IL-GĦARGĦUR – TRIQ MATTIA PRETI – RESERVED PARKING BAYS 10778. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Mattia Preti, il-Għargħur, tneħħew ir-reserved parking bays?
ONOR. JOE MIZZI:Jien infurmat li minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport tal-aħħar sentejn, irriżulta li l-Awtorità ma neħħiet l-ebda parkeġġ riżervat minn Triq Mattia Preti, Ħal Għargħur.
INVESTIGAZZJONI TAL-PULIZIJA DWAR ALLEGAT KORRUZZJONI TA’ ĦLASIJIET TA’ COMMISSIONS 10779. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-investigazzjoni tal-pulizija fuq l-allegat korruzzjoni fil-każ ta’ bailout ta’ €4.3 miljun għall-entità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġietx konkluża sad-data li fiha tkun inwieġba din id-domanda?
ONOR. EMANUEL MALLIA:Ninforma lill-Onor. Interpellant li inkwistjoni, għandu jingħad li l-investigazzjoni tal-Pulizija ġiet konkluża fil-bidu ta’ Lulju 2014 u ma nstabet ebda indikazzjoni li tħallsu xi commissions sabiex jiffaċilitaw jew jinfluwenzaw fix-xiri tal-enfitewsi rimanenti fuq l-entità li l-isem tagħha ġie mgħoddi separatament.