PROĠETT CLOSER TO EUROPE 22877. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar matul l-2010 f’Malta u f’Għawdex separatament taħt il-Proġett ESF 4.94 – Closer to Europe?Kemm kienet in-nefqa f’Malta u f’Għawdex separatament?
ONOR LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa li saret s’issa fuq il-Proġett ESF 2.94 Closer to Europe kienet l-aktar ta’ natura pubbliċitarja, speċjalment rigward sejħiet għall-offerti bl-appalt u għalhekk m’hemmx nefqa separata għal Malta u għal Għawdex.
TURIŻMU SOSTENIBBLI - PROĠETTI MINN INTRAPRIŻI PRIVATI 22878. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jekk jogħġbu jgħid kemm intrapriżi privati Maltin u Għawdxin separatament gawdew mill-Iskema għal Proġetti minn Intrapriżi Privati għal Turiżmu Sostenibbli 2007-2013 ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea taħt kull waħda mit-tliet sejħiet li ħarġu s’issa? X’inhuma l-proġetti li twettqu/għandhom jitwettqu f’Malta u f’Għawdex separatament taħt kull sejħa? X’inhu l-valur totali taħt kull sejħa ta’ dawn il-proġetti li twettqu f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim għall-għotja tal-fondi li jinkludi l-implimentazzjoni u l-pjan ta’ nfiq abbinat ma’ din l-iskema?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
WASTE TREATMENT AND TRANSFER FACILTY – IMPLIMENTAZZJONI U PJAN TA’ NFIQ 22879. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett tal-Waste Treatment and Transfer Facility ta’ Għawdex? X’jonqos isir? Meta mistenni li jitlesta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim għall-għotja tal-fondi li jinkludi l-implimentazzjoni u pjan ta’ nfiq dwar dan il-proġett?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat illi s-sejħa għall-offerti għall-project management tal-iżvilupp tal-proġett tal-Waste Treatment and Transfer Facility ta’ Għawdex ġiet allokata u s-sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni tal-istess proġett qiegħda għand id-Dipartiment tal-Kuntratti lesta biex tiġi ppubblikata. Wara li jiġi allokat il-kuntratt tax-xogħlijiet, mistenni li l-proġett jieħu tmintax-il xahar biex jinbena. Il-ftehim għall-għotja tal-fondi għal dan il-proġett għadu mhux magħluq. Ta’ min jinnota li l-proċess tal-applikazzjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ittawwal aktar milli kien maħsub minħabba oppożizzjoni inizjali mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija.
GĦAWDEX – PROĠETTI 22880. L-ONOR. ANTON REFALO staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li l-Ministeru tagħha se jwettaq f’Għawdex sena b'sena minn din is-sena sal-2013? Kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ, huma/ser ikunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Meta bdew jitwettqu/mistenni li jibdew jitwettqu u meta huwa mistenni li jitlestew/jispiċċaw?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija skont il-programm elettorali tal-gvern u l-fondi li jkunu provduti lill-Ministeru għal Għawdex sas-sena 2013.
BASKTIJIET TAL-ISKOLA – PIŻ LI JISTA’ JINĠARR 22881. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru telabora ftit fuq it-tweġiba li kienet tat għal mistoqsija parlamentari 4099? Tista' tgħid, skont l-istess formola, student li hu twil 1.25 metru u jiżen 27 kg kemm hu l-limitu ta' piż li jista' jgorr? Tista' tgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandux xi sistema li bis-saħħa tagħha jsir moniteraġġ tat-toqol tal-basktijiet tal-istudenti?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-piż massimu li jġorr student li jiżen 27 kg, m’għandux jaqbeż l-20% tal-piż totali tal-ġisem, jiġifieri 5.4 kg. L-iskejjel għandhom ċirkulari li ħarġet fil-25 t’Awwissu 2009 li tagħti direzzjoni dwar dan. Il-moniteraġġ isir fl-iskejjel fuq il-linji gwida msemmija fiċ-ċirkolari.
ĦAŻ-ŻEBBUĠ - ASFALTAR TA’ VJAL IL-ĦELSIEN 22882. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Prim Ministru: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21065, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsill lokali ħariġx is-sejħa għall-offerti sabiex isir xogħol ta' afaltar fi Vjal il-Ħelsien f’Ħaż-Żebbuġ? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk l-istess kunsill għandux data ffissata sa meta din is-sejħa għall-offerti se toħroġ?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ mistenni joħroġ is-sejħa għall-offerti għal Vjal il-Ħelsien sa tmiem Jannar 2011.
TRASFERIMENT TA' ANZJANA MINN DAR TAL-ANZJANI GĦAL OĦRA 22883. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tinsab Casa Arkati u jgħid jekk hijiex se tibqa' hemmhekk għal dejjem jew inkella hix se tiġi trasferita għar-Residenza San Vinċenz de Paul fuq ix-xewqa tal-istess anzjana u tal-istess applikazzjoni li hija għamlet?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Ninsab infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija waħda minn dawk il-pazjenti li kienet ġiet trasferita mill-Isptar Mater Dei għal Casa Arkati fis-6 ta’ Jannar 2011 taħt l-iskema tal-public private partnership meta kien hemm influss qawwi ta’ pazjenti bl-influwenza li kellhom bżonn jiddaħħlu fl-Isptar Mater Dei.
Din l-anzjana kienet applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul fit-30 ta’ Diċembru 2010. L-evalwazzjoni tas-social worker wasal fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità fid-19 ta’ Jannar 2011. Dan il-każ ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paul u tqiegħed fuq il-lista ta’ stennija.
Din l-anzjana issa jinħtieġilha tagħmel talba lid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità biex tiġi trasferita minn Casa Arkati għar-Residenza San Vinċenz de Paul. Dan it-trasferiment jiddependi mill-postijet vakanti f'din ir-residenza kif ukoll mill-bżonnijiet kliniċi tal-anzjana.
TNEĦĦIJA TA' SIĠAR 22884. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22350, wara x-xogħol li sar fejn il-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ntalbu biex ineħħu s-siġar minn post tal-gvern li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema tal-agrikoltura jagħmlu dan ix-xogħol bl-inqas inkonvenjent?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija responsabbiltà tal-kunsill lokali u għalhekk nitolbu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
ARMS LTD. - KONTIJIET 22885. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jara li jiġi segwit il-każ ta' ġenitur weħidha b'żewġt itfal li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha kont pendenti mal-ARMS Ltd? Jidher li dan hu każ ġenwin u din il-persuna tinsab fi problemi kbar.
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għaddewli l-ARMS Ltd, jidher li hemm xi diskrepanzi fil-qari tal-meter. Il-kont li ħareġ l-ARMS huwa bbazat fuq il-qari li għadda l-konsumatur u għalhekk huwa żbaljat.
Għaldaqstant, l-ARMS Ltd. ħadet passi sabiex issir spezzjoni b’mod immedjat u jekk ikun hemm ħtieġa, issir ukoll reviżjoni tal-kont.
KAŻ TA' HOUSING 22886. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' housing tas-sinjura b’żewġt itfal, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ma tistax tibqa' tħallas l-ammont ta' kera tal-privat ta' €300 u li tkellmet bosta drabi mal-Awtorità tad-Djar, fejn dejjem jgħidluha li t-talba tagħha qiegħda quddiem il-Bord?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti parir lis-sinjura biex tmur l-uffiċċju tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar.
ARMS LTD. - KONTIJIET TAD-DAWL U L-ILMA 22890. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22284 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-individwu li għal xi żmien kien jgħix fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn lanqas qatt ma kien hemm provvista tal-elettriku u lanqas tal-ilma, u ilu bosta snin joġġezzjona għall-kontijiet li qed jirċievi mingħand l-awtoritajiet, illum l-ARMS Ltd, u anke ħa affidavit, u qed jitlob biex jittieħdu l-passi neċessarji biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata għax hu m'għandux x'jaqsam xejn ma’ dawn il-kontijiet?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-każ riferut ġie mgħoddi lil ARMS Ltd li min-naħa tagħha qed tinvestiga u se tieħu l-passi meħtieġa skont kif jirriżulta mill-istess investigazzjoni.
KUNSILLI LOKALI - IMPJEGATI FULL-TIME 22891. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22697 u jikkonferma jekk hemmx impjegati full-time mal-kunsilli lokali li ddaħħlu f'dawn l-aħħar 12-il xahar u fl-istess waqt dawn il-persuni qed jagħtu servizz taħt forma ta' kuntratt lill-istess kunsill li impjegahom? Jista' jgħid jekk hemmx iktar talbiet pendenti f'dan ir-rigward?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 22697.
(Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta b’dokument Nru. 6399 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 308 tat-Tlieta, 1 ta’ Frar 2011)
KUNSILLI LOKALI - ONORARJA TAS-SINDKI 22892. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22695 u jikkonferma jekk iż-żieda fl-onorarja tas-sindki hux se tkun qed tiżdied awtomatikament fl-allokazzjoni tal-kunsilli lokali?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nireferi lill-Onor.Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 22695.
(Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta b’dokument Nru. 6400 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 308 tat-Tlieta, 1 ta’ Frar 2011)
KUNSILLI LOKALI - IMPJEGATI 22893. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22696 u jagħti informazzjoni dwar kemm hemm u liema huma l-kunsilli lokali li daħħlu magħhom fis-snin 2009, 2010 u 2011 impjegati direttament minn barra s-sistema, fejn l-ewwel jintalbu persuni mill-kunsilli lokali stess, imbagħad mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ? Jista' jgħid x' kienu r-raġunijiet biex sar dan?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Twegiba tingħata f’xi seduta oħra.
AJRUPLAN TUNEŻIN FL-AJRUPORT INTERNAZZJONALI TA’ MALTA 22894. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar 2011 filgħaxija, fl-ajruport internazzjonali ta' Malta niżilx xi ajruplan Tuneżin? Jekk iva, x'kienet l-għan taż-żjara tiegħu u min kien fuqu?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li ma niżel l-ebda ajruplan Tuneżin fl-ajruport ta’ Malta nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar, 2011 filgħaxija.
NATIONAL INTELLIGENCE CELL - ĦIDMA TA' SORVELJANZA 22895. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha teżisti n-National Intelligence Cell li tikkordina l-ħidma ta' sorveljanza ta' Malta kontra atti terroristiċi? Minn kemm ilha teżisti, kklasifikat f'livelli differenti l-periklu ta' attakki terroristiċi fuq Malta? F'liema livelli mill-ħamsa li għandha ikklassifikat it-tagħrif li rċeviet?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-National Intelligence Cell twaqqfet fl-2005.
SIT ELETTRONIKU INTERATTIV GĦALL-ĠENITURI 22896. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tara li tittieħed inizjattiva biex ikun hemm sit elettroniku interattiv għall-ġenituri fejn ikunu jistgħu jwasslu l-mistoqsijiet, is-suġġerimenti u l-kritika tagħhom dwar xi jkun għaddej fl-iskejjel ta' uliedhom biex jiġu indirizzati mid-direttorati?
ONOR. DOLORES CRISTINA: S’issa, is-sit elettroniku tad-Direttorat tal-Edukazzjoni jagħmel parti mis-sit elettroniku tal-Ministeru. Għalkemm is-sit elettroniku m'għandhux forum, il-ġenituri u l-pubbliku in ġenerali jistgħu jressqu s-suġġerimenti, il-kummenti u l-ilmenti jew billi jużaw il-posta elettronika tal-Customer Care tad-Direttorat: info.education.meef@gov.mt jew billi jirrikorru għall-customer care tad-Direttorat fil-Furjana. Dan diġà qed iseħħ. Is-suġġerimenti li jitressqu dejjem jiġu kkunsidrati u fejn ikun hemm ilmenti dawn jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli.
UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - VOTI APPROVATI U MHUX MINFUQA 22897. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Prim Ministru: B'referenza għall-Estimi 2010, approvati mill-Parlament, jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji linja linja, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-voti intitolati “Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Governattivi”, “Programmi u Inizjattivi” u dawk Kapitali?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li d-Dipartiment tat-Teżor għadu ma ffinalizzax iċ-ċifri għas-sena sħiħa tal-2010, għadha ma saritx rikonċiljazzjoni taċ-ċifri finali. Għaldaqstant, risposta tingħata f’xi seduta oħra.
MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN - VOTI APPROVATI U MHUX MINFUQA 22898. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti d-dettalji linja linja, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-voti intitolati “Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Governattivi”, “Programmi u Inizjattivi” u dawk Kapitali?
ONOR. TONIO BORG: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li tidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN - VOTI APPROVATI U MHUX MINFUQA 22899. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji linja linja, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa), inkluż il-voti intitolati “Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Governattivi”, “Programmi u Inizjattivi” u “Nfiq Kapitali”?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ - VOTI APPROVATI U MHUX MINFUQA 22900. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji linja linja, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa), inkluż il-voti intitolati “Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Governattivi”, “Programmi u Inizjattivi” u “Nfiq Kapitali”?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
MINISTERU TAL-FINANZJI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - VOTI APPROVATI U MHUX MINFUQA 22901. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji linja linja, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa), inkluż il-voti intitolati “Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Governattivi”, “Programmi u Inizjattivi” u “Nfiq Kapitali”?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tat-Teżor jinsab fil-proċess li jagħlaq il-kontijiet tas-sena 2010, għaldaqstant l-informazzjoni tkun tista’ tingħata meta l-eżerċizzju jitlesta.
MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTRA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI - VOTI APPROVATI U MHUX MINFUQA 22902. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji linja linja, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa), inkluż il-voti intitolati “Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Governattivi”, “Programmi u Inizjattivi” u “Nfiq Kapitali”?
ONOR. AUSTIN GATT: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
TAL-PIETÀ - ARBLU TAD-DAWL ĦDEJN IL-BANDLI 22929. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22605 u ċioè: peress li fin-naħat ta' Gwardamanġa/l-Blata l-Bajda żdiedet sew il-kriminalità, anke minħabba ċ-ċentru tad-Detox fil-viċinanzi, jista' l-Prim Ministru jara jekk jistax jitwaħħal arblu tad-dawl viċin il-bandli tal-Pietà, fuq in-naħa ta' Triq Joe Gasan, Ħamrun?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ta struzzjonijiet lill-kunsill lokali konċernat biex l-inħawi indikati mill-Onor. Interpellant jiddawlu kif meħtieġ.
TFAL IBATU MIS-CEREBRAL PALSY 22930. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22611 u ċioè: b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22251, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba peress li fid-dawl ta' leġislazzjoni pendenti dwar l-IVF, din l-informazzjoni hi kruċjali?
ONOR. JOSEPH CASSAR: B'referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22049, minn dawn il-każijiet ġodda ta’ cerebral palsy fil-perjodu bejn l-1995 u Ottubru 2010, jirriżulta li kien hemm żewġ każijiet separati fejn it-tarbija kienet waħda minn tewmin.
INFLUWENZA AH1N1 - MEDIĊINA TAMIFLU 22931. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22610 u ċioè: rigward il-mediċina Tamiflu, jista' l-Ministru jgħid minn meta m'għadhiex tingħata b'xejn meta tkun preskritta minn tabib? Japprezza l-fatt li filwaqt li s-sena li għaddiet kienet qed tingħata b'xejn b'mod universali, issa lanqas qed tingħata b'xejn lil min għandu l-karta r-roża u dan fi żmien meta hemm tant ammissjonijiet ta’ pazjenti fl-isptar b'kumplikazzjonijiet tal-Influwenza AH1N1?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Ninsab infurmat li l-għoti tal-medicini Oseltamivir u Zanamivir b’xejn kienu parti mill-pjan ta’ rispons tad-Diviżjoni għall-Pandemija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-preżent għaddejjin mill-fażi akuta tal-influwenza staġjonali u bl-ebda mod m’aħna fi stat ta’ pandemija. Għaldaqstant, il-miżuri kollha li kienu ttieħdu s-sena l-oħra waqt li konna f’pandemija ma japplikawx għal din is-sena.
OMBUDSMAN - RAPPORT FINALI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA 22932. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22241 u jgħid tlestiex ir-rapport finali tal-grupp ta’ ħidma li kien ġie rakkmandat mill-Ombudsman f'Jannar 2009 dwar politika nazzjonali għall-immaniġġjar tal-listi tal-istennija għall-operazzjonijiet fl-isptarijiet pubbliċi? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
QORTI T’GĦAWDEX - SENTENZI TA' SEPARAZZJONIJIET 22933. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi ta' separazzjonijiet fil-Qorti t'Għawdex taħt il-Maġistrat Paul Coppini fl-aħħar sentejn u nofs?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sentejn u nofs fil-Qorti t'Għawdex inqatgħu tliet sentenzi ta' separazzjoni mill-Maġistrat Paul Coppini kif ukoll ingħataw numru ta’ digrieti marbuta ma’ diversi kawzi oħra ta’ separazzjoni.
ĊIMITERJU TAL-ADDOLORATA - RESTAWR TAD-DAĦLA PRINĊIPALI 22934. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir ix-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata u xi pjanijiet ta' restawr hemm għall-bieb tal-ħadid li kien jinsab mal-istess faċċata u li issa ġie mwarrab?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li fuq ir-rixtellu tad-daħla prinċipali taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata diġà sar ix-xogħol kollu ta’ restawr u protezzjoni. Tali bieb tal-ħadid jinsab fiċ-ċimiterju lest sabiex jitwaħħal f’postu meta x-xogħol ta’ restawr u tisħiħ tal-faċċata jseħħ.
Il-pjan għax-xogħol fuq l-istruttura tad-daħla għadhom qed jitħejjew peress li jinvolvu permessi neċessarji mill-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjannar.
SPTAR MATER DEI - STATWA TAL-BRONŻ 22935. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid x'jonqos li jsir sabiex mal-istatwa tal-bronż li tinsab fl-entratura tal-Isptar Mater Dei jitpoġġew il-kliem tal-bronż “Mater Dei”?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
SPTAR MATER DEI – DIPARTIMENT TAL-OUTPATIENTS 22936. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' nies li ta' kuljum jidħlu fl-Isptar Mater Dei fl-oqsma differenti tad-Dipartiment tal-Outpatients u kemm il- qasam differenti jeżisti fid-Dipartiment tal-Outpatients?
ONOR. JOSEPH CASSAR: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MOSTA - PAGAMENTI LIL PERIT MILL-KUNSILL LOKALI 22937. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-Kunsill Lokali tal-Mosta f'kemm kienu jammontaw il-pagamenti kollha li saru lill-perit li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fis-snin 2009 u 2010?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li l-perit tal-Kunsill Lokali tal-Mosta tħallas l-ammont ta’ €21,404.02 għas-sena 2009 filwaqt li għas-sena 2010 tħallas l-ammont ta’ €45,729.28
IL-MOSTA – INFIQ FUQ BINI TA' TOROQ 22939. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-infiq li għamel il-Kunsill Lokali tal-Mosta fis-snin 2008, 2009 u fl-2010 f'bini ta' toroq ġodda u asfaltar? Jista' jagħti l-ismijiet tat-toroq li saru f'dawn is-snin imsemmija?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat li matul l-2008 u l-2009 il-Kunsill Lokali tal-Mosta m’għamilx xogħlijiet relatati mal-bini tat-toroq fil-lokalità. Intant, matul is-sena 2010 saru parti minn Triq id-Dawr bi spiża ta’ €17,186.74, Triq l-Antinni bi spiża ta’ €84,422.46 u Triq il-Wied bi spiża ta’ €30,580.07.