SKEJJEL SEKONDARJI – RATA NAZZJONALI TAL-ASSENTEIŻMU
10816. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tas-sekondarja li m’għandhomx il-bniet u s-subien imħalltin, mill-Form 1 sal-Form 5 jew ekwivalenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi, dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel sekondarji Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, jiġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Bħall-iskejjel tal-Istat, l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rrappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn tlitt ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola.
Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru.
Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza ser tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Dostları ilə paylaş: |