawwiema u għaddasa billi twaħħlu walkways, slielem u ranġar ta’ passaġġi. L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta nefqet ukoll madwar €20,000 oħra fuq proġetti ta’ tisbiħ taż-żona billi twaħħlu pjanti, twaħħlu bankijiet u reċipjenti għas-separazzjoni tal-iskart.
Dan barra minn nefqiet żgħar oħra biex jiġu rranġati xi affarijiet f’żoni li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Għar-rigward ta’ proġetti maħsuba għall-futur, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta dejjem taħdem biex ittejjeb il-lokalitajiet kollha. Fost il-proġetti ppjanati hemm il-kontinwazzjoni tal-promenade ta’ Paceville (magħruf bħala l-Golden Mile), kif ukoll titjib f’żoni rurali.
Fl-2010 l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali approva proġett taħt il-fondi rurali tal-Unjoni Ewropea (EAFRD) għal tisbiħ f’żoni rurali. Dan il-proġett għandu valur ta’ €1.6 miljun (VAT eskluża).
B’dan il proġett l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tinvesti f’numru ta’ mixjiet rurali li jkopru l-parti mix-Xlokk għal-Lbiċ ta’ Malta. Barra minn hekk, se jsiru wkoll numru ta’ interventi infrastrutturali bil-għan li dawn il-postijiet ikunu iktar aċċessibbli għall-pubbliku. Ftit mil-lokalitajiet li fihom se jsiru interventi huma: Marsaskala, Marsaxlokk, is-Siġġiewi, il-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal-Safi, il-Baħrija, l-Imtaħleb, il-Girgenti, Ħad-Dingli.
Apparti dan, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta se tkun qed terġa’ tinvesti f’numru ta’ mixjiet li kienu ġew varati fl-2002. Dawn il-mixjiet ikopru parti sostanzjali minn Malta u xi mixjiet f’Għawdex.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA - TURIŻMU MIR-RUSSJA
20832. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għandhiex pjanijiet sabiex tattira turisti mir-Russja? Jekk iva, x'qed isir? Jekk le, qed tħejji xi pjanijiet ta’ proġetti?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li s-suq turistiku Russu huwa wieħed rilevanti għal Malta. Fil-fatt fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena r-Russja ġġenerat 19,123 turist, żieda ta’ 29.3% fuq l-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra. Mil-lat ta’ volum, ir-Russja hija l-ħdax -il suq l-aktar voluminuż għal Malta u fost l-akbar mis-swieq li mhumiex fl-Unjoni Ewropea.
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta twettaq marketing plan wiesa’ fis-suq Russu li jinkludi reklamar, programm ta’ relazzjonijiet pubbliċi, attivitajiet promozzjonali, parteċipazzjoni f’fieri, kif ukoll promozzjoni konġunta mal-operaturi tal-ivjaġġar.
Għar-reklamar, matul l-2010 kien hemm budget li ntuża l-aktar f’riklami full page fil-midja stampata kif ukoll fuq l-internet li attiraw madwar 33% tal-budget tar-reklamar. Ġeneralment ma’ dan ir-reklamar ġew negozjati wkoll paġni addizzjonali ta’ informazzjoni jew banner adverts li nkisbu b’xejn b’kumpens għar-reklamar li jkun sar.
Apparti r-reklamar, twettaq ukoll programm sħiħ ta’ relazzjonijiet pubbliċi fuq it-televiżjoni u l-istampa. Matul din is-sena nġiebu 26 ġurnalist Russu lejn Malta. Tintbagħat ukoll medja ta’ press release fix-xahar lill-midja Russa.
Isiru wkoll attivitajiet promozzjonali. Fost dawn ta’ min isemmi bħala eżempji s-celebrity endorsement li sar mal-OK! Magazine f’Ġunju kif ukoll receptions għal operaturi u ġurnalisti f’Moska u San Pietruburgu. Dawn l-attivitajiet jirriżultaw f’viżibilita’ qawwija u pożittiva għal Malta.
Ir-rappreżentanza tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fir-Russja tipparteċipa wkoll f’numru sostanzjali ta’ fieri fir-Russja u pajjiżi oħra fir-reġjun. Il-lista kompleta tinsab fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Tingħata wkoll importanza kbira lir-relazzjoni mal-operaturi tal-ivjaġġar permezz ta’ numru ta’ attivitajiet promozzjonali.
Fost dawn ta’ min isemmi reklamar fuq it-Tourism and Leisure Magazine kważi kull ġimgħa li huwa ko-finanzjat bejn l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u operaturi differenti. Apparti dan, dawk l-operaturi li jaħdmu b’impenn mat-titjiriet tal-Air Malta jingħataw viżibilità addizzjonali fuq ir-reklamar li jsir.
Ngħinu wkoll lill-operaturi billi nippubbliċizzaw l-offerti tagħhom permezz tas-sit eletroniku www.maltahit.ru. Isir workshop għall-operaturi fi Frar, kif ukoll jitħallew jipparteċipaw b’xejn f’numru ta’ fieri.

KUNSILLI LOKALI - SISTEMI TAL-INFORMATIKA TAL-CUSTOMER CARE
20925. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema mod din is-sena tjiebu s-sistemi tal-informatika tal-customer care biex il-pubbliku jinqeda aħjar fil-kunsilli lokali?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 21420.

KUNSILLI LOKALI - MULTI MHUX MIĠBURA
21044. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx kunsilli li għandhom multi mhux miġbura li t-Tribunali Lokali ddeċieda favur tagħhom? Liema huma dawn il-kunsilli? X'inhu l-ammont tal-multi mhux miġbura ta' kull kunsill lokali sena b'sena minn mindu waqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali?
Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin