Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə8/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

BERĠA TAL-ITALJA – SPIŻA FUQ IS-SIĠRA TAL-MILIED
22810. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swiet is-siġra tal-Milied, bl-armar b'kollox, li ġiet armata fid-daħla tal-Berġa tal-Italja, jiġifieri fejn hemm l-uffiċini tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li s-siġra tal-Milied li qed issir referenza għaliha hi l-istess siġra li ntużat fis-sala tal-Mediterran għall-Konferenzi waqt il-Concerto di Natale u li sussegwentement intramat fil-Berġa tal-Italja minflok intremiet.
Id-dekorazzjonijiet għal din is-siġra swew €337.79 u dawn ġew merfugħa biex jintużaw is-sena d-dieħla.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA - TIPJIP FL-UFFIĊINI
22811. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni għal Promozzjoni tas-Saħħa tafx li uffiċjali għoljin fl-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jpejpu fl-uffiċini tal-impjegati tal-istess Awtorità? Jekk taf, x'passi ħadet?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Ninsab infurmat li l-infurzar tal-liġi li tipprojbixxi t-tipjip fuq il-postijiet tax-xogħol hija r-responsabbiltà tal-istess intrapriża. F’każijiet bħal dawn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jew il-pulizija jidħlu biss meta jkun hemm xi rapport formali ta’ ksur tal-liġi. Ninsab infurmat li d-Direttorat ma rċieva l-ebda rapport ta’ din in-natura.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA - LISTA TA' DIRETTURI, SENIOR MANAGERS U MANAGERS
22814. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-diretturi, senior managers u managers u x-xogħol fil-kompitu tagħhom fi ħdan l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Jista' jgħid x'inhuma s-salarji tagħhom, kif ukoll fringe benefits u allowances?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA - PROMOZZJONIJIET LILL-IMPJEGATI
22815. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid xi promozzjonijiet ingħataw lill-impjegati tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mis-sena 2008 sal-lum, skont id-dati ta' meta ngħataw, il-karigi, l-impjegati partikolari u r-raġuni għalxiex ingħataw?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’ xi seduta ohra

KUNĊERT TAL-MTV
22816. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunċert tal-MTV hux se jerġa' jittella' din is-sena? Jekk se jittella', kemm se jiġi jiswa? Kemm swew il-kunċerti li ttellgħu fis-snin li għaddew, wieħed wieħed, skont is-sena? Jista' jgħid x'riżultat inkiseb għan-nefqa li saret? Kif ġie kkalkulat ir-riżultat?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

KUMMISSJONI DWAR IL-VJOLENZA DOMESTIKA - STUDJU TA’ PREVALENZA
22817. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Istudju ta’ Prevalenza li ġie varat f'Dicembru 2010 waqt seminar organizzat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika?

ONOR. DOLORES CRISTINA: L-Istudju ta’ Prevalenza ġie varat f’seminar organizzat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika f’Diċembru 2010. Ir-rapport finali se jiġi ppubblikat dalwaqt.

EŻENZJONI MINN ĦLAS TA’ TAXXA FUQ IL-QLIGĦ LIN-NISA LI KELLHOM TARBIJA U RRITORNAW GĦAX-XOGĦOL
22818. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' nisa li għamlu użu mill-inċentiv ta' sena bla ħlas ta' taxxa fuq il-qligħ wara li kellhom tarbija u reġgħu lura għax-xogħol sena b'sena sa Dicembru 2010?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nisa li għamlu użu mill-inċentiv ta’ sena bla ħlas ta’ taxxa fuq il-qligħ jew tnaqqis fit-taxxa wara li kellhom tarbija u reġgħu lura għax-xogħol jammonta għal 5,227, jigifieri 2,207 fl-2008 (sena ta’ stima 2009) u 3,020 fl-2009 (sena ta’ stima 2010). Mhux possibbli tingħata tweġiba dwar is-sena bażi 2010 minħabba li l-informazzjoni dwar is-sena bażi 2010 għad baqgħalha biex tidħol fid-Dipartiment.
Minbarra dawn kien hemm 2,294 mara oħra li gawdew mill-inċentiv meta daħlu lura għax-xogħol avolja ma kellhomx tfal.

RAPPORTI TA' VJOLENZA DOMESTIKA
22819. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' vjolenza domestika s-sena l-oħra? Jista' jgħid kemm-il aggressur f'dawn il-każijiet ġew arrestati u kemm minnhom instabu ħatja?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li matul is-sena l-oħra l-Pulizija ressqet 682 każ ta' vjolenza domestika quddiem il-Qorti tal-Familja, filwaqt li kien hemm 98 każ li ġie deċiż u misjuba ħatja.
ENEMALTA - PROĠETT TAL-MINA TAL-KAPPARA/SWIEQI/SAN ĠILJAN
22820. L-ONOR. HELENA DALLI staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid meta l-mina (tunnel) tal-Korporazzjoni Enemalta (Kappara/Swieqi/San Ġiljan) hija proġettata li tkun lesta? Jista' jgħid jekk ix-xogħol fuqha hux qiegħed fil-ħin u skont il-budget imfassal fl-offerta?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mina hija ppjanata li tkun lesta sa Mejju tal-2012. Se titlesta f’żewġ fażijiet li jieħdu sena kull wieħed. Il-kuntrattur qiegħed ftit tard fuq l-ewwel fażi minħabba xi diffikultajiet li ltaqa’ magħhom fil-ġeoloġija tal-ġebla u minħabba xi infiltrazzjoni ta’ drenaġġ. Ġie mqabbad espert biex jagħti pariri ta’ x’jista’ jsir biex jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet. Ix-xogħlijiet qed jitlestew skont il-kuntratt u l-unika spiża żejda li kellha tiġi mħallsa s’issa hija l-ispiża tal-espert tal-Ġeoloġija.

AWTORITÀ TAT-TURIŻMU TA’ MALTA – KUMPANIJA MEDIA CONSULTA
22821. L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kumpanija Media Consulta ingħatatx xi xogħol matul is-sena 2010 mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, x'inhu x-xogħol li ngħatat u kemm tħallset biex għamlet dan ix-xogħol?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

KORPORAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TAL-ILMA - ĦADDIEMA
22825. L-ONOR. MARLENE PULLICINO staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Wara d-diskussjoni li saret waqt is-seminar li sar fil-bini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ħal-Luqa, bit-tema Strategic Plan 2011, nhar il-11 ta' Jannar 2011, jista' l-Ministru jiċċara fuq liema kriterji se jiġi deċiż il-mertu li jiddetermina min iżomm l-impjieg attwali, jew le, fir-ristrutturar li ssemma? Meta huwa previst li tiġi finalizzata l-privatizzazzjoni tad-Diviżjoni tal-Petroleum u x'se jiġri mill-ħaddiema?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-seminar li qed tirreferi għalih sar għall-managers, assistant managers u kapijiet ta’ dipartimenti tal-korporazzjoni fil-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Dan is-seminar tratta l-istrateġija tal-korporazzjoni għal din is-sena, preżentazzjoni mill-managers rispettivi dwar il-ħidma fl-2010 u x’hemm ippjanat għall-2011, u diskussjoni dwar il-valuri bażi tal-korporazzjoni.
Fir-rigward tal-privatizzazzjoni tad-Diviżjoni tal-Petroleum dan il-proċess għadu għaddej. Huwa l-pjan li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Petroleum tal-Korporazzjoni Enemalta jiġu ngaġġati mill-kumpanija li tieħu l-konċessjoni.

MARSA POWER STATION - WAQFIEN TAL-OPERAT
22826. L-ONOR. MARLENE PULLICINO staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Fil-każ tal-power station tal-Marsa, jista' l-Ministru jgħid kemm fadal mis-sigħat miftehma mal-Unjoni Ewropea qabel ma din tieqaf topera? Meta tieqaf topera l-power station tal-Marsa, l-impjant il-ġdid ta' Delimara se jkun qiegħed jopera? L-impjant ta' Delimara bl-estensjoni b'kollox se jkopri d-domanda? Fil-każ li l-perjodu permessibbli biex il-power station tal-Marsa tibqa' topera jagħlaq u l-estensjoni tal-impjant ta' Delimara ma tkunx lesta, jeżisti pjan ta’ kontinġenza? X'inhu dan il- pjan ta’ kontinġenza? Meta huwa previst li jkun qed jiffunzjona u jintuża l-interconnector?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-politika tal-Gvern hija dik li jinvesti fl-estensjoni tal-power station f’Delimara u f’interconnector ma' Sqallija biex jingħaqad mal-qafas Ewropew. B’hekk isaħħaħ il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-energija ta' pajjiżna minn dik eżistenti. Dan bil-għan li jgħin fit-tkabbir ekonomiku u l-kompettività ta’ pajjiżna, filwaqt li jiggarantixxi ambjent ta’ kwalità aħjar.
Dan il-proċess iwassal għall-għeluq tal-power station tal-Marsa. Il-proċess ta’ transizzjoni għadu qed jiġi definit fuq bażi tal-progress fix-xogħlijiet tal-istess estensjoni u l-interconnector.

KSI/ENEMALTA – FTEHIM RIGWARD L-OPERAT TA’ ARMS LTD.
22831. L-ONOR. MARLENE PULLICINO staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ftehim jeżisti bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Korporazzjoni Enemalta u l-ARMS Ltd fir-rigward tal-operat tal-ARMS Ltd? X'tip ta' funzjonijiet li preżentament jappartjenu għall-Korporazzjoni Enemalta se jgħaddu f'idejn l-ARMS Ltd? Il-ħaddiema , x'se jiġri minnhom?
ONOR. TONIO FENECH: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri 20167 u 21114.

INTEGRATED UTILITIES BUSINESS SYSTEM
22832. L-ONOR. MARLENE PULLICINO staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-Integrated Utilities Business System, min qiegħed jerfa' r-responsabbiltà u huwa accountable għall-avvanz tal-proġett?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-programme management qed jiġi implimentat mill-IBM u mill-Malta Information Technology Agency (MITA). L-immaniġġjar ta’ kull proġett li jaqa’ taħt dan il-programm huwa mmexxi minn managers tal-IBM flimkien ma’ managers lokali mill-korporazzjonijiet u l-managers fl-ARMS Ltd biex jiżguraw kontinwita għal quddiem. Din l-istruttura topera taħt is-sorveljanza ta’ Steering Committee kompost mill-Kapijiet Eżekuttivi tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tal-ARMS Ltd.

ENEMALTA - SISTEMA TAL-SAP
22833. L-ONOR. MARLENE PULLICINO staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Sentejn wara li daħal l-SAP fil-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jelenka l-benefiċċji li ggwadanjajna minn dan l-investiment?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tal-proġett SAP beda sena ilu, jiġifieri f’Jannar tal-2010, u mhux sentejn ilu kif indikat fil-mistoqsija tal-istess Onor. Interpellant. B’din il-bidla, u allura permezz tal-introduzzjoni tal-SAP, il-Korporazzjoni Enemalta għaddiet minn proċess delikat u intensiv, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li fl-aħħar 30 sena ma kenux saru tibdiliet fil-proċessi amministrattivi. Il-benefiċċji ta’ din is-sistema li qed tbiddel il-proċessi mill-qiegħ, jistgħu jiġu klassifikati fi tliet oqsma ewlenin:
Is-SAP tippermetti lill-Enemalta li jkollha numri ta’ proċessi u proċeduri awtomizzati u livell ogħla ta’ kontroll. Fost dawn il-proċessi nsibu dawk tal-procurement, budgeting, stores management u funds management;
is-SAP huwa Enterprise Resource Planning Software li jintegra kull aspett ta’ informazzjoni u proċessi fl-Enemalta. Din qed tippermetti li sistemi differenti, bħal per eżempju l-finanzi, procurement u stock movements, jiġu aġġornati f’ħin reali. Dan iwassal għal management accounts li jsiru fil-ħin b’azzjoni korrettiva tittieħed mingħajr dewmien fejn ikun meħtieġ; u
is-SAP twassal lill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta biex jagħmlu użu minn uniformità ta’ proċessi u proċeduri fix-xogħol tagħhom u b’hekk dan iwassal għall-konsolidament tal-proċessi kollha, minbarra li l-Korporazzjoni tgawdi minn flessibilità li dawn jistgħu jadattaw jekk dan ikun meħtieg, fl-aħjar interess tal-konsumatur.

SKEJJEL SEKONDARJI - KOTBA ĊĊENSURATI
22835. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-kotba tal-awtur Malti magħruf Mario Azzopardi ġew iċċensurati mill-iskejjel sekondarji? Xi kriterji jintużaw f'deċiżjonijiet bħal dawn?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-kotba ta’ Mario Azzopardi, bħal kull ktieb ieħor ippubblikat, jiġu klassifikati fuq il-bażi ta’ tliet kriterji li jinsabu fil-Manual for School Librarians stampat mid-Dipartiment Servizzi għall-Istudenti fl-2006, kif ukoll ċirkularijiet li ħarġu wara.
Il-kriterji li jintużaw s’issa f’deċiżjonijiet bħal dawn huma:

jekk il-ktieb hux adattat għall-età tal-istudenti;


jekk il-ktieb hux adattat għas-sess maskil jew femminil tal-istudenti; u
jekk il-ktieb hux adattat bħala suġġett li jkun fi skola.

KARTI TAL-IDENTITÀ - SKADENZA
22836. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern għal darb'oħra reġa' ħareġ avviż legali ftit tal-jiem ilu li bis-saħħa tiegħu implimenta fictio iuris li bis-saħħa tagħha, l-karti tal-identità skaduti ġew validati sal-aħħar ta' Diċembru ta' din is-sena? Jaħsibx li miżura bħal din m'għandhiex mis-sewwa tenut kont id-dettal kbir li jidħlu fih kemm il-Kostituzzjoni tagħna kif ukoll l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali biex jassiguraw proċess elettorali trasparenti u nadif?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li billi l-avviż legali preċedenti rigward il-validità tal-karti tal-identità (A.L. 28/2010) stabbilixxa l-31 ta’ Diċembru 2010, bħala d-data estiża tal-validità tal-karti tal-identità li skadew u billi l-proċess tal-bdil ġenerali għall-karti tal-identità l-ġodda mistenni jibda fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u mistenni jieħu madwar 12-il xahar, ħareġ l-avviż legali indikat (A.L. 1/2011) li l-iskop tiegħu hu biss li jissana l-validità ta’ karti tal-identità li jiskadu qabel l-aħħar ta’ din is-sena, billi jawtorizza l-validità tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2011.

PERSUNI MINURI MIŻMUMA L-ĦABS
22837. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna fil-ħabsijiet tagħna rġiel u nisa taħt l-età ta' 18-il sena? F'kull każ, kemm hi l-età tagħhom? F'kull każ, f'liema parti tal-ħabs huma miżmumin dawn il-ħabsin?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat illi sal-24 ta' Jannar ta' din is-sena, fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien hemm ħames persuni taħt it 18-il sena, li huma kollha rġiel, wieħed ta' 16-il sena li qiegħed miżmum fil-Taqsima tal-Forensika, tnejn ta' 17-il sena u tnejn ta' 18-il sena li qegħdin miżmuma fil-YOURS.
SKEJJEL SEKONDARJI – KOTBA ĊĊENSURATI
22838. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tipprova tikkonvinċi lill-Kamra tar-Rappreżentati għaliex huwa tajjeb dak li għamel il-gvern meta numru ta' kotba ta' valur imprezzabbli, inkluż Candide ta' Voltaire, Silġ fuq Kemmuna u Kwart ta' Mija ta' Alfred Sant, Meta jdellel il-Qamar ta' Lino Spiteri, Lady Chatterley's Lover u Women in Love ta' DH Lawrence u Jum it-Tama ta' Patri Wistin Born ġew imċaħħda milli jidħlu fil-libreriji tal-iskejjel sekondarji tagħna?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Napprezza ħafna kieku l-Onor. Interpellant ma jippruvax jippolitiċizza kulma jiġri f’dan il-pajjiż meta jaf tajjeb li l-gvern qatt ma ta, u qatt mhu se jagħti direzzjoni li l-istudenti tagħna jkunu mċaħħda minn kotba ta’ valur litterarju imprezzabbli.
Bħalissa s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kotba fl-iskejjel sekondarji qiegħda tiġi evalwata minn grupp ta’ nies appuntati mill-Ministeru tiegħi. Dan il-grupp għandu jwassal ir-rakkmandazzjonijiet tiegħu fi żmien qasir. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-libreriji tal-iskejjel sekondarji tagħna jidħlu minorenni ta’ bejn il-11 u s-16-il sena.

PUBLIC BROADCASTING SERVICES - TWAQQIF TA' PROGRAMM SATIRIKU
22839. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-programm satiriku VIP Xow tal-kummidjanti popolari Zoo tneħħa kompletament mill-iskeda tal-programmi tal-Public Broadcasting Services?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Kif intqal pubblikament mill-PBS, il-programm VIP Xow twaqqaf minħabba l-aġir tal-producers li naqsu milli jiltaqgħu mal-Bord Editorjali diversi drabi, taw prodott mhux ta’ kwalità tajba biżżejjed għall-istazzjon nazzjonali u minħabba l-kontenut tal-programm mogħti għax-xandira tat-3 ta’ Jannar 2011, li espona lill-PBS għal konsegwenzi legali minħabba disprezz lejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

PULIZIJA - STRIP SEARCH FUQ PERSUNI ARRESTATI
22847. L-ONOR. OWEN BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid f'liema ċirkostanzi persuni arrestati fil-perkors ta' investigazzjoni jistgħu jiġu mneżżgħin kompletament biex issir tfittxija fuq il-persuna tagħhom (strip-search)? Huwa minnu li kunsillier jew għadd ta' kunsilliera li jifformaw parti mill-gvern lokali ta' Tas-Sliema ġew strip searched fil-kwartieri ġenerali tal-Furjana skont kif rapportat fil-ġurnal Malta Today tas-16 ta' Jannar, 2011 wara li ġew arrestati fuq suspett ta' reat relattivament minuri (użu ħażin ta' laptop tal-kunsill)? Jekk huwa minnu, għaliex sar dan?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kapitlu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta, fl-artiklu 65(2) jistabbilixxi li l-uffiċjal tal-kustodja jista’ jaqbad kull ħaġa, inkluż ilbies jew affarijiet personali li jkunu fuq il-persuna arrestata jekk ikollu tassew għaliex jissuspetta li dik il-ħaġa tkun prova dwar xi reat jew jekk jidhirlu li tista’ tintuża minn dik il-persuna biex tikkaġuna danni fiżiċi lilha nfisha jew lil ħaddieħor jew li tagħmel ħsara lill-proprjetà jew li tfixkel il-provi jew li tagħmilha iktar faċli li taħrab. Sabiex dan jista’ fiżikament isir, il-proċedura li tiġi segwita mill-pulizija hija dik li ssir tfittxija fuq il-persuna li tkun ser tinżamm fil-lock up tal-pulizija. Dan isir prinċipalment sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm xejn fuq il-persuna li tkun se tiġi miżmuma fil-lock up u fil-kustodja tal-pulizija li biha tista’ tweġġa’ lilha nnifisha jew lill-uffiċjali. Irid jingħad li din it-tfittxija ssir fil-privatezza ta’ kamra dedikata għal dan il-għan.

PERSUNI DIJABETIĊI – GĦOTI TA’ INSULINA LANTUS SOLOSTAR
22870. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni dijabetiċi li jkollhom il-kartuna r-roża għandhomx dritt għall-insulina Lantus Solostar u jekk il-gvern iġibx minnha?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li l-insulina glargine (Lantus®) tinsab fil-Formularju tal-Gvern u tingħata b’xejn lil dijabetiċi Tip I li għandhom il-kartuna r-roża, flimkien mal-pinen Autopen®24 jew Clickstar®.
HAŻ-ŻEBBUĠ - SERQ MINN STABBILIMENTI KUMMERĊJALI
22872. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rappurtati serqiet minn ħwienet u stabbilimenti kummerċjali li jaqgħu fil-konfini ta’ Ħaż-Żebbuġ? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar għas-snin 2008, 2009 u 2010?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Inerpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

ĦAŻ-ŻEBBUĠ - SERQ MINN RESIDENZI
22873. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rappurtati serqiet minn residenzi li jaqgħu fil-konfini ta' Ħaż-Żebbuġ? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar għas-snin 2008, 2009 u 2010?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

ĦAŻ-ŻEBBUĠ – SKEMA TAL-ISPIŻERIJA TAL-GĦAŻLA TIEGĦEK
22874. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jassigura li s-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jibda jitħaddem kemm jista' jkun malajr fil-lokalità ta' Ħaż-Żebbug ukoll?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Kif tħabbar uffiċjalment f’Marzu li għadda, l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se tkompli tiġi estiża fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex kollha. Il-pjan hu li l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek tkun infirxet ma’ kullimkien sal-aħħar tal-2012.

TAXXI FUQ ID-DĦUL U TAXXI FUQ IL-VALUR MIŻJUD
22875. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret (i) taxxa tad-dħul u (ii) taxxa fuq il-valur miżjud minn Għawdex fl-2009 u fl-2010?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-taxxa tad-dħul li nġabret minn Għawdex fl-2009 tammonta għal €19.2 miljun; u għall-2010 tammonta għal €14 miljun. Rigward l-2010, wieħed irid jgħid li dan l-ammont ma jinkludix l-FSS imħallsa mill-impjegati tal-gvern minħabba li l-proċess li jiġbor l-informazzjoni kollha mill-formoli tal-FSS għadu mhux finalizzat.
L-ammont ta’ taxxa fuq il-valur miżjud miġbur minn Għawdex fl-2009 u fl-2010 kien ta’ €10.9 miljun u €12-il miljun, rispettivament.

GĦAWDEX - ĊENTRU GĦALL-VIŻITATURI FIL-ĠGANTIJA
22876. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar s’issa kull sena mill-2008 sal-lum fuq l-iżvilupp ta’ ċentru għall-viżitaturi u fuq titjib ġenerali taż-żona tal-Ġgantija? Kemm kienet in-nefqa fuq kull item ta’ xogħol, eċċ, li sar?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Il-Ftehim għal Għotja ta’ Fondi għall-proġett ko-finanzjat mill-Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF032 – Archaeological Heritage Conservation Project), li jinvolvi xogħol fuq it-Tempji tal-Ġgantija, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien u l-Katakombi ta’ San Pawl, b’valur ta’ €9.2miljun, kien iffirmat fil-5 ta’ Mejju 2009. Tul l-2008 saru t-tħejjijiet għal diversi sejħiet ta’ offerti għax-xogħlijiet u studji msemmija fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Għal dak li jirrigwardja l-Ġgantija, matul l-2009 x-xogħol iffoka fuq ix-xiri ta’ proprjetà privata fiż-żona tal-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, sabiex is-sit magħżul għall-bini taċ-Ċentru tal-Viżitaturi jkun jista’ jingħaqad mat-Tempju nnifsu. Barra minn hekk, is-sit li fuqu se jinbena ċ-ċentru tal-viżitaturi ġie mdawwar b’ċint sabiex ikun jistgħu jibdew skavi arkeoloġiċi fis-sit biex b’hekk jiġi stabbilit jekk hemmx fdalijiet arkeoloġiċi. Irriżulta li s-sit jista’ jiġi żviluppat.
Fl-2009 ġie organizzat ukoll konkors ta’ disinn li għalih kien hemm 13-il sottomissjoni. Permezz ta’ dan il-konkors intgħażel id-disinn (u l-perit) għaċ-ċentru tal-viżitaturi, kif ukoll it-tisbiħ u t-titjib tal-park arkeoloġiku. Għaldaqstant saret applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq dan l-iżvilupp u l-permess inħareġ fl-4 ta’ Novembru 2010. Bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti sabiex toħroġ sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet għall-valur ta’ madwar €2 miljun. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew fit-tieni nofs tal-2011.
Fl-2009 ukoll inħareġ b’sejħa għall-offerti u ngħata kuntratt sabiex issir analiżi dettaljata tal-istruttura tat-tempji nfushom. Dan l-istudju għadu għaddej.
Għaldaqstant, kif muri fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin ta’ Tqegħid ta’ Karti, s’issa ngħataw kuntratti li kumplessivament jiswew madwar €350,000. Minnhom digà tħallsu madwar €225,000.
Barra minn hekk, fl-istess ħin fit-tempji tal-Ġgantija għaddej xogħol ieħor finanzjat mill-Fondazzjoni Vodafone u li jammonta għal €202,000. Dan ix-xogħol jinkludi l-istallazzjoni ta’ stazzjon għall-moniteraġġ ambjentali, cameras tas-sigurtà, l-istallazzjoni ta’ screens b’interpretazzjoni diġitali, u passaġġi fit-tempji li se jiffaċilitaw l-aċċess għall-viżitaturi. L-ewwel tliet komponenti tlestew fl-2011 filwaqt li x-xogħol fuq il-passaġġi se jitlesta fl-2011.

Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin